Legislature:
Category:
Reset
Active:

Assenteiżmu: Debt Collection

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12335 u 12251 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza u li issa ġew riferuti lilu u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9342, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-eżerċizzju ta’ debt collection? Kemm kienu dawk il-ġenituri li ħallsu l-multi f’dawn l-aħħar tliet snin wara li rċevew l-ittra legali? X’isir jekk il-ġenituri jibqgħu ma jħallsux il-multa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija l-Ministeru konċernat.

Half way house — pazjenti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa l-perjodu meta pazjent jidħol fil-half way house?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Halfway House jipprovdi programm ta' rijabilitazzjoni personalizzat għal kull pazjent u jirrispondi għal bżonnijiet speċifiċi ta' kull individwu kif ukoll għall-bżonnijiet tas-servizzi ta' saħħa mentali. Għaldaqshekk iż-żmien ivarja skont il-każ.

Proġetti f’Ministeri b’Fondi Ewropej

Question

Peress li t-terminu tal-Fondi Ewropej wasal biex jiġi fi tmiemu, jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti spiċċaw u dawk li għadhom għaddejjin jew ħa jinbdew f'dawn il-Ministeri: Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Anzjanità Attiva, Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali? Kemm intefqu flus għal dawn il-proġetti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej ; Perjodu ta’ ipprogrammar 2014-2020 Fondi Strutturali ERDF.08.031 - The Meeting Place · Referenza u isem tal-proġett: ERDF.08.031 - The Meeting Place · Benefiċċjarju: Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali · Spiża finali tal-proġett: €967,358 · Proġett magħluq u ġie inawgurat fil-21 ta’ Mejju, 2019 · Sommarju tal-istadju preżenti tal-proġett: Il-binja, li tinsab il-Marsa, qed tilqa’ aktar minn 80 għaqda voluntarja li qed juzaw il-faċilitajiet diversi offruti minn din il-binja. Dawn l-għaqdiet ġejjin mis-setturi soċjali, edukattivi, u tas-saħħa. ERDF.08.039 – REACH: Fair and inclusive society that promotes and advocates independent living and employment · Referenza u isem tal-proġett: ERDF.08.039 – REACH: Fair and inclusive society that promotes and advocates independent living and employment · Benefiċċjajru: Aġenzija Sapport · Intefqu sal-aħħar tal-2019: €4,813,928 · Proġett mistenni jiġi fi tmiemu sal-31 ta’ Diċembru, 2023 · Sommarju tal-istadju preżenti tal-proġett: Is-sit jinsab San Pawl tat-Tarġa, in-Naxxar. L-iskavar ġie fi tmiemu f’Jannar 2020 u għadu kemm beda x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq l-4 blokok għal persuni b’diżabilita’. Id-disinji kellhom jiġu reveduti minħabba sejbien arkeoloġiku. ERDF.04.069 - Investing in an energy efficient system for St Vincent de Paul Residence · Referenza u isem tal-proġett: ERDF.04.069 - Investing in an energy efficient system for St Vincent de Paul Residence · Benefiċċjajru: Residenza għall-kura fit-tul San Vinċenz De Paul · Intefqu sal-aħħar tal-2019: €715,291 · Proġett mistenni jiġi fi tmiemu sal-31 ta’ Diċembru, 2021 · Sommarju tal-istadju preżenti tal-proġett: F’Novembru li għadda beda x-xogħol proprju fis-swali tar-residenti relatat ma’ installazzjoni ta’ sistemi ġodda u effiċjenti ta’ arja kkundizzjonata, sħana, u ventilazzjoni. ESF.02.054 – INK: Person-focused inclusion project · Referenza u isem tal-proġett: ESF.02.054 – INK: Person-focused inclusion project · Benefiċċjajru: Aġenzija Sapport · Intefqu sal-aħħar tat-2019: €1,180,340 · Proġett mistenni jiġi fi tmiemu sal-31 ta’ Diċembru, 2020 · Sommarju tal-istadju preżenti tal-proġett: Total ta’ 194 persuna b’diżabilita’ ipparteċipaw f’taħriġ offrut mill-Aġenzija Sapport u numru sostanzjali minn dawn il-parteċipanti ħadu sehem f’ work exposure f’kumpaniji privati jew dipartimenti tal-Gvern. Qed jingħata wkoll taħrig lill-ġenituri, lil min iħaddem, u front liners . ESF.02.063 – Knowledge, Training, Communications and Support measures in support of vulnerable groups · Referenza u isem tal-proġett: ESF.02.063 – Knowledge, Training, Communications and Support measures in support of vulnerable groups · Benefiċċjajru: Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali · Intefqu sal-aħħar tat-2019: €2,377,675 · Proġett mistenni jiġi fi tmiemu sal-30 ta’ Ġunju, 2021 · Sommarju tal-istadju preżenti tal-proġett: Dan il-proġett hu intiż biex isaħħaħ il-ħiliet tal-professjonijsti li jaħdmu ma’ persuni vulnerabbli permezz ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ kemm lokali kif ukoll barra minn Malta. Dan il-proġett qed jinvesti b’mod dirett f’assistenza professjonali mal-familji vulnerabbli. Barra minn hekk, il-proġett hu ikkumplimentat b’riċerki intiżi li jservu sabiex il-qagħda ta’ kategoriji ta’ nies vulnerabbli titjib. Proġetti Kofinanzjati minn Fondi oħrajn Programm: EEA / Norwegian Funds · Referenza u isem tal-proġett: PDP2 - Opportunity Knocks · Benefiċċjajru: Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali · Intefqu sal-aħħar tat-2019: €21,657 · Proġett mistenni jiġi fi tmiemu sal-31 ta’ Diċembru, 2020 · Sommarju tal-istadju preżenti tal-proġett: Permezz ta’ dan il-proġett, żgħażagħ li jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni soċjali qed jiġu mgħejjuna sabiex jgħixu ħajja aktar independenti u soċjali. Ġew ingaġġati numru ta’ professjonisti bħala parti minn tim multi-dixxiplinarju li s’issa assistew total ta’ 108 persuni fuq bażi individwali u ġew organizzati 25 sessjoni ta’ prevenzjoni, filwaqt li 14 –il żgħażugħ u żgħażugħa ngħataw kenn f’xi wieħed mis- Safe Houses tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. EU Joint Action on Frailty – Third Health Programme 2014-2020 · Isem tal-proġett: Advantage · Benefiċċjajru: Residenza għall-kura fit-tul San Vinċenz De Paul (Imsieħeb fil-proġett) · Spiża finali minn SVP fuq dan il-proġett: €46,249 · Il-proġett ingħalaq bir-rapport finali li ġie sottomess fit-30 ta’ Jannar, 2020. · Sommarju tal-istadju preżenti tal-proġett: Fit-30 ta’ Jannar, 2020 intbagħat ir-rapport finali lill-koordinatur ewlieni ta’ dan il-proġett fuq livell Ewropew. L-irwol tal-benefiċċjarju kien li ssir riċerka fuq is-suġġett ta’ Frailty fuq bażi lokali fejn anke ġiet organizzata konferenza li għaliha attendew diversi professjonisti f’dan is-settur.

