Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #7974 Sitting 175 2018-12-03 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Kalkoli tal-pensjonijiet tas-servizzi u tnaqqis ta’ €200

Question

Peress li fil-baġit li tħabbar għas-sena 2019, il-Gvern semma li €200 oħra se jiġu mnaqqsa fil-kalkoli tal-pensjonijiet tas-servizzi u li dan it-tnaqqis ta' €200 kien ġie oriġinarjament introdott fis-sena 2008, u, bl-eċċezzjoni tal-2010, kull baġit annwali mill-2008 li hawn inkluda dan it-tnaqqis fuq it-tnaqqis tas-snin preċedenti u peress li fil-passat, il-€200 kienu jiġu mnaqqsa fil-kalkoli f'każijiet fejn il-pensjonant kien jirċievi żewġ pensjonijiet, bħal pereżempju pensjoni tat-Teżor u pensjoni normali, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan hux se jkun il-każ fl-2019 ukoll?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kalkoli tal-pensjonijiet tas-servizzi

Question

Peress li fil-baġit li tħabbar għas-sena 2019, il-Gvern ħabbar li t-tnaqqis ta' €200 oħra fil-kalkoli tal-pensjonijiet tas-servizzi, se jwassal għal żieda ta' €11 fil-ġimgħa lil madwar 2,000 pensjonant, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti li jirċievu pensjoni tas-servizz, tat-Teżor jew pensjoni addizzjonali u li mhux ser jaraw żieda vera fil-pensjoni? Jidhirlu l-Ministru li żieda ta' €11 fil-ġimgħa hija adegwata fl-isfond tat-tkabbir ekonomiku mistenni għal pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, skont id-diskors tal-baġit, iż-żieda ta’ €11 fil-ġimgħa ma tirreferix għal miżura tal-€200. Din iżda tirreferi għal miżura oħra, li bis-saħħa tagħha, ir-reviżjoni li ssir kull sena lil dawk li jilħqu l-età ta’ 72 sena, minflok ser tiġi injorata 50 fil-mija tas-somma li kienu kkommutaw mill-ammont dovut lilhom bħala pensjoni oriġinali tas-servizz, issa ser jibda jiġi injorat 75 fil-mija. Bejn wieħed u ieħor madwar 7,500 pensjonant jirċievu pensjoni tas-Servizz minbarra l-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali. Huwa stmat illi bejn dawk illi ser jieħdu żieda bis-saħħa tal-€200 tnaqqis, u dawk illi ser ikunu qed jibbenefikaw mill-miżura tal-75%, ser ikunu qed jibbenefikaw madwar 5,500 pensjonant.
Leg 13 PQ #7976 Sitting 175 2018-12-03 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Kalkoli tal-pensjonijiet tas-servizzi u tnaqqis ta’ €200

Question

Peress li fil-baġit li tħabbar għas-sena 2019, il-Gvern ħabbar li t-tnaqqis ta' €200 oħra fil-kalkoli tal-pensjonijiet tas-servizzi se jwassal għal żieda ta' €11 fil-ġimgħa lil madwar 2,000 pensjonant, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti li jirċievu pensjoni tas-servizz, tat-Teżor jew pensjoni addizzjonali u li mhux ser jaraw żieda vera fil-pensjoni? Jidhirlu l-Ministru li żieda ta' €11 fil-ġimgħa hija adegwata fl-isfond tat-tkabbir ekonomiku mistenni għal pajjiżna?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kalkoli tal-pensjonijiet

Question

Peress li fil-baġit li tħabbar għas-sena 2019, il-Gvern ħabbar tnaqqis ta' €200 fil-kalkoli tal-pensjonijiet bl-għan li dawk li qed jaqilgħu fost l-iċken pensjonijiet tiżdidilhom il-pensjoni bi ftit u peress li dan it-tnaqqis ta' €200 ġie introdott fis-sena 2008, u, bl-eċċezzjoni tal-2010, kull baġit annwali mill-2008 lil hawn inkluda tnaqqis ta' €200 fuq it-tnaqqis tas-snin preċedenti, u peress li hemm eluf ta' pensjonanti li kienu jaħdmu maċ-ċivil li minħabba li jikkwalifikaw għal aktar minn pensjoni waħda, qed jirċievu aktar mill-pensjoni massima tal-bolla, jiġifieri €12,185 fis-sena u dawk li jirċievu pensjonijiet annwali ta' inqas minn din iċ-ċifra, raw aġġustament tal-pensjoni tagħhom bil-mod il-mod iżda dawk li bid-dritt għandhom jieħdu pensjonijiet li huma aktar mill-massimu jridu jistennew is-snin qabel ma jibdew jaraw il-frott ta' proposti bħal dawn, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri short term għandu l-Gvern biex issir ġustizzja ma’ dawn il-pensjonanti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant, sabiex jispjega aħjar x’inhu l-punt illi qed jipprova jagħmel b’din il-mistoqsija, għaliex il-mistoqsija m’hijiex ċara. Sadattant kif diġa weġibt għall-Mistoqsija Numru 7973, għall-fini ta’ korrettezza il-miżura tal-pensjonanti tas-servizz, tal-€200 ma kinitx introdotta fl-2008, iżda f’dik is-sena kien tkompla l-proċess illi kien ilu wieqaf għal 11-il sena, wara l-miżura estensiva li kienet tħabbret għall-pensjonanti tas-servizz f’Ottubru 1997, minn Gvern Laburista.
Leg 13 PQ #7978 Sitting 175 2018-12-03 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Kalkoli tal-pensjonijiet

Question

Peress li fil-baġit li tħabbar għas-sena 2019, il-Gvern ħabbar tnaqqis ta' €200 fil-kalkoli tal-pensjonijiet bl-għan li dawk li qed jaqilgħu fost l-iċken pensjonijiet tiżdidilhom il-pensjoni bi ftit u peress li dan it-tnaqqis ta' €200 ġie introdott fis-sena 2008, u, bl-eċċezzjoni tal-2010, kull baġit annwali mill-2008 inkluda tnaqqis ta' €200 fuq it-tnaqqis tas-snin preċedenti, u peress li hemm eluf ta' pensjonanti li kienu jaħdmu maċ-ċivil li minħabba li jikkwalifikaw għal aktar minn pensjoni waħda, qed jirċievu aktar mill-pensjoni massima tal-bolla, jiġifieri €12,185 fis-sena u dawk li jirċievu pensjonijiet annwali ta' inqas minn din iċ-ċifra, raw aġġustament tal-pensjoni tagħhom bil-mod il-mod iżda dawk li bid-dritt għandhom jieħdu pensjonijiet li huma aktar mill-massimu jridu jistennew is-snin qabel ma jibdew jaraw il-frott ta' proposti bħal dawn, jista’ l-Ministru x'miżuri short term għandu l-Gvern biex issir ġustizzja ma’ dawn il-pensjonanti?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kumpaniji li ma jħaddmux persuni b’diżabilità – flus miġbura

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7838, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ flus li s’issa nġabru minn dawk il-kumpaniji li mhumiex jonoraw il-kwota ta’ 2%? Liema huma dawn il-kumpaniji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus s’issa inġabar l-ammont ta’ €2,492,800 li jinkludi kontribuzzjonijiet tal-2015, 2016 u 2017. Minħabba li data fuq kumpaniji hija ta’ natura sensittiva, l-ismijiet mhumiex se jingħataw. Mill-kumpanij li ma kinux konformi mal-liġi tal-kwota ta’ 2%, il-maġġoranza tagħhom ġejjin mill-industrija G (Wholesale & Retail Trade; Repair of Motor Vehicles & Motorcycles).

Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7878, jista’ l-Ministru jgħid jekk Djar Residenzjali oħra (bħal id-Dar tal-Providenza u Dar il-Wens) għandhomx leader u staff professjonali li jgħinu lir-residenti jamministraw il-flus tagħhom (40%) wara li jitnaqqsu l-ammont tal-flus dovuti lil Għaqdiet mhux Governattivi li qed jagħtu dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Aġenzija Sapport ma tidħolx fl-amministrazzjoni tal-flus (40%), tal-persuni b’diżabilità li jgħixu f’residenzi mmexxija minn Għaqdiet mhux Governattivi.

Persuni b’diżabilità – eżenzjoni mill-ħlas ta’ liċenzja tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni b’diżabilità, jew min jieħu ħsiebhom, jiġux eżentati mill-ħlas tal-liċenzja tat-triq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Aġenzija Sapport, tmexxi skema fejn persuna b’diżabilità u/jew familjari tagħha jistgħu japplikaw, għal eżenzjoni sħiħa jew parzjali fuq il-ħlas tal-liċenzja tat-triq.Dan jiddependi minn numru ta’ kundizzjonijiet, illi l-applikant irid jissodisfa, sabiex ikun eleġibbli għal dan is-sussidju/eżenzjoni.

