Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’liema mod l-Awtorità tad-Djar qed tgħin lil dawk li verament għandhom bżonn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar qiegħda tgħin lil dawk li huma ġenwinament fil-bżonn b’diversi servizzi, inizjattivi u skemi. L-iskemi li toffri l-Awtorità tad-Djar huma ; · Skema Irranġar u Titjib (ADP) · Skema għall-Persuni b’diżabilita` (DIS) · Skema Strutturi Perikolużi f’postijiet mikrija qabel Ġunju 1995 (SSP) · Skema ta’ Sussidju tal-Kera mill-Privat (PRS) · Skema Social Loan Bank of Valletta (SOL) · Skema ta’ Installar ta’ Lifts fi Blokkijiet tal-Gvern (LFT) · Skema Għotja fuq l-Ewwel Residenza (GFR) · Skema Sir Sid Darek (SSD) L-Awtoritá tad-Djar talloka wkoll appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat permezz tal-iskemi ; · Skema Nikru Biex Nassistu (NIK) · Skema Restawr ta’ Postijiet Battala biex jinkrew lill-Awtorita’ tad-Djar (RVU) Skemi li jissuplixxu proprjeta` tal-privat għall-skop ta’ housing soċjali. L-Awtorità tad-Djar tagħmel ukoll u tiffinanzja x-xogħlijiet neċċessarji fil-komun tal-proprjetà tal-Gvern flimkien ma’ proġetti ta’ manutenzjoni, tisbieħ u tiswija.

White Paper dwar il-Kera — konsultazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, min kien involut fil-White Paper dwar il-kera u ma’ min kienet il-konsultazzjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-White Paper dwar il-kera kienet inizjattiva tas-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali bl-għajnuna tal-policy team fi ħdan l-istess Segretarjat. Diversi individwi u entitajiet ġew ikkonsultati fosthom ; § Aġenzija Żgħażagħ § Alleanza kontra l-Faqar § ARMS Ltd. § Building Industry Consultative Council § Caritas § Casa Rooms § Central Bank of Malta § Curia § Customer Care, Ministeru għall-Familja, Sigurta’ Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal § Dar Papa Franġisku § Dar Suriet il-Bniedem § DG, Court of Justice § Dhalia § Engel and Volkers § Faculty for the Built Environment § Faculty of Social Wellbeing and Society § Federation of Estate agents § General Workers Union § Gozo Business Chamber § Graffiti § GRTU § Identity Malta § Igen § Industrija ta’ min iħaddem § Industrija tal-Avjazzjoni § Inkwilini § Jesuit Refugee Service § Kamra tal-Periti § Lands Authority § Leo Vegas § Malta Chamber of Commerce § Malta Developers Association § Malta Development Bank § Malta Employer’s Association § Malta Tenant Support Group § MCESD Civil Society § Mid-Dlam għad-Dawl § Mount Carmel § National Statistics Office § Office of the President of Malta § Paddy Power Betfair § Parroċċi Parrokjali § Planning Authority § Quicklets § Remax § Rent Regulation Board, Court of justice § Richmond Foundation § Sensara Malta § Sidien tal-kera § Simon Mamo Estate § St. Patrick’s Salesians § UHM

Akkomodazzjoni Soċjali — inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ħarġu, fejn qed jinċentiva lill-privat biex jgħin fis-sitwazzjoni ta’ Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar permezz ta’ żewġ skemi varati fl-2017 u l-2018 qiegħda tħajjar sidien ta’ proprjetà battala, jikrulha għall-perjodu ta’ 10 snin. Dawn l-iskemi huma ; · Skema Nikru Biex Nassistu · Skema Restawr ta’ Postijiet Battala biex jinkrew lill-Awtorità tad-Djar. Permezz tal-iskema Skema Restawr ta’ Postijiet Battala, l-Awtorità tad-Djar tagħti għotja sa’ €25,000 għal xogħlijiet ta’ restawr sabiex il-proprjetà battala tiġi irranġata u tinkera għal 10 snin, bħala housing soċjali. Inċentiv ieħor taħt din l-iskema huwa, li sidien jħallsu taxxa fuq id-dħul mill-kirja mħallsa lilhom mill-Awtorta` tad-Djar bir-rata ta’ 5% fis-sena. L-iskema ‘Nikru Biex Nassistu’, qiegħda toffri inċentiv li t-taxxa ta’ 5% fuq id-dħul mill-kirja mħallsa lis-sidien mill-Awtortà tad-Djar, qiegħda titħallas direttament mill-Awtorità tad-Djar.

