B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12062, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-invoices u/jew talbiet għal ħlas dwar in-nefqa ta' €8,192.25?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa ta’ €8,192.25ċ, tinkludi l-ammont ta’ €947.25ċ bħala ħlas ta’ VAT u l-ammont ta’ €7,245, bħala ħlas konness mad-disinn, l-istampar u d-distribuzjoni tal-imsemmi magażin.
Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji — safar, fuel u hospitality - nefqa
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12094, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality f’kull Dipartiment, Awtorità jew fil-Ministeru stess minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress illi din ir risposta ma tinkludix lill-Bank Ċentrali nitlob lill-Onor. Interpellant illi jekk jixtieq tali informazzjoni jagħmel mistoqsija speċifika.
Aġenzija Sapport: Servizzi lil min ibati mill-vista
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qiegħda toffri l-Aġenzija Sapport għal dawk il-persuni li jbatu min-nuqqas ta’ vista? X’għandha persuna tagħmel biex tirċievi dan is-servizz?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9342, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-eżerċizzju ta’ debt collection? Kemm kienu dawk il-ġenituri li ħallsu l-multi f’dawn l-aħħar tliet snin wara li rċevew l-ittra legali? X’isir jekk il-ġenituri jibqgħu ma jħallsux il-multa?
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12058, jista’ l-Ministru jindika kemm huwa n-numru ta’ applikanti li qed jistennew akkomodazzjoni alternattiva quddiem l-Awtorità tad-Djar u:
a. għandhom diżabiltà;
b. għandhom każijiet soċjali marbuta ma’ vjolenza domestika; u
c. li huma anzjani?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin: Priġunieri Barranin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar għaxar snin kemm kien hemm priġunieri barranin li wara li skontaw is-sentenza tagħhom, ġew deportati lura lejn pajjiżhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi dettalji dwar priġunieri barranin li ġew riferuti mill-awtoritajiet tal-ħabs lill-Pulizija biex jiġu ‘ripatrijati’ wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom fil-ħabs, inzammu mis-sena 2015. F’dan il-perjodu u sa Settembru 2019, wara li ttieħdu proceduri amministrattivi, ġew ripatrijati l-barranin li ma kkwalifikax sabiex jibqgħu Malta, kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Sena
Numru ta’ priġunieri barranin li gew rreferuti lill Pulizija mill- awtoritajiet tal habs u gew ‘ripatrijati’
2015
27
2016
21
2017
31
2018
54
2019 (sa Settembru)
23
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’għamel il-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar tliet snin biex jeqred l-istigma f’pajjiżna li hija ta’ detriment kbir għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa f’dawn l-aħħar tliet snin ħadem biex inaqqas l-istigma tas-saħħa mentali kemm b’mod dirett u kif ukoll b’mod indirett. F’Lulju ta’ din is-sena, tnieda l-Pjan Strateġiku Nazzjonali għas-Saħħa Mentali għas-Snin 2020/2030, diġa saru diversi xogħolijiet strutturali kbar fl-Isptar Monte Carmeli fi proġett mifrux fuq medda ta’ ħames snin u li għalih ġew ivvutati €30 miljun u ser ikun qed jinbena sptar ġdid akut għas-saħħa mentali ħdejn l-Isptar Mater Dei. Liema sptar maħsub li jkollu madwar 100 sodda u li fih jilqa’ pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali akuti. L-isptar il-ġdid se jinbena ħdejn Mater Dei bil-għan speċifiku li jkun enfasizzat li l-kura tas-saħħa mentali m’għandhiex tkun segregata, imma tkun parti minn kura inklussiva. Komplejna nsaħħu iktar is-servizzi tas-saħħa mentali, b’enfasi fil-komunita’ fosthom anki mill-bereġ, bl-element bażiku jkun l-integrazzjoni tas-servizzi għall-qasam mentali ma’ dawk għall-qasam fiżiku. Huwa fatt magħruf li iktar mas-servizzi jiżdiedu u jaqirbu lejn in-nies, iktar tonqos l-istigma.
L-istigma kienet ukoll waħda mill-prijoritajiet tal-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali u li l-istigma tinbidel fi stima jekk jintlaħħqu dawn l-għanijiet:
• Ikun hemm integrazzjoni sħiħa tas-saħħa mentali fi ħdan is-servizzi kollha tas-saħħa
• Il-fokus tal-kura li jgħaddi mill-istituzzjonijiet għal servizzi speċjalizzati fil-komunità
• Il-kura psikjatrika akuta timxi lejn l-Isptar Mater Dei
• Ir-rijabilitazzjoni ssir preferibbilment fil-komunità f’units dedikati
• Il-kura residenzjali fit-tul tingħata f'faċilitajiet dinjitużi
B’mod dirett il-Ministeru għas-Saħħa ħadem billi kien preżenti f’ kampanji u f’artikli u intervisti f’diversi ġurnali u rivisti, fil-midja soċjali, f’numru kbir ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni bil-għan li jqajjem aktar kuxjenza billi tingħata aktar informazzjoni u b’hekk tonqos l-istigma.
