Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — ħaddiema b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fil-Ministeru, jew entità li taqa’ taħtu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jzommux informazzjoni tal-ipjegati tagħhom skont jekk għandhomx
diżabilità.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — ħaddiema b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fil-Ministeru, jew entità li taqa’ taħtu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li dan il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jzommux informazzjoni tal-impjegati tagħhom skont jekk għandhomx dizabilità.
Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — ħaddiema b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fil-Ministeru, jew entità li taqa’ taħtu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jżommux informazzjoni tal-impjegati tagħhom skont jekk għandhomx diżabilità.
Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika: Rapport dwar il-Qasam tas-Saħħa Mentali
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-qasam tas-saħħa mentali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika aktar dettalji dwar ir-rapport li qed jirreferi għalih, sabiex l-NSO ikun jista’ jistabbilixxi min hu s-sid tat-tali rapport. Il-probabbiltà hija li rapport bħal dan ikun proprjetà tal-Ministeru għas-Saħħa, jew tad-Department of Health Information and Research fi ħdan dan il-ministeru, jew inkella xi entità oħra. Għaldaqstant rikjesti dwar id-disponibbiltà tar-rapport għandhom ikunu indirizzati lil dawn l-entitajiet.
Tista’ l-Ministru tindika l-pjan tal-Gvern dwar il-problema tal-illitteriżmu fit-tfal Maltin? Kemm kien in-numru ta’ tfal li ħarġu mill-iskola illitterati f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jimxi fuq l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex li bdiet tiġi implimentata fl-2014.
Fejn jidħol il-livell ta' illitteriżmu, skont l-aħħar rapport tal-PISA (2018), il-persentaġġ ta' studenti li laħqu l-aktar livell baxx, dak ta' 1ċ, kien ta' 4.8%.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 11140, jista’ l-Ministru jgħid x’sentenzi ingħataw lil dawk l-1283 ġenitur li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola mingħajr raġuni valida?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel it-tweġiba lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm każijiet ta’ separazzjonijiet li seħħew fis-sena 2019 u s-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta kien hemm 1182 każ ta’ separazzjoni personali li seħħew fis-sena 2019 filwaqt li 1143 każ ta’ separazzjoni li seħħew fis-sena 2020.
Fil-Qorti ta’ Għawdex kien hemm 69 każ ta’ separazzjoni personali li seħħew fis-sena 2019 filwaqt li 58 każ ta’ separazzjoni li seħħew fis-sena 2020.
Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm tfal li ġew fostered sena b’sena bejn l-2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? X’etajiet kellhom it-tfal li ġew fostered?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — ħaddiema b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fil-Ministeru, jew entità li taqa’ taħtu?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. interpellant li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jżommux informazzjoni tal-impjegati tagħhom skont jekk għandhomx diżabilità
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17827 u jgħid kemm hemm persuni li jieħdu s-sussidju tal-kera?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi sal-aħħar ta’ Frar 2021, il-persuni li qed jieħdu s-sussidju tal-kera huwa kif jidher hawn taħt:-
Skema RSS
251
Skema PRS
429
Skeam HBS
2,237
Ta’ min isemmi li fl-2019 l-Awtorità tad-Djar varat skema ġdida fejn il-benefiċċju tal-kera ġie miżjud biex jirrifletti ż-żieda fil-kera. Minn massimu ta’ benefiċċju ta’ €2,000 taħt l-iskema tal-2017, taħt l-iskema l-ġdida l-massimu issa jlaħħaq għal €5,000.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17919 u 15731 u 17581 u ċjoè: Skont dak li ġie rappurtat f’paġna 7 tar-Rapport Annwali tal-Awtorità tad-Djar 2019, fejn inqatgħu ftit inqas minn 500 applikant mil-lista ta’ stennija għall-post ta’ housing, jista’ l-Ministru jgħid mil-liema kategorija ġejjin dawn l-applikanti, kategorija b’kategorija? Fuq liema kriterju tnaqqsu dawn l-applikanti? Dawn ma kellhomx bżonn alternattiv?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2019 kien hemm 105 applikant li ngħataw akkomodazzjoni soċjali. Applikanti oħra ma baqgħux fuq il-waiting list minħabba li l-qagħda finanzjarja tagħhom tjiebet u għalhekk sabu akkomodazzjoni alternattiva jew m’għadhomx eleġibbli għall-akkomodazzjoni soċjali.
