Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7683, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’kien il-budget tal-Lino Spiteri Foundation għas-sena 2018? Kemm-il persuna b’diżabilità nstabilha impjieg matul din is-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni Lino Spiteri bejn Jannar u Settembru 2018 għenet 120 persuna b’diżabilità tidħol fid-dinja tax-xogħol. Iżjed minn hekk, il-Fondazzjoni provdiet servizz ta’ job coaching lil madwar 273 persuna b’diżabilità matul it-taħriġ u fil-bidu tal-impjieg tagħhom.
L-ispiża għat-tmexxija tal-Fondazzjoni tlaħħaq il-miljun ewro fis-sena.
Servizz ta’ Medjazzjoni għall-Koppji bi Problemi fiż-Żwieġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti s-Servizz ta’ Medjazzjoni għall-Koppji bi Problemi fiż-Żwieġ tagħhom? Kemm kien hemm koppji f’dawn l-aħħar tliet snin li rrikorrew għal dan is-servizz?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, s-Servizz tal-‘Co-parenting’ huwa servizz illi beda jiġi offrut mis-sena 2017, mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, bil-għan illi jrawwem lill-ġenituri li għaddew, jew għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni, jew divorzju, b’ħiliet prattiċi fit-trobbija ta’ uliedhom. L-iskop ta’ dan il-programm huwa, li jgħin lill-ġenituri jiffaċċjaw l-isfidi marbuta mas-separazzjoni, kemm bħala individwi, kif ukoll bħala ġenituri.
Il-programm jindirizza temi speċifiċi bil-għan li, l-interessi tat-tfal ikunu dejjem imħarsa. Waħda mill-akbar sfidi li ħafna ġenituri jiltaqgħu magħha, hija dik ta’ kif itejbu l-komunikazzjoni mal-ġenitur l-ieħor, bil-għan li l-interessi u l-bżonnijiet tat-tfal, dejjem jitqiesu bħala prijorità.
Il-programm huwa mifrux fuq sitt ġimgħat, fejn ikun hemm sitt laqgħat ta’ tlett siegħat-il waħda, mmexxija minn professjonisti mħarrga fis-settur. Iż-żewġ ġenituri jattendu f’żewġ gruppi separate, bil-għan illi jħossuhom aktar liberi jitkellmu fuq l-esperjenzi tagħhom.
Minn meta beda dan is-servizz, fis-sena 2017, kien hemm 57 ġenitur illi għamel kuntatt mal-ħaddiema li jieħdu ħsieb dan is-servizz u 88 ġenitur ieħor illi għamlu kuntatt fis-sena 2018. Minn dawn, kien hemm 70 ġenitur illi għaddew mill-fażi ta’ screening u 39 illi temmew il-kors b’suċċess. Hemm ukoll 18-il ġenitur ieħor illi bħalissa qegħdin jattendu l-kors. Fil-maġġoranza tal-każi, ġenitur wieħed biss jattendi għal dan il-kors, madanakollu, kien hemm 15-il każ fejn attendew iż-żewġ ġenituri.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-ġenituri li huma intitolati għal Childcare Centres mingħajr ħlas? Fejn huma allokati ċ-Childcare Centres f’pajjiżna? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li qed jagħmlu użu minn dawn iċ-Ċentri?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-ġenituri li qegħdin fix-xogħol, edukazzjoni jew taħriġ huma intitolati taħt l-iskema ta’ childcare b’xejn.
Il-lista ta’ ċentri tista’ tiġi aċċessata minn din il-link https://education.gov.mt/en/Pages/Free-Childcare.aspx
Matul din is-sena, sal-aħħar ta’ Ottubru kien hemm 6,287 tifel u tifla li bbenefikaw minn din l-iskema.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jiddentifika l-professjonisti li jaħdmu fil-Crisis Intervention Team? Jista’ l-Ministru jgħid meta dan is-servizz tant importanti se jibda jingħata 24 siegħa kuljum? Meta se jibdew isiru home visits għand il-familji ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali qabel ma jiġi deċiż li l-persuna involuta tittieħed f’Sptar Mentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Psikjatrija joffri sapport 24 siegħa kuljum lid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei. Dan is-sapport jikkonsisti minn psikjatri li mbghad jinvolvu persuni minn speċjalizazzjonijiet oħra skont il-bżonnijiet u n-natura tal-każ partikulari. Servizzi addizzjonali qed jiġu kkunsidrati fil- Mental Health Strategy Consultation Document.
