Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Community Chest Fund – supplier tal-mediċini

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min hu s-supplier li jipprovdi l-mediċina lil Malta Community Chest Fund (MCCF)? Fuq liema bażi ntgħażel? Intgħażel b’direct order jew b’tender?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Community Chest Fund (MCCF) ma tagħmilx parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa.

Baġit 2021 – miżuri fuq kura għall-ħajja itwal u ta’ kwalità għall-pazjenti tal-kanċer

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’ġie ppreżentat fil-Baġit 2021 rigward kura għall-ħajja itwal u ta’ kwalità għall-pazjenti tal-kanċer?

Response (FEARNE, CHRIS)

.Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dan il- badgit ġew ippreżentati tlett proposti fir-rigward ta’ kura għall-ħajja itwal u ta’ kwalità għall-pazjenti tal-kanċer, li huma żieda fl-investiment f’kura iktar ħolistika, se jkun qed jinfetaħ iċ-Ċentru San Mikiel – faċilita’ li tipprovdi għajnuna paljattiva professjonali – bi sħubija bejn il-Gvern u l-Hospice Malta u b’koerenza ma’ l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Kura Paljattiva, kif ukoll se jitwessa’ s-servizz tal-Programm ta’ Sopravivenza li jagħti appoġġ lill-familjari u lill-pazjenti li għelbu l-marda tal-kanċer.

Kura urġenti tal-Kanċer – provvedimenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi provvediment għandu l-Gvern biex jagħti kura urġenti tal-kanċer li bħalissa ma jiġix offrut b’xejn speċjalment meta din lanqas il-Malta Community Chest Fund (MCCF) ma tkunx tista’ tħallas għal din il-kura imma jkun hemm rakkomandazzjoni ta’ tabib konsulent?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-gvern bħalissa għandu 110 mediċini differenti għall-kura ta ħafna tipi ta kanċer differenti. Dawn jinsabu fil-formularju tal-gvern u jingħataw lil dawk il-pazjenti kollha li jkollhom bżonn din il-kura, bla ħlas. Apparti t-trattamenti mediċinali, pazjenti afftewati mill-marda tal-kanċer jistaw jagħmlu użu mir-radjoterapija, liema terapija ġiet sostnuta b’taħriġ speċjalizzat minn Medical Physicists u professjonisti oħra bħal tobba u infermiera. Fejn trattament ma jkunx disponibbli f’Malta, dawn jiġu riferuti f’ċentri l-Ingilterra jew saħansitra pajjiżi oħra fl-Ewropa. Tajjeb li nsemmu li l-kura tal-kanċer f’Malta tat spinta aktar il-quddiem permezz tal-iscreening programme kif ukoll ta’ trattament kiruġiku fosthom it-trattament robotiku fuq il-prostata li mistenni jibda’ fi żmien li ġej, trattament ġdid li qed isir fil-fwied permezz tat- TACE( Trans Arterial Chemo Embolisation) kif ukoll trattament għal-kanċer tal-bużżieqa tal-urina permezz ta’ mediċina introdotta Mitomycin. F’mediċini speċjalizzati oħrajn l-konsulenti għandhom faċilita’ li jagħmlu applikazzjoni lill-kumitat għal-Exceptional Medicines għal konsiderazzjoni sabiex il-Gvern ikun jista’ jixtri u jipprovdi mediċina speċifika għal pazjenti bi ħtieġa ta’ mediċina partikolari.

DSS – ħarsien ta' saħħet l-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jassigura li saħħet l-impjegati tad-DSS jiġi mħares meta dawn qed jiġu esposti ta’ kuljum minn irwejjaħ ta’ drenaġġ u żebgħa? Nifhem li x-xogħol irid isir imma dawn ilhom esposti jxommu rwejjaħ għal bosta xhur.

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bhalissa għaddejjin xogħlijiet kemm fuq barra u kemm fuq ġewwa ta’ Palazzo Ferreria. Ir-restawr tal-faċċata tal-Palazz issa jinsab fl-aħħar fażi tiegħu u huwa ppjanat li sal-bidu tas-sena d-dieħla ikun tlesta. Ix-xogħlijiet fuq ġewwa qed isiru f’numru ta’ uffiċini sabiex jittejjeb u jisbieħ l-ambjent tax-xogħol għal ħaddiema li jaħdmu ġo Palazzo Ferreria. Li f’xi ħinijiet ikun hemm irwejjaħ huwa inevitabbli meta jkunu qed isiru xogħlijiet bħal dawn iżda qed isir kull sforz biex dawn ikunu minimizzati kemm jista’ jkun. Fir-rigward ta’ irwejjaħ tad-drenaġġ li ġejjin minn barra, ftit taż-żmien ilu kienet ittieħdet azzjoni dwar dan u wara diversi spezzjonijiet u xogħlijiet minn taqsimiet differenti kien aċċertat li l-problema m’hijiex ġejja mis-sistema tad-drenaġġ ta’ Palazzo Ferreria.