Pjanijiet ta’ establishment tal-Housing Estates

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar pjanijiet ta' embellishment tal-Housing Estates? Jista’ jgħid f'liema lokalitajiet?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm ta’ riġenerazzjoni ta’ Housing Estates għas-sena 2020 jinkludi xogħlijiet f’40 blokka. Il-lokalitajiet ta’ fejn se jkunu qiegħdin isiru x-xogħlijiet huma: Seba’ blokok f’Ħal Tmiem,iż-Żejtun, 13-il blokk magħrufa bħala Hubbard flats, f’Bormla, 6 blokok b’16-il entratura fil-qasam Għajn Kajjet, ir-Rabat, erba’ blokok b’sitt entraturi fis-Siġġiewi u seba’ blokok f’San Ġiljan.

Dipartiment tas-Servizzi Soċjali – aċċess għall-persuni b’wheelchair

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex il-fergħat tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali jkunu aċċessibbli għal persuni b’użu ta’ wheelchair peress li ħafna minn dawn id-dipartimenti ma humiex aċċessibbli għall-persuni b’użu ta’ wheelchair? Jista’ jgħid liema huma dawk il-fergħat fejn ser isiru u x 'budget hemm?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jixtieq li jkollu kull uffiċċju distrettwali li jkun aċċessibbli għall-persuni li jagħmlu użu minn wheelchair, imma minħabba l-fatt li ċerti uffiċini huma antiki, mhux dejjem huwa possibli li jsir tibdil strutturali kif wieħed ikun jixtieq sabiex l-post ikun mija fil-mija aċċessibbli għall-persuni b’diżabilita`. Minkejja dan, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali dejjem jipprova jsib postijiet alternattivi, fejn huwa possibli, kif ukoll huwa lest li jekk u meta tinqala’ l-okkażjoni, jikkonsidra kull offerta għall-postijiet alternattivi minn fejn noperaw is-servizzi li jingħataw mill-uffiċċji distrettwali.

Kostituzzjoni ta’ Malta 17(3) – skemi u investiment

Question

Skont il-Kostituzzjoni ta' Malta 17(3) “Persuni inkapaċitati u persuni li ma jkunux kapaċi għal xogħol għandhom dritt għall-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali”, jista’ l-Ministru jgħid kif il-gvern qed iħares dan id-dritt, x'investiment qed isir u fejn qed isir? Hemm ħsieb ta' sħubija ta' skemi mal-privat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol jista’ jwieġeb rigward d-dritt għall-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fl-intier tagħha, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Aġenzija Sapport toffri programmi ta’ inklużjoni u taħriġ sabiex persuni b’diżabilità li jibbenefikaw mis-servizzi ta’ Matul il-Jum, Servizzi Residenzjali u fil-Komunità mogħtija mill-istess Aġenzija, itejbu l-ħiliet tagħhom u jitgħallmu jgħixu ħajja indipendenti. Uħud minn dawn il-programmi jinkludu taħriġ fl-użu tal-kompjuter, taħriġ fuq kif wieħed iqassam flusu, taħriġ prattiku fuq l-użu tat-transport pubbliku għall-ħajja aktar indipendenti, fost oħrajn. Jingħata wkoll taħriġ fil-qari permezz tal-użu tal-Braille għall-persuni neqsin mid-dawl miċ-Ċentru Spero. L-Aġenzija Sapport tmexxi wkoll il-proġett ko-finanzjat mill-UE – INK. Dan il-programm huwa intenzjonat li jagħti taħriġ u esperjenza prattika fuq il-postijiet tax-xogħol lill-persuni b’diżabilità, bil-għan illi jinstabilhom impjieg xieraq.

Tal-Linja Card — refund

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar is-sistema preżenti tal-Linja Card u r-refund system għal persuni anzjani?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema li ġiet addottata fil-mizura tal-Budget fejn persuni ta’ 75 sena u aktar jivjaġġaw b’xejn fuq is-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda huwa l-istess bħal dak li kien ġie addottat f’dawn l’aħħar snin fuq mizuri li raw persuni f’diversi faxex tal-eta` differenti jivjaġġaw b’xejn fuq l-istess mezz tat-trasport. Is-sistema hija hekk kif ġej; Kull darba li persuna titla’ fuq karozza tal-linja għandha tibqa’ tmiss il- Card tagħha mal-magna tal-biljetti li hemm fuq kull karrozza tal-linja. F’dak il-punt il-valur tal-biljett jinqatgħa mill-kreditu tal-passiġġier. Fil-bidu tax-xahar ta’ wara jinġabar l-ammont li jkun intefaq fuq l-ivvjaġġar fix-xahar preċedenti. Dan l-ammont jerġa’ jiġi miżjud mal-kreditu fuq il- card tal-passiġġier fil-bidu tax-xahar ta’ wara. Biex ngħati eżempju, persuna fil-bidu ta’ Jannar kellu €15 kreditu fuq il- Card . Matul ix-xahar ta’ Jannar ikun nefaq €8.00 fi vjaġġar fuq il-karozzi tal-linja. Ghaldaqstant il-bilanċ fl-aħħar tax-xahar kien ta’ €7.00. Fil-bidu ta’ Frar jerġa’ jiżdiet l-ammont ta’ flus li jkun intefaq f’Jannar, jiġifieri f’dan il-każ it-€8.00 jiżdiedu mal-kreditu ta’ €7.00 li jkun baqa’ fil- card .