Akkomodazzjoni alternattiva — applikanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti jistennew akkomodazzjoni alternattiva sal-lum?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar għandha 3,291 talba pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali. L-Awtorità tad-Djar għandha wkoll 549 talba pendenti biex persuni li diġà qed jgħixu f’appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali jpartu l-post ma’ post alternattiv ieħor.

Awtorità tad-Djar — Postijiet alternattivi - applikanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti jistennew post alternattiv mil-lokalitajiet ta’ Bormla, l-Isla, Birgu, Kalkara, Xgħajra, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, il-Mosta, Ħ’Attard, Burmarrad u l-Imdina? Mil-liema kategorija ġejjin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpelllant illi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Post alternattiv għall-persuni li jgħixu f’postijiet sub standard

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’politika qed juża għal dik il-kategorija ta’ familji li jgħixu f’postijiet delipidati (sub standard) biex jieħdu post alternattiv?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, applikanti li japplikaw għall-akkomodazzjoni alternattiva u jgħixu fi proprjetà, li l-Awtorità tad-Djar tivverifika li hija sub-standard, jiġu meqjusa bħala każijiet ta’ prijorità, flimkien ma każijiet oħra li wara proċess rigoruż, jiġu ukoll meqjusa bħala prijorità. Wara, imbgħad ikun stabbilit x’għajnuna tista’ tingħata skont il-mertu ta’ kull każ.

Tqassim ta’ postijiet alternattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta ġie elett dan il-Gvern f’din il-Leġiżlatura, kemm tqassmu postijiet alternattivi? Mil-liema kategorija ġew u mil-liema lokalitajiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba.

Skema ta’ regolarizzar fil-bini tad-dar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se toħroġ l-iskema ta' regolarizzar fil-bini tad-djar, liema bini u rranġar fid-dar bla permess fil-hamlets?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema ta’ regolarizzar fil-bini tad-djar ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Irranġar tal-Komun – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward irranġar tal-komun?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Problema ta’ ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn ilu żmien twil bi problema fl-ilma li qed jiġih kannella u wara diversi tentattivi mal-Water Services Corporation kif ukoll mal-kunsill, xorta baqa’ bla risposta? L-individwu jrid jara wkoll jekk hux se jibdlulu l-main tal-Gvern jew le?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-individwu ngħataw lill-WSC biex tistħarreġ dan l-ilment.

Permess għall-bejgħ ta’ ilma minn garaxx – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara u jikkonferma jekk fil-garaxx li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, hux qed isir bejgħ ta’ ilma fejn dan qed ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti tal-madwar? Jista’ jara jekk hemmx permess biex isir dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li dwar l-allegat bejgħ ta’ ilma minn garaxx li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, u li allegatament qed ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti tal-madwar, il-Pulizija għamlet l-indaġini tagħha u rriżulta li kemm is-sors ta' ilma kif ukoll il-vettura użata mis-sid tal-garaxx huma bil-permess. Ġie kkonfermat ukoll li hu permessibbli li f'xi okkażjonijiet isir bejgħ ta’ ilma sakemm il-vetturi jkunu liċenzjati għall-ġarr tal-ilma wkoll. Infurmat li l-Pulizija ħadet il-passi meħtieġa biex taċċerta li ma jinħoloqx inkonvenjent għar-residenti tal-madwar, u qed tagħmel rondi fil-lokalità biex dan ikun aċċertat.

Definizzjoni ta’ Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi d-definizzjoni ta’ Akkomodazzjoni Soċjali għal Ministeru tiegħu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Ministru jadotta definizzjoni wiesgħa t’akkomodazzjoni soċjali, li għandha tkun parti minn viżjoni ħolistika ta’ akkomodazzjoni fuq livell nazzjonali u li tħares kemm lejn l-aspett fiżiku u kif ukoll dak soċjali, d-dar u l-familja. Peress illi l-Gvern, jemmen bis-sħiħ fid-dritt ta’ kull persuna li jkollha saqaf fuq rasha, ir-responsabbilta` tiegħu li jipprovdi saqaf diċenti u affordabbli, lil min il-qagħda soċjo-ekonomika tiegħu f’xi perjodu ma tippermettilux li jkollu, hija l-ewwel funzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali, flimkien ma’ servizzi soċjali oħra, bl-għan li jiġu indirizzati bżonnijiet ġodda li ġejjin minn tibdil fir-ritmi individwali u tal-familja tradizzjonali.

Qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali – viżjoni tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-viżjoni tal-Gvern fil-Qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Gvern jemmen fid-dritt għall-akkomodazzjoni diċenti għal kulħadd. Din il-viżjoni tfittex li toħloq sistema ta’ akkomodazzjoni għall-futur tal-pajjiż, fejn tara r-relazzjoni bejn il-familja u d-dar minn lenti ħolistika u kif id-dar u l-familja qed jiġu affetwati mill-ekonomija, l-ambjent u l-aspetti kulturali. Din il-viżjoni ħolistika, hija bbażata fuq sistema ta’ ppjanar li toħloq ambjent soċjali inklussiv u sigur għal kulħadd, billi toffri aċċess tajjeb għal servizzi pubbliċi, faċilitajiet u spazji miftuħin. Din is-sistema ħolistika għandha toħloq faxx ta’ akkomodazzjoni affordabbli, li jkun imqabbad ma’ benefiċċji u programmi speċifiċi, biex jgħinu lill-persuni fil-bżonn jjipparteċipaw b’mod sħiħ fis-suq tal-proprjeta`. Il-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur, hija ffukata li jiżdiedu l-alternattivi affordabbli fis-suq in ġenerali. B’aktar alternattivi affordabbli biss nistgħu niffaċilitaw mobilita` soċjali, u nassiguraw illi ħadd ma jibqa’ lura, kemm żgħażagħ, familji u nies anzjani.

Flus mogħtija lura għal żieda fil-kera

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1010 u jgħid jekk hux vera li mit-2 ta' Mejju 2017 il-Gvern kien qal li ta l-flus lura tal-kera li għoliet? Jista’ jgħid jekk hux kulħadd li ser jieħu dawn il-flus lura?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 6702.

Single Mothers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3427 u jgħid kemm hawn single mothers reġistrati? Kemm minnhom jaħdmu? Kemm minnhom huma dipendenti fuq benefiċċji soċjali bħala l-unika sors ta’ income? Kif inhi komposta l-familja tagħhom? Kemm għandhom tfal? Kemm hawn single mothers li huma f’riskju ta’ faqar (jew qegħdin fil-faqar)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ċentri LEAP — Professjonisti assenjati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6430 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19089 tal-Leġiżlatura XII, jista’ l-Ministru jindika l-professjonisti li ġew assenjati fiċ-Ċentri LEAP u f’liema Ċentru qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, t-total ta’ professjonisti fiċ-Ċentri LEAP jammonta għal 84. Dawn qed jagħtu s-servizz tagħhom f’dawn iċ-Ċentri, kif ġej; Professjonisti fiċ-Ċentri LEAP Ċentru Junior Social Mentor Regional Development Agent Community Worker Social Worker Senior Executive II Senior Social Mentor Total BIRGU 1 1 1 3 B'KARA & MSIDA 1 7 8 KOTTONERA 2 5 7 GHAWDEX 4 3 7 KIRKOP 3 1 4 ST VENERA/LEAP 2 3 5 QAWRA 1 1 1 4 7 QORMI 3 1 1 1 6 BELT 1 1 2 4 8 ST LUCIA 2 2 Sub-Total 57 Home Based Therapeutic services Professionals 27 TOTAL 84

Police Records

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2743 u jgħid għaliex jeżisti l-police record? Jista’ jgħid għaliex il-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u kumpaniji serji għandhom id-dritt li jsaqsu għall-police record anke dettaljat ta’ potenzjal ħaddiem li għadu kemm għamel intervista magħhom, mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija stess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-police Criminal records, dan huwa r-reġistru tal-kundanni kriminali ta' persuni li jkunu nstabu ħatja mill-Qrati u miżmum skont il-provedimenti tal-artikli tal-Kapitolu 77 (Ordinanza Dwar iċ-Ċertifikati tal-Kondotta) tal-liġijiet ta' Malta. Dwar l-entità li d-dettalji li ngħataw separatament u d-dritt li jsaqsu għall-police record (Police criminal record), ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq dan is-suġġett il-Pulizija hija gwidata bil-provediment tal-istess liġi, u speċifikament ir-Raba’ Skeda, fejn hemm elenkat lista tal-awtoritajiet kompetenti li għandhom id-dritt li jitolbu reġistru sħiħ tal-kundanni kriminali mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija. L-entità li tagħha ngħataw id-dettalji mhix waħda minn dawn l-Awtoritajiet. Madankollu persuna għandha dritt titlob reġistru sħiħ tal-kundanni kriminali tagħha skont il-provedimenti tal-artiklu 21 tal-Kap 440 Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data (Subject Access Request).