Legislature:
Category:
Reset
Active:

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw akkomodazzjoni soċjali, minn Jannar 2019 sa April 2019, maqsuma xahar b'xahar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn Jannar 2019 sa April 2019, ġew allokati 43 unit ta’ housing soċjali. It-tabella tinkludi kemm-il allokazzjoni saret xahar b’xahar, fil-perijodu indikat : Xahar Numru ta’ allokazzjonijiet Jannar 2019 26 Frar 2019 0 Marzu 2019 17 April 2019 0

Ħtieġa ta’ massaġġi – każ ta’ individwu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li ssir komunikazzjoni lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minħabba ħtieġa ta' massaġġi, minħabba l-qagħda gravi tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – tisjir mill-klijenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9790 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li qed jinvolvu l-klijenti tagħhom fis-sessjonijiet tat-tisjir? Kemm hemm klijenti li qed jibbenefikaw minn din l-inizjattiva?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ċentri ta’ Matul il-Jum – Anzjanità Attiva Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa, m’għandna l-ebda Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani li qed jibbenifika minn sessjonijiet ta’ tisjir, però qed naħdmu biex norganizzaw workshops dwar tisjir u tagħlim relatat mal-preparazzjoni ta’ l-ikel. Ċentri ta’ Matul il-Jum – Aġenzija Sapport Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-programmi ta’ tisjir fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’Diżabilità, isiru kull ġimgħa fuq bażi regolari bil-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità li jattendu ċ-Ċentri kollha li topera l-Aġenzija Sapport. ‘Il fuq minn 250 persuna b’diżabilità jipparteċipaw b’mod regolari f’dawn il-programmi.

Marsaskala – Kunsill Lokali Żgħażagħ — proġetti fil-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti ġew implimentati fil-komunità ta’ Marsaskala permezz tal-Kunsill Lokali Żgħażagħ ta’ din il-lokalità f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-KLZ wettaq il-proġett YLCP 2014/04 - Niftħu Bieb Ieħor. Infurmat ukoll li tnieda proġett ieħor, YLCP 2016/2-05 - #Irrid Ngħin, li iżda l-implimentazzjoni tiegħu ma saritx minħabba nuqqas ta’ attendenza.