Negozji li għalqu – ħaddiema li spiċċaw bla impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li l-impjieg tagħhom twaqqaf għaliex in-negozju li kienu jaħdmu miegħu għalaq f’dawn l-aħħar tliet snin u sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni li l-impjieg tagħhom twaqqaf f’dawn l-aħħar tliet snin għax ir-raġuni tal-formola ta’ tmiem tal-impjieg tagħhom kienet tgħid li s-sid għalaq jew il-kumpanija għalqet, huwa kif muri fit-tabella hawn taħt: Numru ta’ persuni bi tmiem tal-impjieg skont ir-raġuni: Is-sid għalaq jew il-kumpanija għalqet Jannar sa Diċembru 2016 1,032 Jannar sa Diċembru 2017 778 Jannar sat-22 ta’ Novembru 2018 531

Ħaddiema barranin li qed jaħdmu bla permess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ttieħdet kontra dawk l-1,963 ħaddiem barrani li kienu qed jaħdmu bla permess matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena? X’azzjoni ttieħdet ukoll għal dawk is-sidien li kienu qed iħaddmuhom bla permess?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-liġi relattiva li tirregola l-ħidma tal-ispettorat ta’ Jobsplus titfa’ r-responsabbiltà tal-impjieg fuq min iħaddem u mhux fuq il-ħaddiem. L-informazzjoni kollha relatata ma’ infrazzjoni tinsab f’Att Numru XXXIX tal-2018, Employment and Training Services Act.

Ċekkijiet tas-Sigurtà Soċjali — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tas-sinjura li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament liema każ marbut mas-sigurtà soċjali fejn qiegħda tallega li s-Sigurtà Soċjali bagħtulha żewġ ċekkijiet iżda hi qatt ma rċeviet xejn? Jista' jara li ssir investigazzjoni dwar min sarraf dawn iċ-ċekkijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, r-records tad-Dipartiment juru li l-persuna msemmija ilha mis-sena 2005 tirċievi l-pagamenti dovuti lilha mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, dirett fil-kont bankarju tagħha. Għaldaqstant ma jistax ikun illi ntbagħtu żewġ ċekkijiet illi ssarfu minn terzi persuni.

Trasport Pubbliku — Karozza tal-Linja X2 - stage magħruf bħala Tax-Xintill

Question

Jista' l-Ministru jara li t-trasport pubbliku magħruf bħala X2, tieqaf fuq l-istage li hemm f'Luqa Road, magħruf bħala tax-Xintill (hemm żewġ stages faċċata ta' xulxin)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotta X2 hija waħda mir-rotot Express liema rotta tgħaqqad il-lokalitajiet ta’ tas-Sliema u San Ġiljan mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta via l-Isptar Mater Dei, Raħal Ġdid u Santa Luċija. Sabiex iħaffu fit-tragitt tagħhom, rotot ta’ dan it-tip ma jieqfux fuq kull bus stop. Infurmat ukoll li fil-każ ta’ din ir-rotta l’eqreb bus stop fl-istess akwati li fuqu tieqaf ir-rotta X2 huwa dak li jġib l-isem “Nazzarenu” u li qiegħed madwar 200 metru il-boghod.

Mediċina Arpirozale — każ ta' individwu

Question

Jista d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara l-applikazzjoni tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għall-pilloli Ariprozale 10mg, li skont il-Professur ilu li applika xahrejn u għadu bla risposta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.

Djar Residenzjali tal-Persuni b’Diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta’ flus li jridu jħallsu dawk il-persuni li qed jagħmlu użu mis-servizzi tad-Djar Residenzjali tal-Persuni b’Diżabilità? Hemm xi persuna li hija awtorizzata mill-Istat sabiex tonfoq il-flus li jibqa’ mill-pensjoni tar-resident/a biex ikun jista’ jista’ jgħix ħajja aktar komda?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, persuni b’diżabilità li jgħixu fir-residenzi mmexxija mill-Aġenzija Sapport, jagħtu 60% tal-assistenza tagħhom lill-Aġenzija, waqt illi jkunu residenti fl-istess faċilitajiet tal-Aġenzija. Kull residenza hija amministrata minn Leader u staff professjonali li jgħinu lir-residenti, jamministraw l-40% l-oħra bħala dħul mill-assistenza, skont il-ħtieġa tal-pazjenti. L-Aġenzija tesiġi dejjem illi, l-klijenti jkunu indipendenti kemm jistgħu u l-bżonnijiet personali tagħhom ikunu inidirizzati.

Rapporti ta’ Vjolenza Domestika

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30949 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ rapporti dwar vjolenza domestika li saru fl-2016 u s-sena l-oħra? Kemm minn dawn ir-rapporti ġew investigati u kemm tressqu persuni l-Qorti fuq vjolenza domestika f’dan il-perjodu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kien hemm elf, mitejn u tnejn u sebgħin (1,272) każ ta’ Vjolenza Domestika, li ġew irrapurtati lill-pulizija matul is-sena 2016. Fis-sena 2017 kien hemm elf, mitejn u sebgħa u ħamsin (1,257) rapport ta’ l-istess natura. Infurmat illi kif diġa ingħad fi tweġibiet għall-mistoqsijiet simili, fil-każijiet fejn irriżulta ksur tal-liġijiet relatati ma’ dawn ir-reati wara l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, il-persuni responsabbli dejjem jitressqu l-Qorti. Madankollu m’hemmx sistema elettronika fejn il-figuri mitluba mill-Onor. Interpellant jistgħu jinġabru.

Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma d-drittijiet ta’ dawk il-persuni li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali? Jista’ klijent jitlob aċċess għat-tagħrif li jkollha l-aġenzija dwar il-każ tiegħu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2011, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali nediet dokument illi, jelenka kemm id-drittijiet u kif ukoll id-dmirijiet ta’ persuni li jagħmlu użu mis-servzzi tal-istess Fondazzjoni. Dan id-dokument, huwa aċċessibli f’kull post minn fejn il-Fondazzjoni topera u toffri s-servizzi tagħha. Dwar id-dritt tal-klijenti, li jitolbu aċċess għat-tagħrif illi għandhom dwarhom l-aġenziji fi ħdan il-Fondazzjoni, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, dan l-aċċess huwa regolat permezz tal- General Data Protection Regulations (GDPR) li daħlet fis-seħħ f’Mejju tal-2018 u mill-leġislazzjoni Maltija, relatata ma’ din id-direttiva tal-Unjoni Ewropea.

Aġenzija Żgħażagħ — programmi ta' empowerment

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 32321 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Aġenzija Żgħażagħ ma jorganizzawx programmi ta’ empowerment indirizzati lejn żgħażagħ li jbatu minn xi diżabilità kemm intelletwali, fiżika jew mentali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. interpellant li Aġenzija Żgħażagħ tikkonferma li l-programmi ta’ empowerment huma kollha miftuħin għal żgħażagħ b’abbiltajiet differenti. Fil-programm tal-Youth.Inc hemm ukoll żgħażagħ b’abbiltajiet differenti kif ukoll parti mill-programm tal-Community and Outreach jipprovdi servizz ta’ Youth Café darbtejn fil-ġimgħa għal żgħażagħ bid-Downs syndrome.

Każijiet ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7257, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jbatu mill-kundizzjonijiet imsemmija fir-risposta tal-mistoqsija indikata, u li ma jattendux f’ebda Ċentru ta’ Matul il-Jum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7257 kienet tirreferi għal Mental Health Clinics; rigward iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, pre¿entament hemm 39 persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jbatu minn ansjetà, 21 Bipolar Disease, 44 Skizofrenja, 75 b’dipressjoni, 2 eating disorders, 14 OCD, 6 ADD u ADHD u 44 li għandhom kundizzjonijiet oħra u li qegħdin jieħdu kura f’dawn iċ-Ċentri.

Home-Start — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm familji li qed jingħataw is-servizz tal-Home-Start u f’liema lokalitajiet qiegħed jingħata dan is-servizz? Hemm xi waiting list sabiex familji jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizz ta’ Home-Start, huwa miftuħ għal kull lokalita` f’Malta u f’Għawdex. Bħalissa Home-Start Malta għandu kuntatt ma’ wieħed u sittin familja f’Malta, tlettax-il familja f’Għawdex u għaxar familji, li qed jistennew sabiex jirċievu s-servizz. Il-familji li bħalissa qed jibbenefikaw minn Home-Start, preżentament, ġejjin mill-imsemmija lokalitajiet f’Malta u Għawdex ; Buġibba Ħal-Qormi Pembroke Il-Fgura Bormla Marsaskala B'kara San Ġwann Il-Mosta San Ġiljan Safi Iż-Żurrieq Tas-Sliema Il-Gżira Is-Swatar Il-Ħamrun Is-Swieqi Il-Marsa Ħaż-Żabbar L-iMsida Paola Ħaż-Żebbuġ Ħal-Kirkop Sta Venera Birżebbuġa Dingli Pietà In-Naxxar Ħal-Balzan Ta’ Kerċem Marsalforn Victoria Għajnsielem In-Nadur Ta’ Sannat Il-Qala Ix-Xewkija

Kumpaniji li ma jħaddmux persuni b’diżabilità – flus miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7682 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fejn qegħdin jintefqu l-flus miġbura minn dawk il-kumpaniji li mhumiex iħaddmu l-kwota ta’ ħaddiema b’diżabilità (2% mill-ħaddiema jkunu persuna b’diżabilità)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-flus miġbura minn dawk il-kumpaniji li mhumiex jonoraw il-kwota ta’ 2% qed jiffinanzjaw l-operat tal-Lino Spiteri Foundation u attivitajiet jew inizjattivi amministrati minn Jobsplus li jassistu b’mod dirett lill-persuni b’diżabilità. Dawn is-servizzi jinkludu wkoll is-sapport li jingħata lill-employer biex jiġi żgurat is-sostenibilità tal-impjieg tal-persuna b’diżabilità.