Legislature:
Category:
Reset
Active:

Assenteiżmu: Debt Collection

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12251 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9342, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-eżerċizzju ta’ debt collection? Kemm kienu dawk il-ġenituri li ħallsu l-multi f’dawn l-aħħar tliet snin wara li rċevew l-ittra legali? X’isir jekk il-ġenituri jibqgħu ma jħallsux il-multa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Ċentri ta' Matul il-Jum — każijiet ta' ilmenti mill-klijenti jew carers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ ilmenti li saru mill-klijenti (jew carers tagħhom) li qed jagħmlu użu miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum f’dawn l-aħħar sentejn? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-ilmenti?’

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala l-Awtorità responsabbli mill-Istandards Soċjali tad-Djar tal-Anzjani u iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabilita, l-Awtorità għal Standards fil-Ħarsien Soċjali rċeviet 3 ilmenti dwar is-servizz fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum. Tnejn minn dawn il-każijiet kienu jittrattaw is-settur tad-diżabilità, bil-każijiet mressqa għall-attenzjoni tal-Awtorità ikunu dwar il-kwalifiċi tal-carers u l-aċċess għall-attivitajiet ta’ kuljum. Il-każ l-ieħor kien jirrigwardja is-settur tal-anzjani, fejn l-ilment li tressaq għall-attenzjoni tal-Awtorità kien dwar l-imġieba tal-carers mal-anzjani. .

Proċess ta' Profiling

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-profiling tal-applikanti?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proċess jinstab fi stadju avvanzat u jitħabbar hekk kif jiġi konkluż

Postijiet vojta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet vojta fis-suq u xi strateġija qiegħda tintuża biex dawn jimtlew?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar toffri żewġ skemi bil-għan li s-sidien ta’ proprjetà vojta jiġu inċentivati biex jagħmlulha x-xogħlijiet neċessarji biex isir użu minnha. Dawn l-iskemi huma ‘Restawr ta’ Djar Battala’ u ‘Nikru biex Nassistu’. Il-kundizzjonijiet tal-iskema jistgħu jiġu aċċessati fuq www.housingauthority.gov.mt

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta’ dawk li qegħdin assenjati bħala konsulenti fil-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u l-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru?

Response (BORG, IAN)

Qed inpoġġi it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar — Kumpanija tal-Lift li taħdem bihom l-Awtorità

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12356, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-kumpaniji tal-installazzjoni tal-lifts li qed jirreferi għalihom fit-tweġiba?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista bl-ismijiet kollha tal-kumpaniji hija aċċessibbli mill-pubbliku, mis-sit elettroniku www.etenders.gov.mt.
Leg 13 PQ #12549 Sitting 293 2020-01-29 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Budget 2020 — Inkomplu Nikbru Flimkien - spiża fuq reklamar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12329, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk sarux aktar spejjeż fuq media oħra, u fuq stazzjonijiet tar-radju u t-televizjoni, ġurnali u portals lokali? Kemm ġiet tiswa wkoll il-VAT fuq in-nefqa totali?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab informat li l-Media houses li fuqhom ġie rreklamat materjal b’rabta mal-Budget 2020 fuq stazzjonijiet tar-radju u t-televizjoni, ġurnali u portals lokali huma dawn: Tvm, Net Tv, One Group, Fliving, Times of Malta, Malta Today, Malta Independent, Lovin Malta, Newsbook, Bay Radio, Vibe FM, Kulħadd u Torca. Il-VAT fuq in-nefqa totali fuq dawn kienet €7,016.47.

Infrastructure Malta — xogħol fuq toroq fil-Mosta

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12330, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux time-frame ta’ xogħol fuq it-toroq li qal li se jsiru u li semma fl-istess tweġiba?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq indikati huma koperti minn kuntratti differenti u l-aħħar xogħlijiet konnessi mistennija li jingħalqu fi żmien sena u nofs.

Awtorità tad-Djar — akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm huwa n-numru ta’ applikanti li qed jistennew akkomodazzjoni alternattiva u: a. Għandhom diżabilità; b. Każijiet soċjali marbuta ma’ vjolenza domestika; u c. Anzjani?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ applikanti li qed jistennew akkomodazzjoni alternattiva quddiem l-Awtorità tad-Djar u: a. Għandhom diżabbiltà – 253 applikant b. Għandhom każijiet soċjali marbuta ma’ vjolenza domestika – 10 applikanti c. Li huma anzjani – 394 applikant

Priġuneri Barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri barranin f’dawn l-aħħar ħames snin u kemm minnhom, wara li skontaw is-sentenza tagħhom, ġew deportati lejn pajjiżhom?’

