Legislature:
Category:
Reset
Active:

Industriji li ma għadhomx joperaw f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15761 u 15139 u jgħid kemm, u f'liema setturi, hemm industriji li m'għadhomx joperaw f'Malta mill-2017 sal-lum?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Malta Enterprise jkollha informazzjoni dwar il-kumpaniji li jinvestu jew jirrilokaw lejn Malta.

Ħ’Attard, l-Mosta u l-Imdina – postijiet tal-Gvern mogħtija b’kera

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm ingħataw postijiet tal-Gvern b’kera ġewwa Ħ’Attard, il-Mosta u l-Imdina fis-snin bejn l-2017-2019?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi bejn is-snin 2017 u 2019, l-Awtorità tad-Djar allokat tlett postijiet tal-Gvern bil-kera ġewwa l-Mosta.

Il-Gżira – familji żgumbrati — prijorità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’prijorità se jagħti lis-60 familja li se jiġu żgumbrati mill-Marshall Courts Gżira fiż-żmien li ġej?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi f’Marshall Court fil-Gżira hemm biss żewġ appartamenti li huma mikrija mingħand l-Awtorità tad-Djar stante li huma rekwiżizzjonati. S’issa, l-Awtorità tad-Djar ma ġietx solleċitata mill-inkwilini li jgħixu fil-kirjiet residenzjali privati f’dak il-blokk għal kwalunkwe forma t’assistenza jew intervent, u għaldaqstant l-Awtorità ma tistax tikkummenta fuq kwistjonijiet privati li hi ma ġietx involuta fihom.

Pandemija – għajnuna finanzjarja għal min ma jiflaħx iħallas kera

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16759 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u 16585 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid hux se tingħata għajnuna finanzjarja għal min ma jiflaħx iħallas kera minħabba l-pandemija? Jekk se tingħata, kif se tingħata, u mil-liema xahar sa meta se tingħata u kemm se jkunu l-ammonti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant din ir-risposta ser tinghata f’seduta oħra.

Qabdiet ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm inqabdet droga sena b’sena mill-2013 sal-lum u kemm nies tressqu l-qorti relatati ma’ dawn il-qabdiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ qabdiet ta’ droga reġistrati mit-Taqsima Kontra Droga fi ħdan il Korp tal-Pulizija, li tinkludi wkoll kazi ta’ qabdiet li ġew rreferuti lilha mid-Dipartiment tad-Dwana, għas-snin 2013 sa l-aħħar ta’ Settembru 2020, kien kif jidher fit-tabella li qegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Il-lista tinkludi dettalji dwar it-tip ta’ droga misjuba u l-ammonti maqbuda. L-ammonti ta’ persuni li tressqu l-Qorti mill-istess Taqsima fil-perjodu ndikat kien kif elenkat fit-tabella hawn taħt: Sena Persuni mressqa l-Qorti fuq traffikar Persuni mressqa l-Qorti fuq pussess 2013 104 317 2014 114 355 2015 118 408 2016 108 659 2017 60 634 2018 107 506 2019 164 387 2020 sa Settembru 65 117

Żwiġijiet bir-reġistru fejn wieħed jew waħda mill-koppji jkunu barranin

Question

Jista’ l-Ministru jelenka sena b’sena kemm kien hemm żwiġijiet bir-reġistru mill-2017 ‘l hawn fejn wieħed/waħda mill-koppja jkunu barranin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-informazzjoni li ngħatat lili jirriżulta li żwiġijiet bir-reġistru li saru hawn Malta mill-2017 ‘l hawn kienu dawn: Sena Wieħed mill-koppja kien ta’ nazzjonalità barranija 2017 239 2018 293 2019 288 2020 (sa 27 ta’ Ottubru 2020) 190 Din l-istatistika tapplika għal żwiġijiet li saru Malta biċ-ċivil biss.

Żwiġijiet bir-reġistru fejn wieħed/waħda jew it-tnejn mill-koppji jkunu divorzjati

Question

Jista’ l-Ministru jelenka sena b’sena kemm kien hemm żwiġijiet bir-reġistru mill-2017 ‘l hawn fejn wieħed/waħda jew it-tnejn mill-koppji jkunu divorzjati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-informazzjoni li ngħatat lili, żwiġijiet bir-reġistru mill-2017 ‘l hawn fejn xi ħadd mill-koppja jkun divorzjat jew iż-żewġ partijiet ikunu divorzjati kienu kif ġej: Sena Xi ħadd mill-koppja divorzjat / iż-żewġ partijiet ikunu divorzjati 2017 113 2018 193 2019 296 2020 (sa 27 ta’ Ottubru 2020) 174 Din l-istatistika tapplika biss għal żwiġijiet ċivili li saru Malta.

Industrija tas-Servizzi Finanzjarji – ħaddiema barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema barranin f’industrija tas-servizzi finanzjarji inkluż l-i-gaming?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-aħħar informazzjoni ppubblikata għall-aħħar ta’ Jannar 2020 kien hemm 8,788 ħaddiema barranin f’attivitajiet marbuta mas-servizzi finanzjarji inkluzi l-i-gaming.

Ċimiterju tal-Addolorata — oqbra

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm oqbra fiċ-Ċimiterju Addolorata? Kemm minnhom huma battala u jekk hemmx xi ħsieb li jiġu użati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata preżentement hemm madwar sittax-il elf (ċirca 16,000) qabar li minnhom elf u mitejn (1,200) qabar huma tal-komun u amministrati mill-Awtorita` tas-Saħħa. Il-kumplament tal-oqbra huma kollha tal-privat u allura huma amministrati mis-sidien tal-oqbra nfushom. Mill-oqbra li huma proprjetà tal-gvern ma hemmx oqbra vojta. Bħalissa qed issir estenzjoni ta’ dan iċ-Ċimiterju li fih qed jinbnew 2880 qabar ġdid. Dawn hemm minnhom li diġa saru konvenji ma’ persuni li kienu applikaw għal sit ta’ qabar, u oħrajn li l-pubbliku għadu jista’ japplika għal sit ta’ qabar u jintbgħat għalihom sabiex ikun jista’ jsir konvenju.