Benefiċċji għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’benefiċċji hemm indikati għall-persuni b’diżabilità u min jieħu ħsiebhom kif ukoll għall-anzjani skont l-aħħar Budget?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif kien imħabbar fil-Baġit għal din is-sena, mill-ewwel ta’ Jannar bdew jiġu implimentati diversi miżuri soċjali, liema miżuri huma kollha immirati sabiex itejbu l-kwalità tal-għixien ta’ persuni b’diżabilità u persuni li jieħdu ħsiebhom, kif ukoll l-għixien tal-anzjani tagħna. Dawn il-benefiċċji huma kif ġej; 1. Żieda ta’ żewġ ewro u sbatax-il ċenteżmu (€2.17) fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali, cjoè pensjonanti tal-Irtirar, Romol, tal-Invalidità u dawk li jirċievu l-Pensjoni tal-Età. Din iż-żieda kienet barra dik maħsuba biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja. B’hekk kull pensjonant irċieva żieda ta’ erba’ ewro u ħamsin ċenteżmu (€4.50) fil-ġimgħa. 2. Pensjonanti tas-servizz, kellhom żieda oħra ta’ €200 fl-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li tiġi injorata fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali, biex b’hekk is-somma eżentata issa titla’ għall-ammont ta’ €2,466. 3. Wegħda elettorali li għamilna kienet dik li nkomplu ntejbu l-pensjonijiet tas-servizz billi l-parti li jkunu kkomutaw biex jieħdu s-somma, tibda tkun injorata kollha għal fini ta’ pensjoni tas-Sigurtà Soċjali. Bħala l-ewwel pass fit-twettiq ta’ din il-wegħda elettorali, minn din is-sena l-pensjonati li jirċievu pensjoni tas-servizz u li għandhom 72 sena jew aktar, jew li minn din is-sena ’l quddiem jilħqu din l-età, ser issir reviżjoni tal-pensjoni tagħhom tas-sigurtà soċjali. Hekk, minflok kif dejjem sar s’issa, li jiġi injorat nofs l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jkun ġie kkomutat, minn din is-sena ser jibdew jiġu injorati 75 fil-mija tal-ammont ikkomutat. 4. L-għotja ta’ €300 fis-sena lil dawk li għalqu l-75 sena u li għadhom jgħixu fid-djar tagħhom ser tkompli tingħata matul din is-sena wkoll. 5. Il-bonus li beda jitħallas kull sena lil numru ta’ persuni, l-aktar nisa li ma ħallsux biżżejjed bolol biex jikkwalifikaw għal pensjoni minima, mill-1 ta’ Jannar 2019 żdied b’€50. B’hekk dawk li kienu ħallsu aktar minn sena kontribuzzjoni iżda anqas minn 5 snin, il-bonus żdied għall-€200, filwaqt li l-bonus ta’ dawk li ħallsu aktar minn 5 snin kontribuzzjonijiet żdied għal €300 fis-sena. B’din il-miżura bbenefikaw madwar 12,500 persuna. 6. Tliet snin ilu konna daħħalna inċentiv sabiex persuni li jibqgħu jaħdmu minflok jirtiraw bil-pensjoni u b’hekk tiżdidilhom il-pensjoni tagħhom meta jagħlqu l-etaˋ ta’ 65 sena. Din kienet miftuħa għas-settur privat. Minn din is-sena, dan l-inċentiv ser jiġi estiż ukoll għall-persuni li jibqgħu jaħdmu mas-settur pubbliku, b’mod gradwali. Dan dejjem jekk ikun hemm talba mill-impjegat u l-kunsens ta’ min iħaddem. 7. Matul din is-sena, ser jingħataw ħlasijiet għall-anomaliji li setgħu nħolqu matul is-snin, minħabba tibdiliet fis-sistema tal-pensjonijiet, jew għal raġunijiet oħra. Għat-tielet sena konsekuttiva qed nallokaw €11 miljun ewro f’fondi, biex jiġu indirizzati dawn l-inġustizzji tal-imgħoddi, li jolqtu aktar minn 6,000 benefiċjarju jew l-eredi tagħhom. Matul din is-sena ser jiġi fi tmiemu l-proċess biex jitħallsu l-arretrati tal-pensjonijiet lill-eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board jew l-eredi tagħhom. 