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi f’dawn l-aħħar ħames snin in-numru ta’ priġunieri barranin li daħlu l-ħabs kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Tajjeb li jingħad li ż-żieda fl-2019 kienet in parti kkaġunata minn 128 immigrant li ntbagħtu l-ħabs wara rvellijiet li għamlu fiċ-ċentri f’diversi okkażjonijiet. Sena Ammont 2015 236 2016 248 2017 265 2018 282 2019 531 Mit-tagħrif kif jinżamm mill-awtoritajiet, fl-istess perjodu, l-ammont ta’ priġunieri barranin li ġew irreferuti lill-Pulizija kull sena mill-awtoritajiet tal-ħabs u ġew ‘ripatrijati’ wara li skontaw is-sentenza, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Dawn però mhux neċessarjament daħlu l-ħabs f’dik is-sena li ġew riferuti: Sena Ammont 2015 27 2016 21 2017 31 2018 54 2019 34

Persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali — tnaqqis ta' sigma

Question

Jista’ id-Deputat Prim Ministru jgħid x’għamel il-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar tliet snin biex jeqred l-istigma f’pajjiżna li hija ta’ detriment kbir għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12254.

Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali — moniteraġġ

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm-il żjara ta’ moniteraġġ saru s-sena l-oħra mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u fejn saru dawn iż-żjarat? X’rakkomandazzjonijiet saru biex dawn iċ-Ċentri jitmexxew aktar b’mod professjonali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ġiet imwaqqfa f’Mejju 2018, skont l-Att Numru XV tal-2018. Fl-2019, permezz tat-tim mill-Inspettorat, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali wettqet total ta’ 44 spezzjoni f’Ċentri ta’ Matul il-Jum fil-qasam tad-diżabilità u 97 spezzjoni f’Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-anzjani. Dawn l-ispezzjonijiet saru fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum kollha mmexxija mill-Aġenzija Sapport u mid-Dipartiment għall-Anzjanita` Attiva u Kura fil-Komunità. Tajjeb illi wieħed jgħid, li wara kull spezzjoni ħarġu numru ta’ rakkommandazzjonijiet fl-oqsma li jirrigwardjaw is-saħħa u sigurta` u t-tisbieħ u l-manutenzjoni taċ-ċentri. Saru wkoll kummenti dwar l-aċċessibilità kif ukoll dwar il-kwalità tal-attivitajiet organizzati, l-programm personali ta’ sapport u t-taħriġ kontinwu tal-professjonisti.

Awtorità tad-Djar – kumpanija tal-lifts li taħdem bihom l-Awtorità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hi jew huma l-kumpanija/kumpaniji tal-lifts, li taħdem bihom l-Awtorità tad-Djar?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-installazzjoni tal-lifts qiegħda ssir minn diversi kuntratturi li ntagħżlu wara li ġiet ippubblikata sejħa għall-offerti fuq is-sit tal-akkwist pubbliku li hija aċċessibbli għal kulħadd.

Subsidiary Unemployment Allowance — barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru kbir ta’ barranin li jibbażaw l-għixien tagħhom fuq l-SUA (Subsidiary Unemployment Allowance)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta` persuni li tħallsu SUA, Subsidiary Unemployment Assistance, fl-aħħar ta` Diċembru 2019, kien jammonta għal 779-il benefiċarju/a.

Unemployment Assistance – persuni li qed jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni qegħdin jirreġistraw u li qed jieħdu l-benefiċċju tal-UA (Unemployment Assistance)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta` persuni li tħallsu l-UA, Unemployment Assistance, fl-aħħar ta` Diċembru 2019, kien jammonta għal 608 benefiċarju/a.

UAT (tapering) – persuni intitolati għal assistenza soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni intitolati li jieħdu l-UAT (tapering); dik l-assistenza soċjali fuq tliet snin għal dawk li jmorru jaħdmu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta` persuni li tħallsu l-UAT, Tapering of Benefit, fl-aħħar ta` Diċembru 2019, kien jammonta għal 1728-il benefiċjarju/a.

