Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar servizzi ta' helplines li twaqqfu tul il-pandemija COVID-19? Kemm minnhom għadhom qed jingħataw, u kemm minnhom qed jingħataw matul il-lejl, u x'tip ta' telefonati qegħdin jittrattaw?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnhu hja kif ġej:
25903030 – Helpline mwaqqaf fis-16 ta’ Marzu 2020, sabiex anzjani u persuni b’diffikulta ta’ mobilita’ ikunu jistgħu jirrikorru għal għajnuna għal htieġijiet tagħhom ta’ kuljum. Dan in-numru irċieva total ta’ 10,360 telefonata, sa nhar l-24 ta’ Ġunju 2020 (id-data li fiha dan in-numru ma baqax jopera). Madanakollu minkejja din il-linja ta’ għajnuna ma baqatx topera, kull min kien u għadu iċempel fuq dan il-helpline, il-linja tiġi trasferita għal fuq in-numru telefoniku taċ-Ċentru Servizz Anzjan, minn fejn ikun assistit għas-servizzi li jkollu bżonn.
25903000 – Helpline mwaqqaf fit-30 ta’ Marzu 2020, sabiex persuni li riedu assistenza fuq xi wieħed mill-benefiċċji ta’ għajnuna li joffri id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, ikunu assisti anka fl-assenza tal-Uffiċċji Distrettwali li kienu magħaluqa għal pubbliku. Dan in-numru irċieva total ta’ 24,152 telefonata matul dan il-perijodu sa nhar l-24 ta’ Ġunju 2020 (meta din il-linja ġiet uffiċċjalment mgħaluqa, meta l-Uffiċċji Distrettwali fetħu mill-ġdid ukoll għal pubbliku). Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minkejja dan in-numru issa huwa magħaluq, il-pubbliku jista’ jagħmel l-istess mistoqsijiet billi iċempel fuq l-linja 153. Kull min iċempel fuq 25903000, fil-preżent, qiegħed ikun assistit sabiex iċempel fuq il-freephone 153 għall-istess tip ta’ għajnuna li kien jirċievi minn fuq it-25903000.
1772 – Helpline mwaqqaf mill-Ministeru ghall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta` Socjali (MFCS) fl-aħħar ta` Marzu 2020 u l-operat jaqa` taħt l-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni ghas-Servizzi tal-Ħarsien Socjali (FSWS). Matul dan il-perjodu, jiġifieri bejn it-28 ta’ Marzu, 2020 u t-30 ta’ Settembru, 2020, kien hemm 7861 sejħa fuq il-linja 1772. L-operat ta’ dan il-helpline bejn Marzu u Ġunju 2020 ġie offrut mill-impjegati kollha tal-Fondazzjoni filwaqt li wara dan il-perjodu, din il-linja giet amalgamata mal-linja eżistenti li hija l-linja nazzjonali 179 u huma għalhekk it-tnejn offruti 24 siegħa kuljum, is-sena kollha. Il-linja 1772 giet imwaqqfa sabiex tilħaq b`mod specjali dawk in-nies l-aktar vulnerabbli u li waqt il-pandemija kienu għaddejjin minn mumenti ta` solitudni u għalhekk kienu jeħtieġu jitkellmu ma’ xi hadd. Dan wassal ukoll sabiex il-linja 179 baqghet tilħaq dawk il-każijiet ta’ natura aktar serja w urġenti. Il-linja 1772 għadha fil-fatt attiva u tintuża minn dawk li jehtiegu. L-operaturi fi hdan il-linja nazzjonali qeghdin jassistu wkoll lil dawk li jcemplu 1772. Dan is-servizz qiegħed jingħata wkoll permezz ta’sistema ġdida (Rainbow App) waqt li t-telefonati kollha li qed jidħlu fuq iż-żewġ linji sa minn Ġunju 2020 bdew juzaw wkoll is-sistema kompjuterizzata l-ġdida (Il-Case Management Software - CMS).