Kien hemm ukoll applikanti li m’għadhomx interessati għaliex bdew jibbenefikaw mill-benefiċċju tal-kera ogħla li ġie mniedi proprju fl-2019 u applikanti li l-applikazzjoni tagħhom m’għadhiex aktar konformi mal-kundizzjonijiet u kriterji ta’ akkomodazzjoni alternattiva.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — safar, fuel u hospitality - nefqa
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17915, 15755, 16332 u 12264 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12089, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality f'kull Dipartiment, uffiċċju, Awtorità u entitajiet oħra kwalunkwe li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq l-Mejda tal-Kamra.Dan it-tagħrif huwa kemm kienet in-nefqa għas-safar, fuel u hospitality fid- Dipartimenti, uffiċċji u entitajiet oħra kwalunkwe fid-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Kumpaniji tal-farmaċewtika ġodda li għandhom liċenzja biex joperaw minn Malta
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18054 u jgħid kemm-il kumpanija ġdida tal-farmaċewtika għandha l-liċenzja biex topera minn Malta mill-2017 sal-lum?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-Att dwar il-Mediċini, mill-2017 l-Awtorità tal-Liċenzji ħarġet 8 Awtorizzazzjonijiet ta’ Manifattura u Importazzjoni ġodda għal kumpaniji farmaċewtiċi
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18063 u jgħid kemm huwa n-numru ta' housing estates f'Malta u Għawdex u f'liema sena nbena kull estate? Kemm huwa n-numru ta' units f'kull housing estate? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-units huma b' kera u kemm huma proprjetà tas-sidien li jgħixu fihom, maqsuma housing estate b'housing estate
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, grazzi għall-ħidma ta’ Gvernijiet Laburisti, fil-pajjiż hawn 1167 blokka tal-Gvern. Għall-bqija tat-talba eżawrenti tiegħu, nitolbu jkun iżjed speċifiku.
Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, Imtarfa u Imġarr – parkeġġ għall-persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18304 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx pjan li jiżdied il-parkeġġ għall-persuni b’diżabilità ġewwa r-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, l-Imtarfa u l-Imġarr?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onoevoli Interpellant li Transport Malta tipproċessa applikazzjonijet għal parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabilita’ li jaslu għandha mingħand individwi jew mingħand il-Kunsilli Lokali.
Ninsab infurmat li qabel ma timplimenta l-applikazzjoni, Transport Malta tikkoordina l-applikazzjoni mal-Kunsilli Lokali u mal-Kummissjoni għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilita’.
Proġett “Knowledge, Training, Communications and Support Measures in Support of Vulnerable Groups.”
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi kopja tar-riċerka għall-proġett bl-isem “Knowledge, Training, Communications and Support Measures in Support of isem Vulnerable Groups.” dwar persuni b’diżabilita u l-impjieg li ġie ffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew?. Tista’ l-Ministru tgħid jekk dan il-proġett għadux għaddej jew jekk intemmx?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett illi rrefera għalih għadu mħux konkluż u għaldaqstant ma nistax inqiegħed kopja tar-riċerka fuq il-Mejda tal-Kamra għalissa.
Proġett “Knowledge, Training, Communications and Support Measures in Support of Vulnerable Groups.”
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tar-riċerka għall-proġett bl-isem “Knowledge, Training, Communications and Support Measures in Support of Vulnerable Groups dwar persuni b’diżabilita u l-impjieg li ġie ffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett għadux għaddej jew jekk intemmx?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kopja tar-riċerka dwar is-sitwazzjoni kurrenti ta’ persuni b’diżabilita’ u x-xogħol f’Malta, li ġie kkummissjonat minn dan il-Ministeru, qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra (referenza għar-rapport li jġib l-isem ‘Research into the Current Situation of People with Disabilities and Employment in Malta’).
Tajjeb li wieħed jirrimarka li ir-rapport maħruġ mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ ġie ikkofinanzjat minn fondi Ewropej, mill-proġett msemmi mill-Onor. Interpellant.
Il-proġett ‘Knowledge, Training, Communications and Support Measures in Support of Vulnerable Groups’, immexxi mill-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, huwa proġett vast, li jikkonsisti f’diversi komponenti. Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-komponenti ġew implimentati u fi tmiemhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom 100 sena jew aktar?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont stimi tal-popolazzjoni li jirreferu għall-31 ta’ Diċembru 2019, in-numru ta’ persuni residenti f’Malta li kellhom 100 sena jew aktar kien ta’ 97. Din hija l-aktar informazzjoni reċenti li għandu disponibbli l-NSO.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm inkwlini fil-kirjiet ta’ qabel l-1995?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi skont l-aħħar tagħrif ippubblikat mill-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jirriżulta li hawn 9,700 proprjetà f’kirja protetta.