Dokument – Struttura għal Tnaqqis fil-Faqar u għal Inklużjoni Soċjali 2014 — 2024
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument: ‘Struttura għal Tnaqqis fil-Faqar u għal Inklużjoni Soċjali 2014 – 2024’? Xi twettaq mill-Gvern s’issa minn dan id-dokument?’
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Politika Strateġika Nazzjonali għal Tnaqqis fil-Faqar u għall-Inklużjoni Soċjali (2014-2024), tista’ tiġi aċċessata minn fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ;
https://family.gov.mt/en/Documents/Poverty%20Strategy%20Maltese.pdf
https://family.gov.mt/en/Documents/Poverty%20Strategy%2014%20English%20Version.pdf
Dwar l-implimentazzjoni ta’ din Il-Politika Strateġika Nazzjonali, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-
Implementation
and Evaluation Report 2014-2016 - National Strategic Policy for Poverty Reduction and Social Inclusion 2014-2024
, illi ġie mniedi f’Novembru 2017 u li jista’ jkun aċċessat minn fuq is-sit uffiċjali tal-Ministeru ;
https://family.gov.mt/en/Documents/Poverty%20Booklet.pdf
Jista’ d-Deputat Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus (kapitali u rikorrenti) fuq is-servizzi tal-qasam tas-saħħa mentali matul din is-sena sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena n-nefqa kapitali fuq is-servizzi tal-qasam tas-saħħa mentali kienet €718,776 u dik rikorrenti kienet €33,905,465.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif iddettaljat dwar it-tipi ta’ xogħol li qed jitwettaq mill-Programm LEAP sabiex persuni joħorġu mill-faxxa ta’ faqar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-għan prinċipali taċ-ċentri LEAP huwa, li persuni vulnerabbli isibu spalla, gwida u għajnuna professjonali f’diversi oqsma.
Il-ħaddiema kollha tal-LEAP, iwettqu ħidma f’dak li hu
profiling
tal-familji vulnerabbli, sabiex jiġi indikat u mfassal pjan ta’ ħidma soċjali u tingħata l-għajnuna speċifika li l-familji vulnerabbli għandhom bżonn. Fil-fatt saru madwar 18,200 profil f’dawn l-oqsma li ġejjien;
· 800 profil ta’ persuni b’diżabilita`.
· 8,770 profil ta’ persuni li jibbenefikaw mill-iskema FEAD (tqassim tal-ikel koffinanzjat mill-Unjoni Ewropea)
· 6,177 profil ta’ persuni li jibbenefikaw mill-iskema SFFD (tqassim tal-ikel imħallas mill-Istat)
· 470 ‘il familji sabiex tibbenefika mill-iskema tal-
White Goods
b’kollaborazzjoni mall-
Water and Energy Agency
fejn 277 minhom diġa ġew assistiti u il-meħtieġ mogħti.
· ‘l fuq minn 2,000 familja li huma fil-lista tal-Awtorita` tad-Djar u li b’kollaborazzjoni mal-LEAP qiegħed issir profil fid-djar tagħhom.
B’kollaborazzjoni ma’ Ministeri u entitajiet oħra, il-LEAP jista’ jgħin aktar familji itejbu l-istil ta’ ħajja tagħhom u ukoll jaħdem ma’ aktar familji fil-bżonn. Din l-għajnuna li qiegħda tingħata tikkonsisti f’ħidma ma’;
- Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u n-National Literacy Agency sabiex ngħinu lit-tfal li ġejjin minn familji vulnerabbli u b’nuqqas ta’ ħiliet kif ukoll ħidma mal-Life Long Learning ;
- Ħidma mal-Water and Energy Agency sabiex jiġu mgħejuna l-familji bi dħul baxx fejn jidħlu użu ta’
appliances
;
- Kollaborazzjoni mal-JobsPlus u mal-Malta Enterprise għal għajnuna relatata ma’ tfittxija ta’ impjieg jew lil dawk li jeħtieġu għajnuna biex jiftħu intrapriża tagħhom;
- Ħidma mas-Servizzi Korrettivi ta’ Kordin sabiex dawk li jkunu qed jiskontaw is-sentenza tagħhom tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni lura tagħhom fis-soċjeta`,
- Kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali rigward it-tqassim tal-ikel;
- Ħidma mal-Awtorita` tad-Djar sabiex tingħata l-għajnuna lil dawk li huma fil-bżonn meta jkunu ser jieħdu loan sabiex ikollhom l-proprjeta` tagħhom.
- Promossi ta’ korsijiet li jsiru fil-lokalitajiet bħal
Għaqal id-dar
, korsijiet tal-kompjuters,
parental skills programmes
u inizzjattivi oħra li l-kunsilli jniedu bl-għan li nilħqu kull faxxa tas-soċjeta`;
Dan u ħafna aktar qiegħed jiġi mbuttat hekk kif l-għan tagħna huwa li npoġġu dejjem fuq quddiem tal-aġenda, l-għajnuna soċjali u li din tassew tingħata lil min għandu bżonnha.