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15978, jista' l-Minsitru jagħti statistika dwar rappreżentanza tal-partiti politiċi, u bilanċ bejn dawn, fuq programmi mxandra mill-PBS skont informazzjoni mogħtija lill-Awtorità tax-xandir?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega x’ser isir u x’inhu maħsub għall-Kumpless Vajrità f’Marsaskala li skont il-miżura tal-Budget tal-2018 li minn dak iż-żmien ‘l hawn twaqqaf jingħata servizz lill-persuni b’diżabilità f’dan iċ-ċentru u l-kumpless tħalla fi stat ta’ abbandun għall-aktar minn sena u nofs? Jista’ jgħid konkretament meta ser jibdew ix-xogħlijiet f’Marsaskala?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuni b’diżabilità li kienu qed jirċievu servizz ta’ matul il-jum jew residenzjali mill-kumpless Vajrità f’Wied il-Għajn kollha qed jingħataw is-servizz meħtieġ minn binjiet oħra u għalhekk ma kienx hemm waqfa fl-għotja tas-servizzi lil dawn il-persuni.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett jibda meta jitlesta l-proċess ta’ xiri pubbliku. Wara li ġew evalwati s-sottomissjonijiet mit-tieni sejħa, ġie skattat proċess ta’ negozjar skont l-Artiklu 154 tal-Proċeduri tax-Xiri Pubbliku minħabba li dawn is-sottomissjonijiet ma laħqux il-kriterji tas-sejħa. Din bħalissa tinsab fil-fażi tal-appell.
Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega għalxiex f’dawn it-tliet snin minn kemm ilu li tħabbar li proġett taċ-Ċentru l-Kbir fl-Imtarfa għall-persuni b’diżabilità baqa’ qatt ma sar xejn? Dan filwaqt li l-ħaddiema, persuni b’diżabilità u l-ġenituri tagħhom, kemm-il darba ngħataw promessi li x-xogħol ser jibda tant li saħansitra ġew spjegati l-pjanti u visual tal-proġett lilhom? Jista’ jispjega x’sar xogħol f’dan ir-rigward sa issa u x’inhu għaddej fuq dan il-proġett bħalissa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-preżent qed jiġi ppreparat dokument sabiex toħroġ it-tielet sejħa għal sottomissjonijiet għat-twaqqiegħ u l-bini taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Imtarfa. Dan wara li ż-żewġ sejħiet ta’ qabel kellhom jiġu kkanċellati minħabba li s-sottomissjonijiet ma kinux eliġibbli jew konformi mas-sejħa jew mhux konklużi fil-perjodu preskritt. Il-pjanijiet li jiġi żviluppat dan iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għadhom fis-seħħ skont kif ġie komunikat mal-impjegati u l-familjari tal-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi f’dan iċ-Ċentru.
Sadattant twettqet ukoll ħidma fil-partijiet taċ-Ċentru li mhumiex fil-pjan tat-twaqqiegħ. Dawn jinkludu installazzjoni ta’ numru ta’ air conditioners, modernizzar tal-independent living unit, xogħol ta’ żebgħa, bini mill-ġdid ta’ ħajt diviżorju, kif ukoll xogħol ta’ tisbiħ f’kamra li issa qed tintuża mill-persuni b’diżabilità li jattendu dan iċ-Ċentru. Beda wkoll il-proċess biex jinbidlu l-kmamar tal-banju kif ukoll sabiex tinxtara u tkun installata sistema ta’ fire alarm.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn armi tan-nar liċenzjati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ armi tan-nar liċenzjati mal-pulizija sal-14 ta’ Lulju 2020, kien ta’ mija u disgħa u għoxrin elf, tmien mija u ħamsin 129,850
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spejjeż, b'mod globali, mill-ambaxxati u konsolati Maltin f'dawk li huma kirjiet ta' premises, pagi, u spejjeż oħra relatati, mill-2017 sal 2019?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż li saru mill-Ambaxxati/Konsulati matul 2017, 2018 u 2019 huma kif ġejjin:
2017
2018
2019
€ 20,165,815.65
€ 22,265,781.59
€ 22,754,520.79
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Kummissjoni Ewropea għamlet żjarat uffiċjali f'Malta biex jissorveljaw l-operat tal-Gvern u kif jintefqu l-fondi fuq proġetti lokali bi flus mill-UE, jekk iva, liema Ministeri, bejn l-2013-2019?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Ewropea għamlet 72 żjara uffiċjali f’Malta bejn l-2013 u l-2019.
27 minnhom kienu fil-Ministeri kollha li kienu qed jibbenefikaw mill-fondi tal-UE, 41 kienu fil-Ministeru responsabbli għall-Affarijiet Ewropej, 2 fil-Ministeru responsabbli mill-Ambjent u 2 oħra fil-Ministeru responsabbli mit-Trasport
.