Servizz ta’ Night Shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet hemm servizz ta' Night Shelter? X'inhu l-iskop primarju ta' dawn is-shelters? Isir xi tip ta' programm għal min juża dan is-servizz? Min jista’ jibbenefika minn dan is-servizz? Kemm hemm persuni li jużaw b'mod regolari dan is-servizz u l-etajiet tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hawn ħames Night Shelters. Erba’ minnhom jinsabu f’Malta, li huma fiż-Żejtun, l-Fgura, San Vinċenz de Paul, u l-Mellieħa. Hemm ukoll Night Shelter f’Għajnsielem Għawdex. L-għan tas-Servizz huwa li joffri kenn sigur għal matul il-lejl, lill-anzjani li jgħixu waħedhom jew għal raġunijiet diversi, jħossuhom insikuri f’darhom. · Jistgħu jibbenifikaw Anzjani li għandhom ‘il fuq minn 60 sena, li jgħixu waħedhom u li jgħixu ħajja indipendenti fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ kuljum. · Ma jbatux minn xi kundizzjoni medika (bħal Dimensja) li tista’ tkun ta’ problema għar-residenti l-oħra li qed jużaw in- Night Shelter . Bħalissa qed jattendu 20 persuna u l-eta` tagħhom tvarja minn 65 sa 85 sena.

Il-Mosta – Triq ir-Rużinjol – tneħħija ta’ ħajt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitneħħa l-ħajt fi Triq ir-Rużinjol, il-Mosta, liema ħajt qed ikun ta' skumdità għar-residenti tal-madwar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat minn Infrastructure Malta x-xogħol indikat huwa parti mill-iffurmar tat-triq li skont il-liġi għandu jsir mill-i¿viluppatur tal-proprjetajiet li hemm fl-istess triq u dan jiġi regolat mill-Awtorità tal-Ippjanar. Għaldaqstant, nissuggerixxu li din il-mistoqsija tiġi referuta lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Binjiet tal-Gvern — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12249 u 11303 u jgħid liema huma l-binjiet li l-Gvern ta' Malta huwa s-sid li ġew rinovati mis-sena 2017 sal-lum? Liema huma dawn il-binjiet? F'liema lokalitajiet? Kemm sewa l-proġett ta' kull binja? Kemm-il familja bbenefikat minn dan ix-xogħol?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.

Aġenzija Sapport: Servizzi lil min ibati mill-vista

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12250 u jgħid x’servizzi qiegħda toffri l-Aġenzija Sapport għal dawk il-persuni li jbatu min-nuqqas ta’ vista? X’għandha persuna tagħmel biex tirċievi dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Aġenzija Sapport toffri s-servizz ta’ Matul il-Jum għal persuni neqsin mid-dawl. Dan is-servizz jingħata miċ-Ċentru Spero li jinsab Ħal Qormi. Il-persuni li jagħmlu użu minn dan is-servizz jingħataw sapport f’ħiliet bażiċi ta’ kuljum u taħriġ dwar kif jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti. Il-programmi li jingħataw minn dan iċ-Ċentru jinkludu wkoll sessjonijiet dwar it-teknoloġija tal-informatika, lezzjonijiet tal-Braille u sessjonijiet li jinvolvu eżerċizzji. Jiġu organizzati wkoll diversi attivitajiet ta’ divertiment, attivitajiet edukattivi u kif ukoll dawk kulturali, kollha bil-għan illi nipromovu l-inklużjoni ta’ persuni neqsin mid-dawl. Il-każijiet għal dan is-servizz jiġu riferuti lill-Aġenzija Sapport, liema Aġenzija tieħu ħsieb li tagħmel l-assessjar meħtieġ u talloka s-servizz lill-klijenti skont il-ħtieġa. Kull persuna li tuża dan is-servizz tibqa’ tiġi segwita minn Social Worker illi jibqa’ jagħti s-sapport anke` matul il-perjodu li fih qed jingħata s-servizz. Persuni neqsin mid-dawl jistgħu jibbenefikaw ukoll minn sussidju fuq xiri ta’ apparat assistiv, permezz tal-Empowerment Scheme li tmexxi l-istess Aġenzija. Biex wieħed japplika għal dawn il-fondi, jista’ jikkuntattja lill-Aġenzija Sapport u jissottometti applikazzjoni flimkien ma’ numru ta’ dokumenti meħtieġa. It-talba tkun tista’ tiġi evalwata minn Bord indipendenti, li jagħti pariri u jipprovdi informazzjoni lill-applikanti dwar kif jistgħu jixtru tagħmir, skont il-bżonnijiet individwali tagħhom.