8. Qed inwettqu fażi oħra tar-riforma fl-Assistenza għal Diżabilità, mibdija s-sena l-oħra u li kienet tinkludi l-introduzzjoni tal-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, għall-persuni li assolutament ma jistgħux jaħdmu, u li dawn eventwalment jieħdu l-ekwivalenti tal-paga minima. Għaldaqstant, minn Jannar li għadda, l-pagament fil-ġimgħa ta’ din l-għajnuna żdied minn €140 għal €150 fil-ġimgħa. L-iskema ġiet estiża għal 600 persuna oħra billi barra l-indiċi ta’ Barthel li japplika għal persuni bi problemi ta’ mobilità, ser tintuża wkoll dik illi hi magħrufa bħala Tabelli għal Valutazzjoni ta’ Indeboliment. 9. Għal dawk il-ġenituri ta’ tfal li jsofru minn xi forma ta’ diżabilità fiżika jew mentali, għollejna mill-ġdid l-allowance li jitħallsu fil-ġimgħa. Minn din is-sena, r-rata ta’ din l-allowance ser terġa’ tiżdied b’€5 oħra għal €25 fil-ġimgħa. Madwar 1,400 tifel u tifla b’diżabilità u l-familji tagħhom qed jibbenefikaw minn din iż-żieda. 10. Tejjibna l-ħlasijiet lil dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani fid-djar tagħhom. Dan sar permezz tar-riforma fl-Allowance Miżjuda għal Carers, li telgħet għal €140 u kif ukoll l-Allowance għal Carers li telgħet għal €90. Minn Jannar li għadda, din l-eżenzjoni mit-test tal-mezzi bdiet tgħodd għaż-żewġ allowances. B’hekk aktar anzjani qed tingħatalhom il-possibilità li jibqgħu jgħixu f’darhom u fil-komunità, għax il-qraba li jieħdu ħsiebhom se jibdew jibbenefikaw huma wkoll. B’din il-miżura, anke persuni miżżewġa sal-età pensjonabbli li jkunu jgħixu taħt l-istess saqaf mal-anzjan jew anzjana, ser jibdew ikunu eliġibbli għall-Allowance għall-Carers. Minn din is-sena, meta persuna tapplika sabiex tieħu ħsieb anzjan jew anzjana li jkunu laħqu l-età ta’ 85 sena, mhux ser tibqa’ ssir evalwazzjoni medika mill-bord multidixxiplinarju, u l-allowance titħallas awtomatikament jekk il-carer u l-anzjan jew anzjana jkunu jgħixu fl-istess dar. L-eżenzjoni mit-Test tal-Mezzi jgħodd ukoll għaż-żewġ benefiċċji. Tneħħiet ukoll l-Evalwazzjoni Medika u qed ikun hemm ħlas awtomatiku. 11. Persuni li jkunu qed jieħdu ħsieb il-ġenituri u jirċievu l-Allowance Miżjuda għall-Carers jew l-Allowance għall-Carers, ser jibdew ikunu kkunsidrati bħala kap ta’ familja fil-kalkolu tal-Għajnuna Medika, dejjem jekk jissodisfaw it-test tal-mezzi. 12. Bil-għan li titneħħa diskriminazzjoni li teżisti fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kapitlu 318), saret emenda biex persuni li kienu impjegati f’entità fejn il-Gvern kien is-sid jew kellu l-maġġoranza tal-ishma u aċċettaw li jibbenefikaw minn skema ta’ rtirar kmieni qabel l-1 ta’ Jannar tal-2008, ser ikunu jistgħu jgawdu minn titjib fil-pensjoni tagħhom. Dan ser ikun possibli, għaliex il-pensjoni tkun tista’ tinħadmilhom fuq is-snin li kienu jaħdmu fl-ażjenda tal-Gvern u mhux bil-fors fuq il-paġi li kellhom, wara li rtiraw kmieni minħabba proċess ta’ ristrutturar jew privatizzazzjoni tal-azjenda. S’issa l-providimenti tal-liġi kienu japplikaw biss għal dawk l-impjegati li rtiraw kmieni għar-raġunijiet imsemmija wara l-1 ta’ Jannar tal-2008. Minn din is-sena, dawn il-providimenti ser ikunu japplikaw ukoll għal dawk li rtiraw kmieni, wara l-1 ta’ Jannar 2003. 13. Minn din is-sena, żidna wkoll il-ħlas tal-Għajnuna Medika mhux kontributorja, b’€5.14ċ fil-ġimgħa, lil dawk il-persuni miżżewġa fejn hemm żewġ adulti li għandhom mard kroniku u li qed jirċievu din l-għajnuna. 14. Bħala tkomplija tar-riformi fil-benefiċċji mhux kontributorji li nieda dan il-Gvern, matul l-aħħar leġislatura, qiegħdin nintroduċu aktar miżuri ta’ fejda għall-persuni li jkunu jbatu mill-kundizzjoni bipolar, dipressjoni bi psikożi u kif ukoll mard terminali. Għaldaqstant, minn Jannar li għadda, dejjem jekk persuna tissodisfa l-kriterji tat-test tal-mezzi, l-eliġibilita` għal min ibati minn dawn il-kundizzjonijet, ġiet estiża wkoll għall-kapijiet ta’ familja u mhux biss għall-persuni ġuvintur u xebbiet, illi jkunu jgħixu ma’ ġenituri pensjonanti.

