Legislature:
Category:
Reset
Active:

Taħriġ għal tfal b’diżabilità – postijiet alternattivi u ħinijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jistax ikunu provduti postijiet alternattivi u ħinijiet ta’ taħriġ għal tfal b’diżabilità bħalma jeżisti għal kull sport ieħor biex b’hekk il-ġenituri li jkunu jridu jakkumpanjawhom ikollhom lok għal għażla u li jkun konvenjenti għalihom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar.

Tfal b’diżabilità li ma jistgħux jiktbu — laptop

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk tfal b’diżabilità li ma jistgħux jiktbu imma jistgħu jikkomunikaw b’mod ieħor, hux qed jingħataw laptop biex jgħinhom f’dan ir-rigward? Jekk le, għalfejn dawn it-tfal m’għandhomx jingħataw dak kollu possibbli bħal laptops u apparat ieħor biex ilaħħqu ma’ tfal oħrajn li huma tal-istess livell u età tagħhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport, permezz ta’ professjonisti fi ħdan id-dipartiment ACTU, toffri assessjar ta’ tfal b’diffikultà ta’ komunikazzjoni kif ukoll rakkomandazzjonijiet u gwida dwar apparat teknoloġiku assistiv. Wieħed jista’ japplika għal sussidju fuq laptops / tablets permezz tal-iskemi Empowerment Scheme u dik tas-Sussidju fuq Apparat Speċjalizzat, dejjem fuq ir-rakkomandazzjonijiet tat-terapisti fi ħdan l-ACTU. Permezz ta’ dan l-assessjar minn Aġenzija Sapport wieħed jista’ wkoll jaċċessa għajnuna ta’ entitajiet oħra f’dan ir-rigward.

Skejjel tal-Istat – frames

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux possibli li l-iskejjel tal-Istat ikollhom numru ta’ frames li jistgħu jintużaw mill-iskejjel skont il-bżonn, biex b’hekk it-tifel jew tifla tħalli l-frame personali tagħha d-dar, titla’ t-trasport ma’ tfal oħra u mbagħad issib il-frame tal-iskola meta tasal ? B’hekk dawn it-tfal ikunu jistgħu jkomplu ma’ tfal oħra mingħajr ma jkollhom bżonn ta’ trasport speċjalizzat.

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat

Persuni b’diżabilità fiżika – edukazzjoni post sekondarju u terzjarju

Question

Peress li persuni b’diżabiltà fiżika jista’ jkollhom abbilitajiet intelletwali ta’ livell għoli u allura l-edukazzjoni tagħhom tibqa’ anki sejra f’livelli post sekondarji u terzjarji, tista’ l-Ministru tgħid x’qed jiġri f’dawn il-livelli? Tista’ l-Ministru tgħid jekk ikunx hemm nies bħal Learning Support Educators li jgħinu lil dawn il-persuni f’dawn il-livelli ukoll?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat

Ġenituri bi tfal b’diżabilità – provisions għal ġenituri biex jieħdu t-tfal għall-appuntamenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx provisions għal dawk il-ġenituri li għandhom tfal b’diżabbiltà biex ikunu jistgħu jattendu sessjonijiet ta’ fiżjoterapija, speech therapy u appuntamenti l-isptar mat-tfal waqt il-ħin tax-xogħol minflok jużaw il-Vacation Leave?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qatt ma eżistiet xi forma ta' proviżjoni ġenerali fis-sens li qiegħed jistaqsi hu. Prattiċi ta' xogħol flessibbli (flexi-hours) ġeneralment ikunu provduti fil-kuntratt tax-xogħol u/jew fil-ftehim kollettiv (skont il-każ) bejn il-ħaddiema u min iħaddem. Dawn, flimkien mal-liġijiet viġenti jirregolaw ir-relazzjonijiet industrijali. Tajjeb ukoll illi wieħed ikun jaf illi meta ġenitur iħossu li ħa jiġi jew ġie ddiskriminat minħabba fid-diżabilità ta' xi wild, għandu jirrikorri għand il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità sabiex tinvestiga l-każ.