Ċimiterji tal-Mosta, Ħ’Attard u Burmarrad – oqbra

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm oqbra fiċ-Ċimiterji tal-Mosta, Ħ’Attard u Burmarrad u kemm hemm vojta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fiċ-Ċimiterju tal-Mosta hemm 761 qabar privat u 40 qabar li huma tal-komun filwaqt li fiċ-Ċimiterju tal-Ħniena Divina ġewwa Burmarrad, għall-parti taċ-Ċimiterju li tappartjeni l-Gvern hemm 288 qabar privat u 43 qabar tal-komun. L-oqbra tal-komun jintużaw sabiex jindifnu nies li m’għandhomx qabar privat. Mill-oqbra li huma propjeta’ tal-gvern ma hemmx oqbra vojta. Iċ-Ċimiterju ta’ Ħ’Attard huwa ċimiterju tal-Knisja u għaldaqstant hu amministrat mill-Parroċċa tal-lokal għan-nom tal-Kurja.

IVF – waiting list

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm koppji fuq waiting list jistennew li ssirilhom l-IVF mill-2017 sal-lum? Kemm saru interventi fl-istess żmien u kemm kienu ta’ suċċess?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 164 persuna/koppja li qed tistenna biex issirilha/issirilhom l-intervent tal-IVF ġewwa l-IVF Clinic f’ Mater Dei. Skont ir-reġistri tal-Awtorita’ għall-Protezzjoni tal-Embrijun mill-2015 (minn meta bdiet topera l-klinika tal-IVF) sal-24 ta’ Ottubru ta’ din is-sena saru 1053 ċiklu tal-IVF f’Mater Dei. Minn dawn il-1053 ċikli s’issa twieldu 203 tarbija (113 bniet u 90 subien) filwaqt li 9 koppji oħra qed jistennew li jwelldu tarbija.

Sptar Mater Dei – ċittadini ta’ pajjiżi terzi rikoverati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm jew kien hemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi rikoverati fl-Isptar Mater Dei u jekk ħallsux għal dan, bejn l-2017-2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2017 kien hemm 7,523 ċittadini ta’ pajjiżi terzi rikoverati fl-Isptar Mater Dei, fl-2018 8,797 filwaqt li fl-2019 kien hemm 12,761. Kull persuna barranija tiġi mitluba tħallas il-kont għat-trattament li ħadet ġewwa l-isptar Mater dei, ġaladarba hija ma tkunx tikkwalifika għat-trattament b’xejn skont l-Avviż Legali 201/2004.

Sptar Mater Dei – ċittadini mill-UE rikoverati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm jew kien hemm ċittadini minn pajjiżi tal-UE rikoverati fl-Isptar Mater Dei bejn is-snin 2017-2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2017 kien hemm 8,853 ċittadini minn pajjiżi tal-UE rikoverati fl-Isptar Mater Dei, fl-2018 10,986 filwaqt li fl-2019 kien hemm 12,861.

Persuni li jibbenefikaw minn mediċini fuq il-kartuna r-roża

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16583 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm li jibbenefikaw minn mediċini fuq il-kartuna r-roża?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ammont ta` Karti Roża li ġew imġedda mill-bidu tas-sena 2020 sal-ġurnata li qed tkun imwieġba din l-interpellanza, u li allura huma validi sabiex persuna tibbenefika minn medicini b’xejn jammonta għal 15,429.

Mediċina kontra l-kanċer

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn mediċinali li jafu jtawlu l-ħajja għall-pazjenti tal-kanċer bħal Daratumumab (multiple myeloma), Venetoclax (chronic lymphocytic leukemia, small lymphocytic lymphoma and acute myeloid leukemia), Ruxolitinib (high-risk myelofibrosis), Rivaroxaban/Apixaban (anti-coagulant) u Polatuzumab (B-cell lymphoma) mhumiex jingħataw mill-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Gvern ilu sa mill-2013 jaħdem biex mediċini ġodda jiġu introdotti fil-formularju tal-gvern, wara nuqqas ta’ ħafna snin milli jiġu introdotti mediċini ġodda minn-gvern nazzjonalista. Wara assessment li kien sar mal-imsieħba relevanti kienu ġew identifikati numru ta’ mediċini. Wara li beda’ l-proċess u ġew identifikati fondi apposta, bdew deħlin ftit ftit fil-formularju tal-gvern. S’issa mill-2013 sal lum daħlu 13-il mediċina ġodda għal diversi tipi ta kanċer differenti. B’investiment qawwi u kontinwu qed jitkompla l-proċess biex jiddaħlu iżjed mediċini b’xejn. Ninfurmah ukoll illi d-Daratumumab, Venetoclax, Ruxolitinib u Rivaroxaban / Apixaban qed jiġu kkunsidrati u qegħdin f’fażijiet differenti tal-proċess għall-introduzzjoni ta’ dawn il-mediċini fil-formularju tal-gvern.

Malta Community Chest Fund — fondi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fuq liema bażi jingħataw fondi għall-kura mill-Malta Community Chest Fund (MCCF) u mhux mill-gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Community Chest Fund (MCCF) ma tagħmilx parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa.