Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7685 u ċjoè: B’referenza għall-Job Enhancing Skills Scheme (JESS) li huwa ffinanzjat minn fondi Ewropej u mmexxi mill-Aġenzija Sapport, jista’ l-Ministru jgħid:
a) kemm hija s-somma totali allokata għal din l-iskema? Kemm huwa twil dan il-programm? Fiex jikkonsisti dan il-programm?;
b) meta bdiet din l-iskema u kemm-il parteċipant hemm f’din l-iskema s’issa? Bħalissa f’liema stadju tal-proġett waslu dawn il-parteċipanti? u
c) skont il-proġett, kemm hu mistenni li jkun in-numru ta’ persuni li ser jibbenefikaw minn din l-iskema fl-għeluq tiegħu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Programm JESS mhuwiex ffinanzjat minn Fondi Ewropej.
Is-somma totali allokata għall-iskema JESS (Job Enhancing Skills Scheme) tammonta għal €150,000. Din l-iskema qed titħaddem bħala proġett pilota, għal mhux aktar minn sentejn.
JESS qiegħed jipprovdi taħriġ u job placements lill-persuni b’diżabilità fl-etajiet ta’ bejn is-16 u l-55 sena li l-uniku dħul tagħhom ikun mill-pensjoni tad-diżabilità. Il-benefiċjarji jkollhom iċ-ċans jakkwistaw esperjenza ta’ xogħol, kemm f’Dipartimenti tal-Gvern kif ukoll f’entitajiet non-governattivi u f’kumpaniji privati, akkumpanjati minn job coaches li jservu ta’ gwida u sapport matul l-iskema.
Din l-iskema twaqqfet fl-2017 u mill-bidu tagħha sal-lum, kien hemm total ta’ 119-il benefiċjarju.
Il-mira oriġinali ta’ dan il-proġett kienet li jibbenefikaw 50 persuna.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7687 u ċjoè: Mill-bidu tas-sena 2018 sal-lum, kemm kienet in-nefqa tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) għal safar? Għalxiex sar dan is-safar u kemm-il persuna kienet involuta f’kull safra? Jista’ l-Ministru jagħti break down?
Response (FALZON, MICHAEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7787 u jgħid kemm hawn ħaddiema f’pajjiżna li għandhom il-paga minima? Kemm minnhom jaħdmu mal-Gvern?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li bħalissa m’hemm ebda impjegat fis-Servizz Pubbliku li huwa mħallas bil-paga minima.
Dwar kemm hawn ħaddiema f’pajjizna li għandhom il-paga minima nitlob lill-Onor Interpellant jaghmel il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8363 u jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jistennew intervent u/jew operazzjoni fl-Isptar Mater Dei jew f’xi sptar ieħor, u jagħti n-numru ta’ pazjenti skont kull kategorija ta’ intervent mediku? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom jistennew skont dawn il-perjodi li ġejjin:
a) anqas minn tliet xhur;
b) bejn 3 u sitt xhur;
c) bejn 7 u 12-il xahar;
d) bejn 13 u 24 xahar;
e) bejn 25 u 36 xahar; u
f) aktar minn 36 xahar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-maġġoranza assoluta tal-pazjenti fuq il-listi ta’ stennija f’Mater Dei u l-isptar Ġenerali t’Għawdex hija ta’ anqas minn 6 xhur. Filfatt 64% tal-pazjenti f’Mater Dei u 75% ta’ l- isptar Ġenerali t’Għawdex ilhom anqas minn 6 xhur jistennew għal-intervent tagħhom. Wieħed għandu jkun infurmat li ż-żmien ta’ stennija għall kull intervent jiddependi mill-urġenza tal-każ.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8365 jgħid jekk il-Gvern iżommx statistika ta’ kemm hemm djar abitabbli jew potenzjalment abitabbli li huma vojta u ma jintużawx għal skopijiet residenzjali? Jista’ jippreżenta din l-istatistika jekk teżisti u possibbilment jaqsam l-informazzjoni skont il-lokalità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar m'għandiex din l-statistika.
Assenteiżmu ta' studenti fl-iskejjel — ġbir ta multi mingħand il-ġenituri
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5438 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4599, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir biex jinġabru l-multi mingħand dawk il-494 ġenitur li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li biex jinġabru dawn il-multi qed isir eżerċizzju ta’ debt collection b’ittra legali bonarja.
Allokazzjonijiet ta’ postijiet tal-Gvern — lokalitajiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6698 u jgħid kemm saru allokazzjonijiet ta' postijiet tal-Gvern matul din is-sena 2018 u f'liema lokalitajiet?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6701 u 567 u jgħid kemm-il allokazzjoni saret mill-Awtorità tad-Djar bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-3 ta’ Ġunju 2017? Jista’ jgħid kemm-il allokazzjoni saret xahar b’xahar fiż-żmien imsemmi?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6755 u jgħid x’inhi l-politika tal-Ministeru fejn jidħlu djar battala?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali għamilha prijorità tiegħu li jagħti ħajja ġdida lill-proprjetajiet battala li hawn fil-pajjiż. Fil-prattika, dan qed isir permezz ta’ għadd ta’ skemi li toffri l-Awtorità tad-Djar bħalma huma, Nikru Biex Nassistu u l-iskema tal-għotja ta’ €25,000 għar-rinovar ta’ proprjeta’ li tkun ilha magħluqa għal aktar minn sena. Wara li aktar kmieni dan ix-xahar tnieda l-proġett ta’ programmi ta’ housing speċjalizzati li tinkludi l-użu ta’ proprjeta` li se tiġi riġenerata, matul din is-sena se tkun qed tibda r-riġenerazzjoni fuq aktar minn 40 proprjetà tal-Gvern illi lkoll ser jintużaw għal skop soċjali. Dan għandu l-għan illi jsaħħaħ l-istokk użabbli fil-qasam soċjali.