Flus miġbura minn persuni li nqabdu jużaw il-mobile waqt li kienu qed isuqu

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm inġabru flus is-sena l-oħra mingħand dawk il-persuni li nqabdu jużaw il-mobile phone tagħhom waqt li kienu qegħdin isuqu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Matul is-sena 2021, tħallsu 9,599 kontravenzjoni marbuta mal-użu ta’ mobile phone waqt is-sewqan. It-total tal-valur imħallas jammonta għal €971,781.52

Amministrazzjoni tal-Qorti – Infiq ta’ flus fl-akkomodazzjoni ta’ Membri tal-Ġudikatura

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija numru 24449 tat-13-il Leġiżlatura u jgħid kemm intefqu flus mill-amministrazzjoni tal-Qorti kemm f'Malta kif ukoll f’Għawdex, sena b'sena, f’akkomodazzjoni f'lukandi ta' Membri tal-Ġudikatura meta jkunu qed jaqdu dmirhom f'xi gżira partikolari mis-sena 2010 sas-sena 2021?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella dwar kemm intefqu flus fuq akkomodazzjoni meta Membri tal-Ġudikatura jkunu qed jaqdu dmirhom f'xi gżira partikolari, primarjament ġewwa Għawdex, mis-sena 2010 sas-sena 2021. SenaAmmont 2010€1,268.6 2011€1,251.7 2012€5,165.9 2013€5,747.8 2014€2,343.1 2015€3,847.2 2016€4,257.3 2017€4,183.6 2018€2,841.6 2019€4,025.6 2020€5,200.2 2021€6,144.7

Mosta – Triq il-Kbira — tħaffir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn ta l-ordni u għaliex reġa’ sar it-tħaffir mill-ġdid, biex jerġa’ jaqla’ xogħol li kien diġà sar fi Triq il-Kbira, Mosta għad-detriment tar-residenti u negozji, l-aktar għar-residenti ta’ djar antiki?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq Il-Kbira li testendi kilometru minn Ta’ Qali sal-pjazza tal-Mosta. L-ewwel nofs tal-bini mill-ġdid ta’ din it-triq tlesta f’Marzu 2021 u x-xogħlijiet fit-tieni nofs bdew immedjatament wara. Minħabba li kien ilha għexieren ta’ snin ma tinbena mill-ġdid, it-triq kellha ħsarat estensivi fil-wiċċ tagħha u l-bankini, filwaqt li kellhom jinbidlu s-sistemi tas-servizzi taħt l-art, inkluż il-katusi tad-drenaġġ u l-pajpijiet tal-ilma. Fil-fatt, Infrastructure Malta poġġiet aktar minn erba’ kilometri ta’ sistemi ġodda taħt l-art, u għad-drenaġġ kellhom jitħaffru trinek żewġ sulari fond taħt il-wiċċ tat-triq. L-aġenzija introduċiet ukoll sistema estensiva ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita li għaliha wkoll ġew mgħoddijin katusi kbar taħt l-art. Peress li din it-triq hija dejqa, dawn is-servizzi ġodda kollha taħt l-art kellhom jiġu installati b’mod delikat ħdejn jew fuq xulxin, mingħajr ma jfixklu s-sistemi l-qodma li baqgħu jintużaw biex jagħtu servizz lill-binjiet taż-żona, sakemm is-sistemi ġodda tpoġġew f’posthom. Ix-xogħlijiet kollha oriġinarjament ippjanati minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq kienu skedati li jkunu lesti sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Fil-fatt, l-aġenzija diġà lestiet ix-xogħlijiet kollha tagħha ħlief għat-tqegħid finali tal-asfalt fl-aħħar parti tat-triq. Madankollu, fl-aħħar xhur, hekk kif ix-xogħlijiet kienu waslu biex jitlestew, il-Kunsill Lokali tal-Mosta ordna diversi xogħlijiet addizzjonali f’din l-aħħar parti tat-triq, l-eqreb tal-pjazza. Dawn jinkludu culverts taħt il-bankini biex il-wires li hemm mal-faċċati tad-djar jitniżżlu taħt l-art, kif ukoll pavimentar bil-ġebla tal-qawwi għall-bankini l-ġodda. Infrastructure Malta se tlesti l-bini mill-ġdid tat-triq bl-aħħar xogħlijiet tal-asfalt hekk kif ix-xogħlijiet addizzjonali ordnati mill-Kunsill Lokali jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sajf. Ix-xogħlijiet tal-asfalt kellhom jiġu posposti biex il-wiċċ il-ġdid tat-triq ma ssirlux ħsara bix-xogħlijiet li ġew miżjudin.