Mill-bidu tas-sena 2018 sal-lum, kemm kienet in-nefqa tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) għal safar? Għalxiex sar dan is-safar u kemm-il persuna kienet involuta f’kull safra? Jista’ l-Ministru jagħti break down?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
FSWS – laqgħa tal-European Association of Service Providers for Persons with Disability
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm swietu lill-Gvern l-attendenza tas-seba’ impjegati tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) li attendew għal-laqgħa tal-European Association of Service Providers for Persons with Disability (EASPD) biex ġabu l-konferma li l-FSWS ġiet aċċettata bħala membru?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba għal din il-mistoqsija hija xejn. L-ispiża kollha ġiet iffinanzjata mill-fondi ewropej, allokati taħt il-European Social Fund għat-taħriġ tal-impjegati, tal-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm swieħ lill-Gvern il-grilling mill-UNCRPD dwar l-issues tad-diżabilità li sar f’Ġinevra? Kemm kien hemm persuni fid-delegazzjoni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi, l-ispejjeż b’konnessjoni mad-djalogu kostruttiv (constructive dialogue), mal-Kumitat tal-Ġnus Magħquda, dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UN CRPD Committee), waqt l-20 Sessjoni tiegħu ġewwa Ġinevra, u bħala obbligu li kien intrabat bih pajjiżna, li jissottometti ruħu għalih minn żmien għal żmien, meta mitlub mit-tali Kumitat, u li ntrabat bih wara r-ratifika tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’ Diżabilità (UN CRPD), mill-Gvern Malti fl-2012, kienu s-segwenti ;
i. Titjiriet : € 4160.00
ii. Akkommodazzjoni : € 9149.43
iii.
Subsistence Allowance
: € 3994.00 (tali ammont jeskludi flus allokati għall-akkommodazzjoni)
In-nefqa kif dettaljata tkopri delegazzjoni ta’ 11-il persuna. Ir-rakkommandazzjoni mill-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda, dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kienet illi, d-delegazzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu komposti minn madwar ħmistax 15-il ruħ. Dawn il-persuni ġew minn entitajiet differenti, li kienu nvoluti fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tul dawn l-aħħar snin, u li ffurmaw Grupp ta’ Ħidma li pprepara għal dan l-eżerċizzju, permezz ta’ ġbir ta’ materjal u statistika, li ġew diskussi mal-Kumitat, wara li aktar kmieni din is-sena, ġew sottomessi kważi 70 paġna ta’ risposti dettaljati, hekk imsejjħa List of Issues, imqajjma mill-Kumitat. Is-sessjonijiet kienu jirrikjedu li, membri tad-delegazzjoni jirrispondu għal aktar domandi simili, ħafna drabi f’ħin ta’ 15-il minuta.
Id-delegazzjoni kienet ukoll komposta minn 2 interpreti, tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija (LSM), illi l-ispejjeż kollha b’konnessjoni magħhom ġew imħallsa mill-Ġnus Magħquda, skont il-prassi eżistenti.
Awtorità tal-Ippjanar – investigazzjoni rigward struttura ta’ coffee shop
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7351, rigward struttura ta’ coffee shop maġenb il-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar liema struttura ma tirrispettax il-permess hekk kif ġie approvat, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar rigward dan l-istess coffee shop li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rigward il-coffee shop imsemmi, wara li saret spezzjoni minn uffiċċjali tal-Awtorità, ġiet innutata diskrepanza mill-permess maħruġ peress li l-area approvata għat-tqegħid tal-imwejjed u siġġijiet ġiet spostjata. Skont il-proċeduri stabbiliti, l-applikant issottometta applikazzjoni għal tibdil minuri tal-permess lill-Awtorità biex jiġi sanzjonat l-iżvilupp kif sar. L-Awtorità tieħu azzjoni ulterjuri wara li tittieħed deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward post ta’ housing peress li ilha sitt snin li applikat għall-post?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-każ imsemmi qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa, bħal kull każ ieħor.