Inċentiv lill-kunsilli lokali għall-impjieg ta’ persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir sabiex jinċentiva aktar Kunsilli Lokali li jimpjegaw magħhom persuni b’diżabilità? Fil-preżent kemm hemm Kunsilli Lokali li għal-inqas qed jimpjegaw persuna waħda b’diżabilità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2016 kienet ħarġet l-ahhar sejħa tal-iskema imsejħa CIES (Community Inclusive Employment Scheme) li l-għan tagħha kien li noffru opportunità ta’ xogħol fil-komunità lokali sabiex b’hekk nkunu nistaw nagħtu xhieda ta’ kemm dawn il-persuni tabilħaq għandhom x’joffru fil-qasam tax-xogħol. Kif intqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8828, sa Frar ta’ din is-sena kien hemm 23 persuna ma’ għoxrin (20) Kunsill Lokali f’din l-iskema. Preżentament qed issir evalwazzjoni dwar din l-iskema sabiex wieħed ikun f’pożizzjoni jara xi żvilluppi saru dwar din l-iskema jew skemi simili li jista’ jkun hemm.

Persuni b’diżabilità li jaħdmu fis-settur pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità li qed jaħdmu fis-settur pubbliku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni b'diżabilità li jaħdmu fis-settur pubbliku sa l-aħħar ta’ Frar 2019 kien ta’ 1,128.

Inkonvenjent – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9444 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward inkonvenjent li qed jostakola l-bieb tad-dar tiegħu liema inkonvenjent tpoġġa biex iżomm gallarija minħabba ħsarat? Jista’ jara li ssir it-tiswija meħtieġa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa, bħal f’kull każ ieħor. Id-dettalji tal-każ ma jistgħux jingħataw, għax l-Awtorità tad-Djar tħoss illi din hija informazzjoni personali u għalhekk ma tistgħax tingħata mingħajr il-kunsens tal-individwi kkonċernati.

Ġenituri single

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9686 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq kemm hawn ġenituri single b’riżultat ta’ separazzjoni? Jista’ jgħid kemm hawn single fathers b’riżultat ta’ separazzjoni? Jista’ jgħid kemm hawn single mothers b’riżultat ta’ separazzjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, m’għandux informazzjoni fuq kemm hawn ġenituri single rreġistrati f’Malta u Għawdex. Id-Dipartiment ikollu biss informazzjoni dwar il-benefiċjarji tiegħu.

Akkomodazzjoni Soċjali – single parents — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9687 u ċjoè: Peress li single mothers għandhom aċċess biex japplikaw għall-akkomodazzjoni soċjali u f’Novembru li għadda, is-Segretarju Parlamentari ġie kkwotat jgħid li hawn 1,700 single mother b’applikazzjoni għas-social housing, jista’ l-Ministru jgħid kemm minnhom huma single mothers b’riżultat ta’ separazzjoni minn żwieġ jew koppja? Jista’ jgħid jekk hemmx single fathers b’riżultat ta’ separazzjoni li jistgħu japplikaw għal social housing? Jekk iva, kemm hemm applikazzjonijiet ta’ single fathers?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sad-data tat-tweġiba, l-Awtorità tad-Djar kellha 444–il applikazzjoni minn single mothers u single fathers b’riżultat ta’ separazzjoni, għall-akkomodazzjoni soċjali. Minnhom 410 kienu single mothers u 34 kienu single fathers. Single father jista’ japplika għall-akkomodazzjoni soċjali jekk jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà.