Mosta – Triq il-Kbira – studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju għall-proġett ta’ Triq il-Kbira fil-Mosta u jekk hux vijabbli li jniżżlu l-cables tad-dawl taħt il-bankini, liema bankini jinsabu fuq blat iebes? Jista’ l-Ministru jispjega dan il-proċess?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninformat lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 497, peress li x-xogħol indikat ġie ppjanat mill-Kunsill Lokali, din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Mosta – Triq il-Kbira – kumpens għad-danni għar-residenti u negozji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex se jikkunsidra li joffri kumpens għad-danni lir-residenti u n-negozji li hemm fi Triq il-Kbira ġewwa l-Mosta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq Il-Kbira li testendi kilometru minn Ta’ Qali sal-pjazza tal-Mosta. L-ewwel nofs tal-bini mill-ġdid ta’ din it-triq tlesta f’Marzu 2021 u x-xogħlijiet fit-tieni nofs bdew immedjatament wara. Minħabba li kien ilha għexieren ta’ snin ma tinbena mill-ġdid, it-triq kellha ħsarat estensivi fil-wiċċ tagħha u l-bankini, filwaqt li kellhom jinbidlu s-sistemi tas-servizzi taħt l-art, inkluż il-katusi tad-drenaġġ u l-pajpijiet tal-ilma. Fil-fatt, Infrastructure Malta poġġiet aktar minn erba’ kilometri ta’ sistemi ġodda taħt l-art, u għad-drenaġġ kellhom jitħaffru trinek żewġ sulari fond taħt il-wiċċ tat-triq. L-aġenzija introduċiet ukoll sistema estensiva ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita li għaliha wkoll ġew mgħoddijin katusi kbar taħt l-art. Peress li din it-triq hija dejqa, dawn is-servizzi ġodda kollha taħt l-art kellhom jiġu installati b’mod delikat ħdejn jew fuq xulxin, mingħajr ma jfixklu s-sistemi l-qodma li baqgħu jintużaw biex jagħtu servizz lill-binjiet taż-żona sakemm is-sistemi ġodda tpoġġew f’posthom. Ir-residenti u n-negozji ta’ din it-triq ser igawdu infrastruttura aħjar għal ħafna snin li ġejjin, kif ukoll titjib fil-proviżjoni tas-servizzi li jservu l-istess triq, u li l-pajpijiet u cables tad-distribuzzjoni tagħhom qed jinbidlu u jissaħħu permezz ta’ dan il-proġett. Ix-xogħlijiet kollha oriġinarjament ippjanati minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq kienu skedati li jkunu lesti sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Fil-fatt, l-aġenzija diġà lestiet ix-xogħlijiet kollha tagħha ħlief għat-tqegħid finali tal-asfalt fl-aħħar parti tat-triq. Madankollu, fl-aħħar xhur, hekk kif ix-xogħlijiet kienu waslu biex jitlestew, il-Kunsill Lokali tal-Mosta ordna diversi xogħlijiet addizzjonali f’din l-aħħar parti tat-triq, l-eqreb tal-pjazza. Dawn jinkludu culverts taħt il-bankini biex il-wires li hemm mal-faċċati tad-djar jitniżżlu taħt l-art, kif ukoll pavimentar bil-ġebla tal-qawwi għall-bankini l-ġodda. Permezz ta’ dan ix-xogħol addizzjonali, it-triq ser tkompli tieħu dehra aħjar, b’ambjent isbaħ għal dawk kollha li jgħixu fiha jew jivvjaġġaw minnha b’mezzi differenti. Infrastructure Malta se tlesti l-bini mill-ġdid tat-triq bl-aħħar xogħlijiet tal-asfalt hekk kif ix-xogħlijiet addizzjonali ordnati mill-Kunsill Lokali jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sajf. Ix-xogħlijiet tal-asfalt kellhom jiġu posposti biex il-wiċċ il-ġdid tat-triq ma ssirlux ħsara bix-xogħlijiet li ġew miżjudin. Ikun apprezzat jekk jiġi ċċarat x’inhuma eżattament id-danni li qed issir referenza għalihom.

Mosta – Triq il-Kbira — ilma

Question

Jista’ l-Ministru jispjega d-deċiżjoni li jgħaddu l-ilma minn Triq il-Kbira għall-pjazza, meta jeżisti Wied fl-inħawi? Jista’ jgħid għaliex ser jitwalu l-mili tat-toroq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita fit-triq indikata se tingħaqad ma’ sistema oħra li se ssir bħala parti minn proġett separat fi Triq il-Kostituzzjoni biex l-ilma jitwassal fil-wied viċin. Fil-fatt, is-sistema ġiet iddisinjata mill-iStorm Water Unit tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi bħala parti mis-sistema sħiħa tal-inħawi.

Mental health screening fl-iskejjel

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28027 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm każijiet fejn għalliema kkonsultaw ma’ ġenituri ta’ tfal li jaħsbu li għandhom bżonn l-għajnuna tat-tabib minħabba problemi ta’ saħħa mentali f’dawn l-aħħar sentejn u sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ser tkun qed tingħata f’seduta oħra.