Ċentru LEAP – għajnuna lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6796 u ċjoè B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 31246 tat-12-il leġislatura u 2567 ta’ din il-leġislatura, jista’ l-Ministru jagħti tweġiba dwar il-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jafu bihom l-impjegati taċ-Ċentri Leap u x’qiegħed isir biex dawn il-persuni jiġu megħjuna?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari 2567.
Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali – każijiet pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm iddum tistenna biex jinħareġ rapport mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali? Jista’ jgħid kemm hemm każijiet pendenti għal aktar minn sena u nofs?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li s-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali ma toħrogx rapporti iżda tagħti diversi rakkomandazzjonijiet. F’dan ir-rigward nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika għal-liem tip ta’ rakkomandazzjonijiet qed jirreferi.
Infurmat ukoll li m’hemm l-ebda tip ta’ każ pendenti għal perjodu indikat mill-Onor. Interpellant. Għaldaqstant nitolbu jispeċifika għall-liem tipi ta’ każijiet pendenti qed jirreferi. L-interpellant jista’ jgħaddi d-dettalji tal-każ partikolari separatament biex is-Sovrintendenza tkun tista’ tagħti risporta speċifika.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9086, liema domanda kienet dwar Senior Operative IV, jista’ l-Prim Ministru jgħid meta ser jibdew jitħallsu dawk it-tmien persuni li jaqgħu taħt din il-kategorija li kienu mal-Gvern u ġew trasferiti u qegħdin jaħdmu mal-ELC u li kellhom jitħallsu b'lura mill-4 ta' Diċembru 2017?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jindika meta se jibda x-xogħol fi Triq Wied is-Sir il-Mosta peress li t-tabella li ilha mwaħħla għal aktar minn sena, tindika li x-xogħol fit-triq se jibda?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis, bl-inqas diffikultajiet għall-pubbliku.
F’Jannar li għadda, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li se tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Fl-istess waqt, dan ix-xahar tħabbret it-tieni sejħa għall-offerti sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar 170 triq oħra. Aktar toroq li se jinbnew mill-ġdid fil-bidu tas-sena d-dieħla jitħabbru fix-xhur li ġejjin. Ix-xogħlijiet fit-triq indikata huma ppjanati li jibdew mill-aktar fis, fiż-żmien li ġej.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8599 u jagħti dettalji dwar il-proġett tal-Housing f'Għawdex li ssemma fil-Parlament mill-Ministru għal Għawdex? Dan il-proġett fiex jikkonsisti? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll jekk dan il-proġett jaqax taħt il-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u jew/l-Awtorità tad-Djar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari 8599.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li ilha tgħix ġo dan il-post ikkundannat u bid-drenaġġ ġej fil-proprjetà tagħha għal bosta snin u bħala alternattiva tawha post f’Għawdex meta din għandha kważi 70 sena bla ebda familjari lejn dawk in-naħat?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa, bħal f’kull każ ieħor.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6705 u 3427 u jgħid kemm hawn single mothers reġistrati? Kemm minnhom jaħdmu? Kemm minnhom huma dipendenti fuq benefiċċji soċjali bħala l-unika sors ta’ income? Kif inhi komposta l-familja tagħhom? Kemm għandhom tfal? Kemm hawn single mothers li huma f’riskju ta’ faqar (jew qegħdin fil-faqar)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx nuqqas ta’ għalliema fil-qasam edukattiv u f’liema suġġetti hemm dan in-nuqqas?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8452, l-esiġenzi fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni jinbidlu matul is-sena skolastika. Dan minħabba raġunijiet varji fosthom maternity leave, mard, bżonn ta’ leave urġenti, riżenji u oħrajn.
Bħalissa hemm nuqqas ta’ erba’ (4) għalliema fis-sekondarja (Ingliż, Studji Soċjali, P.E. u Home Economics). Fil-Primarja hemm nuqqas ta’ żewġ (2) għalliema bil-klassi. Hemm ukoll nuqqas ta’ tliet (3) għalliema tal-Arti, tliet (3) għalliema tal-Mużika u żewġ (2) għalliema tal-PSCD fis-servizz tal-peripatetic fil-Primarji.
Fil-każ tal-peripatetic, il-Kulleġġi jagħmlu rotation ta’ l-għalliema fil-kulleġġ biex, sakemm jinstabu replacements, ikollna l-istudenti kollha li jkunu qed jieħdu lezzjonijiet. Fil-ġimgħat fejn ma jkollhomx għalliem peripatetic, ikun l-għalliem tal-klassi li jkun qed jagħmel dawn il-lezzjonijiet. Fil-każ tan-nuqqasijiet l-oħra ikun qed isir ix-xogħol biex dawn jimtlew fl-inqas żmien possibbli.