Il-Mosta – Triq San Ġużepp — Servizz ta’ Trasport Pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jikkonsidra s-suġġeriment, u jestendi s-servizz tat-Trasport Pubbliku lejn in-naħat ta' Triq San Ġużepp, fuq wara tal-Kappella tal-Isperanza fil-Mosta, peress li hemm ammont ta' residenti, li jkollhom jimxu mat-300 metru biex jaslu għall-eqreb bus stop?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid, jekk l-iskema tal-irtirar, hijiex se tkun back-dated, sabiex b'hekk tkompli tħajjar aktar persuni jaħdmu għal benefiċċju tal-pensjoni mas-settur pubbliku, biex l-iskema tibda taħdem mill-2017 biex tiġi parti mas-settur privat u biex ma jkunx hemm inġustizzja skont kif anki kiteb l-Ombudsman kif jidher fiż-żewġ dokumenti li qed jingħataw separatament?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-miżuri tal-Baġit 2019 jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ta' Jannar 2019.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex il-kont tad-dawl tad-dar tagħha jiġi ċċekkjat peress li ġie għoli aktar mis-soltu? Jista’ jara wkoll jekk l-arloġġ tad-dawl huwiex qed jaħdem kif suppost?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-individwu ingħataw lill-ARMS biex tistħarreġ dan l-ilment.
Jista' l-Ministru jsegwi l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li ilha sitt xhur rikoverata fl-Isptar Mater Dei u għadha ma ngħatatx sodda f'Dar tal-Anzjani?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità qed isegwi mill-qrib dan il-każ u nforma lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.
Jista' l-Ministru jara kif lift ġewwa l-Liċeo Villambrosa l-Ħamrun li ilu żmien bil-ħsara, jiġi rranġat mill-aktar fis, minħabba li qed jaqdi wkoll persuna b'diżabilità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada evalwat il-problema teknika f'lift fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca (magħruf bħala 'Il-Liċeo'), fil-Ħamrun. Infurmat li hemm bżonn li tinbidel part minn dan il-lift. Il-Fondazzjoni qiegħda ġġib kwotazzjonijiet sabiex tinbidel din il-part. Hu mistenni li x-xogħol jitwettaq mill-aktar fis possibli.
Malta Boatmen and Mooring Services – ħlas ta’ ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga ħaddiema li qed jitħallsu bil-prekarjat ġewwa l-Malta Boatmen and Mooring Services?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-allegazzjoni ġiet mgħoddija lil Transport Malta sabiex tagħmel l-investigazzjonijiet u l-aċċertamenti neċessarji u tieħu dawk il-passi u tirraporta lura kif hemm bżonn.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex diversi anzjani ilhom ġimgħat sħaħ mingħajr is-servizz ta’ Home help?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, dan sar minħabba li ma kienux qegħdin jinstabu ħaddiema biżżejjed, sabiex jaħdmu bħala home helpers. Din il-problema qegħda tiġi ndirizzata billi dan il-Gvern ta’ żieda lill-persuni li jaħdmu bħalha Home Helpers mal-kuntrattur. Dawn il-ħaddiema, issa ħadu żieda fis-salarju tagħhom ta’ €28 fil-ġimgħa.
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – dettalji ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li d-dettalji tagħha ma nstabux fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m’għandux dettalji tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għax minbarra li hi persuna barranija, qatt ma kienet benefiċjarja tal-istess Dipartiment.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li tikkonferma li ma kellhiex leakage iżda li kien hemm biss bużżieqa tal-arja u peress li l-kont ġie tliet elef ewro tnaqsulha elf ewro biss?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-individwu ġew mgħoddija lill-entita’ konċernata biex tisħarreġ dan l-ilment.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex social worker iżur din il-familja peress li dan l-anzjan għandu tifla ta’ 57 sena b’diżabilità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, s-social worker ser iżżur il-familja tal-individwu msemmi.
Awtorità tal-Ippjanar – investigazzjoni rigward struttura ta’ coffee shop
Question
Jista’ l-Ministru, jgħid fiex waslet l-investigazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar rigward struttura ta' coffee shop maġenb il-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar bid-dettalji AC062/18 Re: Naxxar, liema struttura ma tirrispettax il-permess hekk kif ġie approvat?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħti aktar dettalji peress li r-riferenza tan-numru li forna fil-mistoqsija mhuwiex numru ta’ riferenza tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward intervent fuq spalltu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qed ikun segwit.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li qed jiġi rifjutat milli jidħol f'dar tal-gvern meta saħħtu qed tmur lura?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, qed isegwi mill-qrib dan il-każ u nforma lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.
Il-Fgura – Triq il-Merħba – każ ta’ ħruq ta’ green area
Question
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jinvestiga l-każ ta’ ħruq fi Triq il-Merħba l-Fgura, liema green area fiha l-ħarrub miżrugħ fiha?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ERA ma kinitx infurmata fuq dan il-każ. Madankollu, uffiċjali tal-ERA għamlu spezzjoni fuq il-post indikat fil-Mistoqsija Parlamentari u ma sabu l-ebda sinjali ta’ ħruq. L-ispezzjoni saret fl-għelieqi li jmissu ma’ Triq il-Merħba minħabba li l-informazzjoni mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari hija vaga u ma tindikax post eżatt. Huwa ġentilment mitlub li tingħata aktar informazzojoni dettaljata fuq il-każ sabiex L-ERA tkun tista' tindirizza l-każ skont il-parametri tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. F’każi bħal dawn, il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jagħmel kuntatt dirett mal-Awtorità fuq in-numru ta’ emerġenza li jisab fuq is-sit elettroniku tal-ERA 99210404 sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni f’waqtha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet il-produzzjoni tal-opra 'Aħna Refuġjati' li ttellgħet fuq il-Fosos tal-Furjana fil-31 ta' Awwissu u t-2 ta' Settembru 2018? Jista’ jgħid kemm ingħataw biljetti complimentary, kemm inbiegħu biljetti u kemm kien id-dħul?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni Valletta 2018 ħallset is-somma ta’ € 383,542.75 għall-opra Aħna Refuġjati. Il-Fondazzjoni qassmet 570 biljett kumplimentari filwaqt li biegħet 889 biljett bi dħul ta’ € 16,084.57.