B’referenza għar-risposta parlamentari 7560, jista’ l-Ministru jgħid x’taħriġ ingħata lill-pulizija li jaħdmu fis-Servizz ta’ Emerġenza 112 f’dawn l-aħħar sentejn, biex ikunu jistgħu jgħinu b’mod professjonali lill-familji vulnerabbli li jagħmlu użu minn dan is-servizz tant importanti? Fuqiex kien jikkonsisti dan it-taħriġ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-pulizija li jaħdmu fis-servizz ta’ Emergenza 112 huma uffiċjali illi qabel ma bdew jaqdu dan id-dover kienu diġà jagħmlu xogħol relatat bħala Membri tal-Korp stazzjonati fil-Control Room tal-Pulizija. Dawn huma uffiċjali li minħabba n-natura ta’ xogħolhom huma diġà konxji mal-assistenza li trid tingħata lil dawk li jirreferu għal dan is-servizz, meta jkun hemm il-bżonn.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, jew jekk bediex, liema xogħol li għalih ġew ivvutati €100,000 u li għal dan il-proġett kienet saret press conference fl-istess ġnien qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif jidher tajjeb jekk wieħed iżur is-sit referut, saru diversi xogħlijiet li jinkludu tħaffir ta’ trinek tul il-ġnien u tqegħid ta’ preparamenti għas-servizzi ta’ dawl, irrigazzjoni u CCTV; tiswija u bini ta’ ħitan; tiswija u bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ; tħaffir ta’ ġiebja għal water feature u l-bini tagħha; u tħejjija ta’ formazzjoni ta’ rampi biex jipprovdu aċċess għal kulħadd. Inxtrat ukoll l-għamara tal-ġnien li jinkludu bankijiet, bins, light poles u bollards.
Bħalissa qiegħda tiġi aġġudikata tender ta’ tqegħid tal-passaġġi tal-ġnien kollu. Dan ix-xogħol mistenni jsir fl-2019 sabiex wara tibda titqiegħed l-għamara tal-ġnien u jsiru l-
finishings
li hemm bżonn.
Kumpaniji li ma jħaddmux persuni b’diżabilità – flus miġbura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn qegħdin jintefqu l-flus miġbura minn dawk il-kumpaniji li mhumiex iħaddmu l-kwota ta’ ħaddiema b’diżabilità (2% mill-ħaddiema jkunu persuna b’diżabilità)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant, sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari, lill-Ministru kkonċernat.
Fil-bidu tas-sena 2017, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) ħadet over il-programm tas-Supported Employment mill-Malta Association of Supported Employment (MASE). Dan fisser li ħadet over il-520 suċċessi ta’ persuni vulnerabbli li kien instabilhom xogħol matul is-sena 2016 u li sa l-aħħar tal-istess sena kienu għadhom jaħdmu, u wkoll l-FSWS kienet ħadet over il-madwar 20 ħaddiem abbinat mal-programm. Jista’ l-Ministru jgħid:
a) kemm minn dawn il-520 ħaddiema vulnerabbli għadhom fl-impjieg?
b) il-ħaddiema li ġew ittrenjati u ġabu ċertifikazzjoni fis-Supported Employment u li ttieħdu mal-programm mill-FSWS, lil kemm-il persuna vulnerabbli sabu xogħol matul is-sena 2017 u matul is-sena 2018?