Anzjani jistennew fi Djar tal-Anzjani tal-Gvern – waiting lists

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew fuq il-waiting list biex jidħlu fi Djar tal-Anzjani tal-Gvern għal din l-aħħar sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-aħħar ta’ Settembru, b’kollox kien hemm 1,341 persuna fuq il-lista ta’ stennija u li huma eliġibli biex jidħlu f’Dar tal-Anzjani tal-Gvern. Minn dawn 457 persuna applikaw fis-sena 2020. Hemm 419 -il persuna li ilhom fuq il-waiting list għal sena. Id-dħul fi Djar tal-Anzjani tal-Gvern isir skont id-dipendenza tal-applikant u mhux skont id-data tal-applikazzjoni. Każijiet urġenti jieħdu prijorità.

Spezzjonijiet tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm l-ispezzjoni tal-VAT saru sena b’sena mill-2017 ‘l hawn, kemm inqabdu llegalitajiet u x’passi ttieħdu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pandemija – għajnuna finanzjarja għal min ma jiflaħx iħallas kera

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16585 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid hux se tingħata għajnuna finanzjarja għal min ma jiflaħx iħallas kera minħabba l-pandemija? Jekk se tingħata, kif se tingħata, minn liema xahar sa meta se tingħata u kemm se jkunu l-ammonti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministeru kkonċernat.

Mdina u Burmarrad – rapport ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ vjolenza domestika fil-lokalitajiet tal-Mdina u Burmarrad?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fil-każ tal-Imdina ma ġewx irrappurtati ka¿ijiet ta’ vjolenza domestika fil-perjodu minn Jannar 2019 sa Settembru 2020. Dwar il-lokalità ta’ Burmarrad fis-sistema tal-Pulizija din inkluża bħala area ma’ San Pawl il-Baħar. Madankollu, jidher illi mit-toroq identifikati fil-lokalità ta’ Burmarrad kien hemm każ wieħed biss ta’ vjolenza domestika, f’dan il-lokal fl-istess perjodu.

Bastimenti marittimi użati mis-CPD – nefqa ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bastimenti marittimi jintużaw mis-Civil Protection Department (CPD) u kemm hi n-nefqa ta’ manutenzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi jintuża bastiment wieħed mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u li n-nefqa għall-manutenzjoni tiegħu din is-sena kienet €14,213.

Armata – bastimenti marittimi rreġistrati – nefqa ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il bastiment marittimu hemm irreġistrat mal-armata u kemm hi n-nefqa ta’ manutenzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 16708, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi l-Forzi Armati ta’ Malta għandha sittax-il bastiment reġistrat magħha u l-informazzjoni mitluba dwar in-nefqa ta’ manutenzjoni qiegħda tiġi mwieġba hawn taħt: Sena Nefqa ta’ Manutenzjoni 2018 €1,039,451 2019 €1,029,034 2020 €506,177

Aħrax u Miżieb – multi ta’ kontravenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-multi ta’ kontravenzjonijiet li jingħataw mill-Green Wardens fl-Aħrax u l-Miżieb għal dawk li jiksru l-liġi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-multi li jistgħu jinħarġu mill-Uffiċjali tal-Komunità fl-Aħrax u l-Miżieb għal dawk li jiksru l-liġi (ambjent) huma ta’ mhux anqas minn €150 u mhux aktar minn €350 għal ksur ta’ liġi f`post pubbliku msemmi f`regolament 12, triq, baħar jew spazju fil-miftuħ li ghalih il-pubbliku għandu aċċess, u dik ta’ mhux anqas minn €2329.37 u mhux aktar minn €5823.43 għal ħwejjeġ mormija, żibel, skart, swill, jew kull oġġett ieħor ta' daqs jew kwantità jew kumulu, li meta jitqies waħdu jikkawża ħaġa li ddejjaq, jew li jista' jwassal għad-deterjorament jew tħassir ta' post pubbliku msemmi f'reg. 12.