Sussidju fuq kera — benchmarks

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9688 u ċjoè: Peress li f'Ottubru 2018, il-Gvern kien ħabbar li se jneħħi l-means testing fuq is-sussidju tal-kera u minflok se jdaħħal benchmarks, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn daħlux fis-seħħ? X’inhuma l-kriterji?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-means test ġie eliminat mill-iskema li toffri benefiċċju fuq il-kera mħallsa fil-privat, kif kien imħabbar fil-baġit mill-Gvern. Il-benefiċċju tal-kera, għall-ewwel darba qiegħed jiġi kkalkulat mhux biss fuq id-dħul u l-kompożizzjoni tal-familja tal-applikanti, iżda anke fuq in-nefqa tagħhom fuq il-kera. L-inkwilin jrid ikollu ftehim validu tal-kirja ta’ mhux anqas minn sitt xhur u jissottometti ukoll riċevuti tal-kera mħallsa kull xahar. It-tabella t’hawn taħt tindika d-dħul massimu li jista’ jkollu l-applikant sabiex ikun eliġibbli għal dan il-benefiċċju, kif ukoll l-ammont massimu ta’ benefiċċju li kull applikant ikun intitolat għalih: Membri tal-familja Dħul Massimu Benefiċċju Massimu Persuna Waħedha € 14,700 € 3,600 Ġenitur Wieħed b’wild wieħed € 19,050 € 4,800 Ġenitur Wieħed b’żewġ ulied jew aktar € 23,400 € 5,000 Żewġ Adulti mingħajr tfal € 19,000 € 3,600 Koppja b’wild wieħed € 23,800 € 4,800 Koppja b’żewġ ulied jew aktar € 28,600 € 5,000 Tlett Adulti jew aktar jgħixu flimkien € 27,900 € 5,000 F’każ ta’ persuna jew familji li jkollhom membru tal-familja b’diżabilità, d-dħul m’għandux jeċċedi it-€30,000 filwaqt li jingħata €125 addizzjonali fis-sena lil dawn il-familji. Dan filwaqt li, tingħata wkoll €125 addizzjonali fis-sena lill-familji li jkunu aktar minn 5 membri u €300 addizzjonali fis-sena lill-familji li jkollhom jgħixu magħhom tfal fostered . Persuni waħedhom li:- (1) kienu għamlu xi żmien f’xi djar tal-tfal; jew (2) kienu f’xi perijodu fostered ; jew (3) ikunu ħerġin mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin; jew (4) ikunu għadhom kif temmew b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni, jibbenefikaw minn aktar benefiċċju fuq il-kera sakemm jilħqu 28 sena. Il-benefiċċju jiġi mħallas dirett lill-applikanti li jikkwalifikaw għalih, permezz ta’ direct credit . Dan il-benefiċċju jiġi rivedut kull sentejn.

Sussidju tal-kera għal familji bit-tfal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9689 u ċjoè: Peress li f'Ottubru 2018, il-Gvern ħabbar ukoll li s-sussidju tal-kera għal familji bit-tfal se jiżdied minn €2,000 għal €5,000 fis-sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk din daħlitx fis-seħħ? Jekk iva, minn meta? Kemm hawn familji li bbenefikaw minnha? Jista’ jgħid jekk ġenituri separati (single parents) humiex meqjusin bħala familja bit-tfal u allura jgħid jekk humiex eleġibbli għal dan is-sussidju? Jekk iva, kemm hawn single parents li qed jibbenefikaw minnha? Jista’ jgħid jekk teżistix statistika skont il-ġeneru jiġiferi ġenitur raġel/mara?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, dak li kien is-sussidju tal-kera llum inbidel għall- benefiċċju fuq il-kera, liema benefiċċju daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Frar, 2019. Sal-lum l-ammont totali ta’ applikazzjonijiet illi ġew sottomessi, huwa ta’ 509. Abbażi tal-kriterja ta’ eliġibbiltà single parent tistà tibbenefika minn din l-iskema, bl-ammont ta’ benefiċċju jiġi determinat skont in-numru ta’ tfal fil-familja. L-istess proċedura tapplika wkoll għal koppji miżżewġa li għandhom it-tfal kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: Membri tal-familja Dħul Massimu Benefiċċju Massimu Persuna Waħedha € 14,700 € 3,600 Ġenitur Wieħed b’wild wieħed € 19,050 € 4,800 Ġenitur Wieħed b’żewġ ulied jew aktar € 23,400 € 5,000 Żewġ Adulti mingħajr tfal € 19,000 € 3,600 Koppja b’wild wieħed € 23,800 € 4,800 Koppja b’żewġ ulied jew aktar € 28,600 € 5,000 Tlett Adulti jew aktar jgħixu flimkien € 27,900 € 5,000 In-numru ta’ single parents illi qegħdin jibbenefikaw mill-benefiċċju l-ġdid tal-kera, jkun jista’ jingħata ladarba l-applikazzjonijiet ikunu pproċessati kollha.