Għajnuna lill-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inizjattivi saru f’dawn l-aħħar tliet snin u sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija sabiex l-anzjani joħorġu l-potenzjal tagħhom għall-benessere fiżiku, soċjali u mentali tagħhom?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjonanti fis-suq tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ pensjonanti fis-suq tax-xogħol mill-2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? X’qiegħed isir sabiex aktar pensjonanti jibqgħu fis-suq tax-xogħol?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus hawn taħt issib tabella li turi n-numru ta’ persuni minn 63 sena ’l fuq li kienu għadhom jaħdmu mill-2018 sal-2021. Il-Jobsplus ma jkollhiex informazzjoni dwar jekk persuni hux qed jirċievu l-pensjoni jew le. Sa l-aħħar ta’ Diċembru Sena 2018 2019 2020 2021 Total ta’ persuni min 63 sena ’l fuq li jaħdmu. 12,364 13,864 14,399 15,722 Mis-sena 2014 'il quddiem, is-suq Malti ra żieda ta’ aktar pensjonanti li baqgħu fis-suq tax-xogħol, li wassal għal żieda essenzjali fir-rata ta’ xogħol nazzjonali. Il-Gvern Malti jirrikonoxxi l-bżonn li l-pensjonati jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol u kien għalhekk li impjegati kemm fis-settur privat u dak pubbliku illum għandhom id-dritt li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu minflok jirtiraw bil-pensjoni u b’hekk tiżdidilhom ir-rata tal-pensjoni tagħhom skont kemm idumu fl-impjieg qabel jirtiraw. Il-Gvern Malti jemmen li għad hemm il-bżonn li ninvestu fil-pensjonanti tagħna. Jobsplus toffri sapport kontinwu permezz ta’ servizzi ta’ gwida u korsijiet lil kull individwu li jixtieq jidħol fis-suq tax-xogħol jew ikompli bil-karriera tiegħu wara l-irtirar. Fil-Politika Nazzjonali għax-Xogħol 2021-2030, il-Gvern Malti ppropona wkoll li jitfasslu programmi ta’ mentoring minn persuni rtirati għal persuni vulnerabbli. Il-Gvern jemmen li l-pensjonanti għandhom potenzjal kbir, f’termini ta’ ħiliet u għarfien, li jista’ jgħin persuni vulnerabbli u qiegħda biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Apparti minn hekk, il-Gvern ser ikompli joffri inċentivi fiskali lil dawk il-pensjonanti li jibqgħu attivi fis-suq lokali wara l-irtirar. F’dan ir-rigward, il-Politika Nazzjonali għax-Xogħol 2021-2030 qed tipproponi li l-qligħ tal-pensjonanti, jiġifieri l-pensjoni u l-qligħ derivat mix-xogħol ma jkunux amalgamati għal skop ta’ taxxa.

Ftehim mal-Kummissarju tat-Taxxa dwar ħlas ta’ bolol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni, legali u fiżiċi, li daħlu fi ftehim mal-Kummissarju tat-Taxxa sabiex iħallsu l-ammonti dovuti bħala bolla fuq perjodu ta' żmien, sena b'sena mill-2010 ’l hawn?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numri ta’ ftehim dwar ħlas ta’ ammonti dovuti bħala bolla, li jinkludu wkoll taxxa ta’ l-impjegati miġbura mill-‘employers’, sena b’sena, huwa kif ġej: 2010 216 2011 223 2012 606 2013 767 2014 707 2015 937 2016 881 2017 1277 2018 1411 2019 1192 2020 1283 2021 929 2022 sa 19/05/2022 371

Ftehim mal-Kummissarju tat-Taxxa dwar ħlas ta’ VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni, legali u fiżiċi, li daħlu fi ftehim mal-Kummissarju tat-Taxxa sabiex iħallsu l-ammonti dovuti bħala VAT fuq perjodu ta' żmien, sena b'sena mill-2010 ’l hawn?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numri ta’ ftehim dwar ħlas ta’ ammonti dovuti bħala VAT, sena b’sena, huwa kif ġej: 2010 82 2011 98 2012 45 2013 57 2014 6 2015 36 2016 48 2017 83 2018 88 2019 85 2020 131 2021 150 2022 sa 18/05/22 64

Ftehim mal-Kummissarju tat-Taxxa dwar ħlas ta’ taxxa tad-dħul

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni, legali u fiżiċi, li daħlu fi ftehim mal-Kummissarju tat-Taxxa sabiex iħallsu l-ammonti dovuti bħala taxxa tad-dħul fuq perjodu ta' żmien, sena b'sena mill-2010 ’l hawn?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numri ta’ ftehim dwar ħlas ta’ ammonti dovuti bħala taxxa tad-dħul, sena b’sena, huwa kif ġej: 2010 485 2011 253 2012 349 2013 459 2014 929 2015 791 2016 952 2017 879 2018 994 2019 895 2020 562 2021 546 2022 sa 19/05/22 299