Housing Estates — lifts

Question

Jista’ l-Ministru jagħti time-frame meta ser jitlesta x-xogħol ta' lifts fil-blokok ta' Housing Estate, li hemm imsemmija fuq lista ta’ hawn taħt: a. 30, Blk C, Dr C, Vjal in-Naspli San Ġwann; b. Blk A2 Triq l-Isptar Ħ'Attard; u c. Blk A4, Triq l-Isptar Ħ'Attard?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-installazzjoni tal-lifts f’dawn il-blokok huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.

Proġett pilota tat-tqassim tal-mediċini fid-djar tal-anzjani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jaġġorna din il-Kamra rigward Proposta 24 tal-Manifest Elettorali 2017 li hija din “Wara li wettaqna l-proġett pilota ta’ tqassim tal-mediċini fid-Djar tal-Anzjani, inkomplu nwessgħu dan il-proġett biex issa nilħqu Malta kollha.” Jista’ jgħidilna liema kienu l-lokalitajiet magħżula għal dan il-proġett pilota u jekk dan is-servizz tkompliex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett pilota ta’ tqassim tal-mediċini fil-Djar tal-Anzjani li kien beda’ fil-lokalitajiet tar-Rabat Malta u kif ukoll f’Raħal Ġdid, illum qed jingħata fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.

Mediċini impurtati minn barra minn Malta — nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jipprovdi n-nefqa ta’ mediċini impurtati minn barra minn Malta meta dawn ma jkunux disponibbli f’Malta? Veru li xi kultant l-ispiża tal-ajru tkun ogħla mill-mediċina nnifisha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Formolarju tal-Gvern – mediċini għall-kura tal-Fibromyalgia

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fil-formolarju tal-Gvern jeżistux mediċini għall-kura tal-Fibromyalgia? Jista’ jgħid mediċina bħal-Lyrica hemmx ħsieb li tkun inkluża fil-formolarju tal-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-formularju tal-Gvern preżentament hemm 3 mediċini li jintużaw għal Fibromyalgia u jintużaw biex itaffu s-sintomi. Hemm ħsieb li mediċini relevanti oħra jiġu kkunsidrati għal din il-kundizzjoni fil-ġejjieni.

Freeport — liċenzji

Question

Peress li fil-kumpilazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ngħad li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ried liċenzja tal-Freeport, tista’ l-Ministru tgħid kif jinħarġu l-liċenzji tal-Freeport? Tista’ tgħid fuq liema kriterji u skrutinju jinħarġu l-liċenzji u min hu responsabbli għal dan? Isiru spot checks li hemm kollox in regola? Kemm ingħataw liċenzji ġodda tal-Freeport mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmata li l-persuna msemmija qatt ma applikat sabiex tinħariġlu liċenzja biex jopera mill-Freeport. Sabiex kumpanija tibda topera mill-Freeport din tinħtieġ liċenzja li tingħata wara li ssir applikazzjoni apposta skont it-termini tal-liġi Cap 334 tal-Port Ħieles. L-applikazzjoni tiġi vvetjata mill-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles u tintbagħat lid-Direttur Ġenerali tad-Dwana għall-iskrutinju tiegħu. Meta ż-żewġ partijiet jaqblu li tista’ tingħata l-liċenzja, toħroġ l-approvazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi u l-liċenzja min-naħa tal-Korporazzjoni. Kull moviment li jsir – kemm dħul kif ukoll ħruġ ta’ merkanzija – jiġi irrekordjat fuq formoli apposta u ċċekkjat fiżikament mis-Security Controllers. L-inventarji jiġu mqabbla mal-merkanzija li tkun maħżuna permezz ta’ spot checks li jsiru regolarment. Ġejt infurmata li mis-sena 2013 ‘l hawn ħarġu żewġ liċenzji – waħda fl-2014 u l-oħra fl-2017.