l-Uffiċċju tal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa Mentali fil-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa tal-Università ta’ Malta imbarka f'kampanja Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali tas-Saħħa, bl-isem #StopStigma. Il-kampanja tnediet fis-27 ta ’Novembru 2017 u dieħla fit-tielet sena tagħha. Il-kunċett ta’ din il-kampanja kien li jwassal tliet messaġġi principali:
·
Break the Silence
– ma nistgħux inkomplu nħallu persuni u familji ibatu waħedhom fis-silenzju
· Jiena il-Persuna u Mhux il-Kundizzjoni – immirat lejn rispett ugwali lejn persuni morda minħabba sfidi ta’ saħħa mentali
· Jiena Nista’ Naħdem Ukoll – biex nindirizzaw diskriminazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — safal, fuel u hospitality - nefqa
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12091, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality f'kull Dipartiment, uffiċċju, Awtorità u entitajiet oħra kwalunkwe li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li, matul din is-sena sa Novembru, in-nefqa dwar safar, fuel u hospitality għad-Dipartimenti u uffiċċji kienet kif ġej:
Safar - €214,434.00
Fuel - €86,744.00
Hospitality - €119,089.00
Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif dwar l-entitajiet fi ħdan il-MEDE qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 12261 - Entitajiet fi ħdan il-MEDE - Nefqa fuq safar, fuel u hospitality.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid kemm fil-mument li qed titwieġeb din id-domanda hemm priġunieri f'solitary confinement? Jekk le, din il-prassi għadha tintuża u jekk iva x' inhi l-medja ta' ġranet f'sena, li priġunieri jkunu maqfula f'solitary confinement?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirrefri lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 11172 u 11173.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-waiting list għall-Akkomodazzjoni Soċjali f'Marzu tal-2013 u kemm hija l-istess lista sakemm qiegħda tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12059 u 11674 u jgħid kemm kien hawn lone parents (single mothers) irreġistrati fl-iktar statistika reċenti?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa l-aħħar ta’ Settembru 2019, 2,665 persuni kienu qed jirċievu assistenza soċjali maħsuba għal ġenituri waħedhom.
Minn dawn, 2,628 kienu nisa.
Din l-informazzjoni hija bbazata fuq l-istatistika li ħarġet f’
News Release
Nru 177/2019 fil-31 t’Ottubru 2019.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-Senior Citizen Grant (SCG) jingħatawx lil dawk l-anzjani li jkunu jgħixu f'home? Jekk le, x'inhi r-raġuni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Għotja għall-Anzjani (Senior Citizen Grant) tingħata lil dawk l-anzjani li għandhom 75 sena jew aktar u li għadhom jgħixu fil-komunità.
Mis-sena d-dieħla, kif imħabbar fid-diskors tal-Baġit, din l-għotja se tiżdied b’€50 fis-sena u se titla’ għal €350 għal dawk l-anzjani li jkunu laħqu l-età ta’ 80 sena.
Barra minnhekk, kif imħabbar ukoll fid-diskors tal-Baġit, mis-sena d-dieħla wkoll, din l-istess għotja se tibda tingħata anke lill-anzjani li minn buthom qed iħallsu biex jgħixu f’dar residenzjali għall-anzjani. Dawk li għalqu t-80 sena u aktar, ukoll se jibbenifikaw miż-żieda ta’ €50.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11303 u jgħid liema huma l-binjiet li l-Gvern ta' Malta huwa s-sid li ġew rinovati mis-sena 2017 sal-lum? Liema huma dawn il-binjiet? F'liema lokalitajiet? Kemm sewa l-proġett ta' kull binja? Kemm-il familja bbenefikat minn dan ix-xogħol?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid fil-mument, li qed titwieġeb din il-mistoqsija:
a) kemm huwa attrezzat li jospita priġunieri l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?;
b) kemm hemm priġunieri llum fil-ħabs ta' Kordin?;
c) kemm minn dawn huma nisa, irġiel u kemm minnhom huma Maltin jew barranin?;
d) mill-priġunieri kollha li hemm fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, kemm hemm priġunieri li qegħdin jiskontaw sentenza marbuta ma' prostituzzjoni? Kemm minn dawn huma nisa u kemm irġiel? Kemm minnhom huma Maltin u kemm barranin?
e) kemm hemm priġunieri fil-Faċilita Korrettiva ta' Kordin li għandhom dawn il-kundizzjonijiet tas-saħħa:
1) HIV
2) Hepatitis B
3) Hepatitis C
4) Mard sesswali u
f) kemm hemm uffiċjali jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, fil-mument li qed titwieġeb din il-mistoqsija? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li, kif diġà indikajt, il-binja eżistenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mhix addattata biex tospita l-għadd attwali ta’ 813-il priġunier (750 raġel u 63 mara). Anzi din inħolqot biex tospita kważi nofs din il-popolazzjoni. Għaldaqstant wieħed japprezza ferm aktar ix-xogħol impekkabbli li qed jitwettaq mill-amministrazzjoni tal-post u l-uffiċjali korrettivi li jammontaw għal 270 (233 raġel u 37 mara). L-intenzjonijiet tal-Gvern huma li l-binja tiġi estiża b’tali mod li tiffaċilita l-ħidma fil-post, kemm għal sigurtà aħjar kif ukoll għal trattament iżjed dinjituż lir-residenti tiegħu. Kull priġunier jingħata kull kura meħtieġa mill-istaff mediku fil-Faċilità nnifisha jew miċ-ċentri tas-saħħa u/jew mill-isptarijiet skont il-bżonn.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11935, jista' l-Ministru jgħid kemm u f'liema pajjiżi barra minn Malta, dawn il-kontribwenti skont l-art. 13 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, għandhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tingħata l-informazzjoni mitluba, jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani ta’ dipartimenti varji, liema riżorsi jistgħu jintużaw fuq xogħol ħafna aktar produttiv.