Għassa Ħ’Attard – ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ħin tal-ftuħ tal-għassa ta’ Ħ’Attard għax spiss tkun magħluqa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kif kelli ċans nispjega għal iktar minn darba l-vi¿joni tal-Korp tal-Pulizija hi li jkun hemm pre¿enza ikbar ta’ pulizija fit-toroq. Kien għalhekk li fl-aħħar ġimgħat estendejna l-proġett tal-pulizija tal-komunità u fil-baġit għas-sena d-dieħla ħabbarna li se nkomplu nestenduh. Minkejja, dan irrid ngħid li l-għases ewlenin se jibqgħu miftuħa 24 siegħa kuljum u fil-ka¿ tar-residenti ta’ Ħ’Attard hija l-għassa ta’ Birkirkara dik l-għassa ewlenija li tkopri bis-servizzi tagħha ż-żona li jgħixu fiha. Dan iwassal biex l-għassa ta’ Ħ’Attard tkun miftuħa skont l-esiġenzi tas-servizz. Dan barra milli r-ronda minn uffiċjali b’vetturi tal-patrol tkompliet. Mal-għassa ta’ Ħ’Attard ġie installat servizz ta’ ‘intercom’ li hu mqabbad 24/7 mal-Control Room fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, minn fejn kull assistenza tingħata skont kif mitlub jew meħtieġ. Ħafna mir-rapporti jistgħu jsiru wkoll permezz tat-telephone jew mezzi elettroniċi oħra. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed infittxu djalogu mal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard biex nesploraw il-possibbiltà li s-servizz tal-pulizija f’din il-komunità jissaħħah.

Mosta – Ċentru tas-Saħħa – viżti privati

Question

Jista' l-Ministru jelenka sena b'sena mis-sena 2013 sal-lum, kemm kien hemm viżti privati minn tobba miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tabella t’hawn taħt tindika n-numru ta’ viżti li saru fid-djar privati mit-tobba taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta mill-2013 sal-20 t’Ottubru ta’ din is-sena. Sena 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020* Numru ta’ vi ż ti 3,463 4,462 5,552 6,181 8,028 8,070 8,455 3,333* Ninfurmah ukoll illi fl-1 ta’ April ta’ din is-sena, id-Dipartiment tal-Kura tas-Saħħa Primarja nidiet s-servizz tat-Telemedicine 24/7 Client Support Centre, liema servizz huma mmexxi minn tim professjonali u multidixxiplinarju fil-qasam tal-kura primarja, inkluż tobba. L-għan prinċipali ta’ dan iċ-Ċentru hu li jintlaħħqu l-klijenti/pazjenti kollha li jkollhom bżonn ta’ servizz ta’ natura medika u għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jmorru fiċ-Ċentri tas-Saħħa. It-tobba ta’ dan iċ-Ċentru jilħqu l-pazjenti permezz tas-sistema elettronika u ssir telekunsultazzjoni minn fuq it-telefon jew minn fuq l-iscreen ta’ kull mezz elettroniku li jkollu smart technology. Matul dawn is-sitt xhur, li jinkludu ukoll il-bidu tal-pandemija COVID-19, minn dan iċ-Ċentru saru 8,809 konsultazzjoni u pariri bit-telefon lill-lokalitajiet li jaqgħu taħt iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta biex b’hekk ġie evitat li l-pazjenti joħroġu minn djarhom u jitnaqqas t-tixrid tal-mard. Dan is-servizz naqqas ukoll mill-ħtieġa li t-tabib imur jinvista’ lill-pazjenti fid-dar tagħhom.

Mater Dei – operazzjonijiet – waiting lists

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka sena b’sena mill-2013 sal-lum, kemm hemm pazjenti fuq il-waiting list ta’ kull operazzjoni li ssir f’Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Ħ’Attard – Berġa – ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jassigura li l-Berġa ta’ Ħ’Attard tkun miftuħa iktar ġranet, ħinijiet itwal u jagħtu aktar servizzi speċjalment li bħalissa hemm it-taqlib tas-Central Link u jkun ta’ inkonvenjent biex jitilgħu ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2019 il-klinika fil-komunita’ ta’ Ħ’ Attard ġiet rinovata; ġew introdotti servizzi ġodda, filwaqt li ġew estiżi ukoll il-ħinijiet tas-servizzi. Illum din il-klinika toffri is-servizz tat-tabib tal-familja, tal-infermiera, tal-iSpeech Language Pathologist, tal-Fiżjoterapija, tas-Saħħa Mentali u tal-Podjatrija u hija miftuħa l-ġimgħa kollha, mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

Vaċċin tal-Influwenza — nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jipprovdi n-nefqa kollha ta’ kemm sewa l-vaċċin tal-Influwenza għal din is-sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi huwa stmat illi n-nefqa għal 250,000 vaċċin tal-Influwenza se tkun €2,521,400.
Leg 13 PQ #16704 Sitting 377 2020-10-22 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – konsulenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm bħala numru, konsulenti mqabbdin mill-uffiċċju tiegħu, kemm jieħdu bħala rimunerazzjoni u kif ġew maħtura?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.