Awtorità tal-Akkomodazzjoni Soċjali – Skema ‘Nikru biex Nassistu’
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15722, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità hiex tipproċessa l-applikazzjonijiet għal "Nikru Biex Nassistu"?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra
Jista' l-Ministru jgħid wara kemm żmien jinbidlu l-vetturi tal-AFM u jekk jinxtrawx ġodda jew jiġux leased, u kemm hi l-ispiża?
Response (CAMILLERI, BYRON)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 15997, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat illi l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi mwieġba hawn taħt:
- Il-Vetturi tal-Forzi Armati ta’ Malta jinbidlu skont il-ħtieġa. Għaldaqstant m’hemm l-ebda żmien stabbilit meta l-vetturi jiġu mibdula.
- Il-Vetturi tal-FAM jiġu mixtrija permezz ta’ proċess tal-offerti governattivi u ma jiġux mikrija vetturi għal skopijiet militari.
- Il-FAM għandha diversi tipi ta’ vetturi. Għaldaqstant l-ispiża tiddependi mit-tip ta’ vettura mixtrija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm spiċċaw Correctional Officers bis-servizz mill-2017 sal-lum u kemm daħlu rekluti ġodda fl-istess perjodu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Correctional Officers li spiċċaw bis-servizz mill-2017 sal-lum u kemm daħlu rekluti ġodda fl-istess perjodu hu kif ġej:
Spiċċaw bis-servizz 2017 - 8
2018 - 9
2019 - 13
2020 - 6
Total = 36
Rekluti ġodda 2017 - Ottubru 57
2018 - Nil
2019 - Nil
2020 - Jannar 39
Ġunju 42
Total = 138
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa fir-ranks differenti fil-Korp tal-Pulizija minn surġent 'il fuq?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi sat-13 ta’ Lulju 2020, fil-Korp tal-Pulizija kien hemm mija u erbgħa u għoxrin (124) membru femminili mill-grad ta’ Surġent ’il fuq. Dawn kienu kif jidher hawn taħt:
Assistent Kummissarju
1
Supretendent
4
Spettur
27
Maġġur tat-Tieni Klassi
1
Surġent
91
Total
124
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa fl-AFM u x'inhuma r-ranks tagħhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 16002, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jiżdiedu l-communal disabled parkings bays fil-lokalitajiet li jkopru l-11-il distrett? Jista' jgħid kemm, jekk hemm, lokalità b’lokalità?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant lininsab infurmat li Transport Malta tipproċessa talbiet għall-
Communal reserved parking bays
li jaslu mingħand il-Kunsilli lokali jew mingħand individwi skond kif ikun il-każ.
Skond l-arkivji ta’ L-Awtorita’ tat-Trasport hemm pendenti fil-ħdax il-Distrett kif jidher hawn taħt:
· Attard – 1
· Mosta – 4
· San Pawl il-Bahar, Burmarrd – 7
Jista' l-Ministru jgħid hemmx ħlas, u jekk iva kemm, għal dawk ir-residenti tal-UE biex japplikaw għall-ID card jew biex ibiddlu d-dettalji tagħhom, bħal indirizz pereżempju?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija Identity Malta ma toħroġx karta tal-identità lil ċittadini Ewropej iżda dokument ta’ residenza, bħal kull pajjiż Ewropew ieħor. Bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, ninformah li ma hemm l-ebda miżata biex ċittadin Ewropew japplika għal dan id-dokument u lanqas biex ibiddel l-indirizz tiegħu.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm ambulanzi fil-flotta u kemm hi l-ispiża tal-manutenzjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dipartimenti u fl-entitajiet tal-Ministeru għas-Saħħa hemm total ta’ 35 ambulanza li jagħtu servizz f’Malta u Għawdex. L-ispi¿a tal-manutenzjoni ta’ dawn l-ambulanzi għas-sena 2019 kienet ta’ €320,368.15.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kull kemm żmien tinbidel il-flotta tal-ambulanzi u jekk jinxtrawx ġodda jew ikunux leased, u kemm hi l-ispiża?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ambulanzi jinbidlu meta jiġu ddikjarati mhux tajbin biex jipprovdu s-servizz meħtieġ.