Malta Freeport Corporation — ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm nies li ddaħħlu jaħdmu fil-Malta Freeport Corporation mill-2014 'l hawn maqsuma sena b’sena? Kemm minnhom huma persons of trust jew politically appointed?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmata li fil-perjodu msemmi daħlu 66 persuna jaħdmu mal-Korporazzjoni. Persuna minnhom kienet politically appointed, filwaqt li ħamsa oħra kienu persons of trust. Dawn tal-aħħar m’għadhomx impjegati mal-Korporazzjoni.

Sptar Monte Karmeli — xogħlijiet fuq swali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk inbdewx ix-xogħlijiet sabiex ikunu rranġati swali li għandhom is-saqaf ikkundannat fl-Isptar Monte Karmeli li ilhom fi stat tabbandun kemm ilu jiggverna l-Partit Laburista bħal kmamar tal-banju b’nuqqas serju ta' affarijiet bażiċi, arja kkundizzjonata ma jaħdmux, soqfa li se jċedu minn ħin għall-ieħor etc.?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-soqfa spiċċaw ikkundanati wara telqa mħollija minn amministrazzjoni taħt gvern nazzjonalista fejn saħansitra lanqas fondi kapitali ma kienu jingħataw sabiex isir xi forma ta’ xogħolijiet. Ninfurmah ukoll illi beda’ jsir xi xogħolijiet fuq 3 swali partikolari. F’waħda mis-swali, ix-xogħol huwa avvanzat. Navżah ukoll illi t-tender sabiex isir x-xogħol strutturali kollu għal Blokk 1 ħareġ u jinsab miftuħ.

Ħ’Attard – stallazzjoni ta’ lifts fil-blokok tal-Housing Estate

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-pjan li jiġu installati l-lifts fil-blokok tal-Housing Estate ta' Ħ’Attard?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-installazzjoni tal-lifts fil-blokok tal-Housing Estate f’Ħ’Attard inbdiet bħala parti mill-proġett ta’ installazzjoni ta’ 110 lift, ko-finanzjat minn Fondi Ewropej.

Qtil ta’ individwi — investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet, jew kienx hemmx żviluppi, fil-qtil ta’ Lino Cauchi u Wilfred Cardona li seħħew fis-snin 80?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Pulizija qed tirrevedi dawn iż-żewġ każi ta’ qtil flimkien ma’ ohrajn li seħħew snin ilu. Għalhekk l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.

Issues Soċjali – każ ta’ familja

Question

Jista' l-Ministru jara li social worker iżżur lill-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament marbuta ma' issues soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna msemmija, qed tieħu dak kollu dovut lilha, mid-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali. Madanakollu, id-Dipartiment talab illi ssir żjara mis-social worker, sabiex isir case assessment tal-każ u jiġi stabbilit kif tista’ tiġi mgħejjuna l-persuna kkonċernata.
Leg 13 PQ #12783 Sitting 297 2020-02-11 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Backbenchers – servizz ta’ xufier u ta’ karozza

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx backbenchers min-naħa tal-gvern li għandhom is-servizz ta' xufier u ta' karozza u kemm hi l-ispiża?

Response (ABELA, ROBERT)

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma jipprovdix karozza u xufier lill-backbenchers.
Leg 13 PQ #12784 Sitting 297 2020-02-11 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Entitajiet u awtoritajiet – CEOs

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huma l-pagi tas-CEOs f’entitajiet u awtoritajiet tas-servizz pubbliku? Jista’ jgħid ukoll jekk reġgħux ġew appuntati, u jekk kienx hemm xi bdil min huma u liema kriterja intużat għal dawn il-ħatriet?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma hemmx CEOs fis-servizz pubbliku.

Sptar Mater Dei – spiżerija – flange/wafer

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex pazjenti li jmorru l-ispiżerija ta' Mater Dei, mhux qed jingħataw flange/wafer kif ikun rikjest?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm diversi qisien u tipi ta’ flanges u wafers li jingħataw lill-pazjenti, li jmorru l-ispiżerija ta' Mater Dei. Għaldaqstant, nitolbu biex jispeċifika għal liema tip qed jirreferi.