Programm għall-individwi li ma jaffordjawx jixtru darhom

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9690 u ċjoè: Peress li l-Gvern ħabbar programm għall-individwi li għandhom 45 sena u aktar, li ma jaffordjawx jixtru darhom, u għalhekk hemm ftehim mal-APS Bank biex il-Gvern iħallas in-nofs, u wara 20 sena l-individwu jkollu l-għażla li jista' jixtri l-kumplament tad-dar mill-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-persuni li ma jaffordjax, jistgħux ikomplu jikru d-dar mingħand il-Gvern? Jista’ jgħid jekk dan il-programm huwiex immirat ukoll għal dawk l-individwi li jkunu sseparaw u wara li jkunu qasmu d-dar, xorta ma jkollhomx biżżejjed biex jixtru dar oħra għal rashom? Jista’ jgħid jekk dan il-programm daħalx fis-seħħ? Jekk iva, meta? Kemm-il individwu li ssepara, ibbenefika minn jew applika għal dan il-programm?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-iskema ta’ Equity Sharing ser tkun immirata għall-persuni li għandhom 40 sena jew aktar, sabiex jingħataw assistenza biex ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom. Din l-iskema ser tkun qiegħda tgħin lil dawn il-persuni, li għandhom ċertu ammont ta’ assi, iżda li minħabba l-età tagħhom qegħdin isibuha diffiċli jaċċessaw loan, biex jixtru proprjetà. Għaldaqstant, wara numru ta’ snin, dawn l-applikanti ser ikunu jistgħu jixtru s-sehem tal-Awtorità tad-Djar, biex b’hekk isiru sidien tal-proprjetà kollha. Madanakollu, il-kriterja ta’ eliġibbiltà, flimkien mal-kundizzjonijiet tal-iskema, ser ikunu qed jiġu mħabbra fil-ġimgħat illi ġejjin.

Statistika ta’ persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba sustanzi eċċessivi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk teżistix statistika ta' pazjenti li ddaħħlu l-emerġenza minħabba sustanza eċċessiva ta' droga jew alkohol?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filfatt tinżamm statistika tan-numru ta’ attendenzi ġewwa d-Dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei minħabba ‘Overdose’ jew abbuż ta’ xi tip ta’ droga (jew mediċina), sew jekk seħħet jew jekk kien hemm suspett li ġrat, kif ukoll minn abbuż ta’ alkoħol.

Aġenzija Sapport – manwal ta’ proċeduri — klijenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija Sapport għandhiex manwal ta’ proċeduri li jiddefinixxi kif l-istaff tiegħu għandu jinteraġixxi mal-klijenti tagħhom? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-manwal?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Aġenzija Sapport għandha manwal ta’ proċeduri u numru ta’ policies għall-impjegati tagħha, li jiddefenixxi kif jinteraġġixxu mal-klijenti. Dawn il-manwali u policies, fil-preżent qed jiġu aġġornati u għalhekk mhux possibbli li jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

LSE – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward il-ħtieġa ta’ LSE lill-istudent li ilu jistenna minn Frar 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ġenituri għandhom appuntament għall-istatementing għall-bidu tax-xahar id-dieħel.

LSE – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward il-ħtieġa ta’ LSE lill-istudent li ilu jistenna għal aktar minn 3 snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-każ deher quddiem l-Istatementing Panel f’Diċembru 2017 u l-Panel irrakkomanda li jingħata sapport mir-riżorsi li hemm fil-klassi u l-iskola u li t-tifel jagħmel il-programm tal-Alert mill-O/T. L-iskola qed tara li l-istudent jiġi segwit mil-LSEs li hemm preżenti fil-klassi tant li ma saret l-ebda talba biex it-tifel jidher quddiem l-Istatementing Review Panel.

Kunsilli Lokali — rivisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li joħorġu rivista u jibagħtuha lir-residenti tal-lokalità tagħhom b’mod speċjali biex jinfurmawhom x’qiegħed jiġri fil-lokalità? Kemm-il darba fis-sena dawn il-kunsilli jibagħtu dawn ir-rivisti?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – tisjir mill-klijenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li qed jinvolvu l-klijenti tagħhom fis-sessjonijiet tat-tisjir? Kemm hemm klijenti li qed jibbenefikaw minn din l-inizjattiva?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – polza ta’ assigurazzjoni komprensiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum kif ukoll id-Djar Residenzjali mmexxija mill-Aġenżija Sapport għandhomx polza ta’ assigurazzjoni komprensiva?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għal persuni b’diżabilità u r-Residenzi għal persuni b’diżabilità, huma kollha koperti minn polza ta’ assikurazzjoni komprensiva.