c) illum, x’inhu l-irwol ta’ dawn il-persuni li ġabu ċertifikazzjoni fis-Supported Employment?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-Job Enhancing Skills Scheme (JESS) li huwa ffinanzjat minn fondi Ewropej u mmexxi mill-Aġenzija Sapport, jista’ l-Ministru jgħid:
a) kemm hija s-somma totali allokata għal din l-iskema? Kemm huwa twil dan il-programm? Fiex jikkonsisti dan il-programm?;
b) meta bdiet din l-iskema u kemm il-parteċipant hemm f’din l-iskema s’issa? Bħalissa f’liema stadju tal-proġett waslu dawn il-parteċipanti? u
c) skont il-proġett, kemm hu mistenni li jkun in-numru ta’ persuni li ser jibbenefikaw minn din l-iskema fl-għeluq tiegħu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-INK Person Focused Inclusion Project li huwa ffinanzjat minn fondi Ewropej u mmexxi mill-Aġenzija Sapport, jista’ l-Ministru jgħid:
a) kemm hija s-somma allokata għal dan il-programm u kemm huwa twil dan il-programm? Fiex jikkonsisti dan il-programm? u
b) meta beda jitħaddem dan il-programm? Bħalissa x'inhuwa n-numru ta’ parteċipanti fi ħdan dan il-programm u skont l-applikazzjoni, kemm huwa n-numru ta’ benefiċċjarji li ser jibbenefikaw minn dan il-programm?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li l-kont tad-dawl ġie ‘l fuq minn €194 fejn is-soltu kien jiġi bejn l-€40 u l-€50?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-individwu ingħataw lill-ARMS biex tistħarreġ dan l-ilment.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-policy dwar healthy eating li tiġi osservata f’kull skola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. interpellant li l-bażi għat-twaqqif ta’ Policy biex jiġi regolat u jittejjeb l-istil ta’ ħajja fl-iskejjel beda bid-dokument Healthy Eating Lifestyle Plan (HELP). Dan id-dokument ġie rivedut wara li nħass il-bżonn ta’ Policy Nazzjonali li ġiet imnedija fl-2015 f’dokument li jġib l-isem ta’ A Whole School Approach to a Healthy Lifestyle: Healthy Eating & Physical Activity.
L-għan ewlieni ta’ din il-
policy
hu li kull skola tagħti prijorità lill-ikel nutrittiv u l-edukazzjoni fiżika billi tippromovi għarfien, ħiliet u kompetenzi li jwasslu biex il-komunità skolastika ssegwi stil ta’ ħajja sana. Għan prinċipali hu li kull skola ssegwi l-parametri stabbiliti fejn jidħol il-konsum ta’ ikel mgħobbi b’xaħmijiet, melħ u zokkor. Il-
policy
tinkludi wkoll kurrikulu li jipprovdi firxa ta’ esperjenzi ta’ tagħlim wiesa’, inklużi dawk prattiċi, fuq it-tema ta’ Saħħa, Ikel u Nutriment.
Din il-policy ġiet imsaħħa b’qafas legali aktar kmieni din is-sena permezz ta’
Avvi
ż
Legali numru: 266 tal-2018,
li jorbot kull skola li tħares il
-Policy
Nazzjonali. Il-
policy
tinkludi tagħrif dettaljat fuq it-tip ta’ ikel li jista’ jittiekel u dak li hu projbit.
Għajnuna lil ġenituri biex isegwu t-tagħlim tal-għalliema
Question
Jista’ l-Ministru jelenka suġġerimenti lill-ġenituri sabiex ikunu jistgħu jgħinu lil uliedhom isegwu t-tagħlim li jsir mill-għalliema fl-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. interpellant li l-ġenituri jagħmlu sew li jsegwu t-tagħlim li jsir fl-iskejjel. Il-ġenituri għandhom ikunu komplimentari flimkien mal-iskola fit-tagħlim ta’ wliedhom u għandhom jattendu kull laqgħa li tiġi organizzata fl-iskola sabiex jiġi spjegat lilhom kif qiegħed isir it-tagħlim. Dan isir f’numru ta’ suġġetti bħal ma huwa l-PSCD u l-Matematika. Dan l-aħħar saru laqgħat fil-kulleġġi kollha dwar it-tibdil fl-assessjar u l-programmi ġodda tat-tagħlim. Fid-djar, il-ġenituri għandhom jiddiskutu ma’ wliedhom kif kien l-andament tal-ġurnata fl-iskola, u jistaqsu dwar it-tagħlim li jkun sar. Għandhom jgħinu lil uliedhom sabiex jestendu t-tagħlim li sar fil-klassi, 'l barra mill-klassi. Jekk josservaw xi ħaġa li mhix sejra sew fit-tagħlim, għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-għalliema, tal-Kap tal-Iskola jew tal-Prinċipal tal-Kulleġġ. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu numru ta’ websites li jgħinu lil ġenituri sabiex isegwu www.education.gov.mt; www.nextyear.edu.mt; www.curriculum.gov.mt; kif ukoll websites oħra li xi skejjel għandhom u li jżommu aġġornati.