Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna qiegħda f’xi skema mħaddma mill-Fondazzjoni tal-General Workers’ Union u li kienu jirreġistraw għax-xogħol qabel ma ttieħdu mill-Fondazzjoni? F’liema impjiegi qegħdin jitpoġġew, ma’ liema awtorità, dipartiment, aġenzija jew kumpanija huma qegħdin jintbagħtu jaħdmu? X’inhi t-take home pay tagħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 367.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux time-frame dwar meta se jsir it-tarmak fi Triq il-Lunzjata, il-Mosta, liema triq qabel l-elezzjoni ġiet mibruxa u li l-ġirien ġew mgħarrfa minn awtoritajiet konċernati li din se tingħata t-tarmak mill-aktar fis?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Mosta hija waħda mil-lokalitajiet fejn l-aktar li saru toroq ġodda minn Infrastructure Malta minħabba t-telqa u s-snin twal ta’ nuqqas t’investiment li kien hemm f’din il-lokalità fil-passat. Fil-Mosta diġà saru xogħlijiet fi Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (zokrija), Triq il-Garrier, Triq Gio C. Dei Marchesi Mallia Tabone, Triq il-Leġġenda, Triq il-Bennej, Triq in-Naqqax, Triq l-Għollieqa, Triq Alessandra, Triq l-Assemblea Nazzjonali, Triq l-Inkurunazzjoni, Triq Bergamott, Triq Parjan, Triq il-Bonnijiet, Triq Farinal, Triq Durumblat, Triq Rumani, Triq Fuħħar, Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier, Triq tal-Wej, Triq Madre Tereza, Triq Dun Karm Schembri, Triq Rafel Caruana Dingli, Triq il-Fortizza, Triq il-Fortizza tal-Mosta, Triq Wied is-Sir, Triq il-Kostituzzjoni, Vjal Milbrae, Triq il-Bidnija u Triq Burmarrad.
Bħalissa qegħdin isiru Triq id-Difiza Ċivili, Triq ir-Rebbiegħa, Triq il-Lunzjata, Triq il-Kbira u Triq Patri Ġuze Delia.
Nixtieq niċċara li mhuwiex minnu li x-xogħlijiet fi Triq il-Lunzjata bdew qabel l-elezzjoni. Fil-fatt ix-xogħlijiet f’din it-triq bdew madwar xahar wara, lejn l-aħħar t’April, u t-tqaxxir tal-wiċċ l-antik tat-triq beda f’Mejju. Ix-xogħlijiet minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq kienu jinkludu bdil ta’ servizzi tad-drenaġġ, ilma, telekomunikazzjoni u bini ta’ bankini ġodda. Bħalissa qed jissaħħu l-pedamenti qabel ma t-triq isirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt u ser titlesta sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 728, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) ġiex rivedut b’mod speċjali dwar issues fuq l-għoli tal-bini f’kull triq fil-gżejjer Maltin?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u Żvilupp (SPED) qiegħed fi proċess ta’ reviżjoni billi qegħdin jiġu konklużi l-ewwel studji neċessarji min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-ewwel fażi tal-proċess ta’ reviżjoni.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 733, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm residenti permanenti fl-Isptar Mount Carmel?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ebda pazjent li qiegħed għall-kura fl-isptar Monte Carmeli ma jitqies bħala ‘resident permanenti’.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fl-Awtorità tad-Djar li daħlu mill-2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda u kemm minnhom ingħataw post ġdid jew post alternattiv?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu l-1,700 post li ilhom jissemmew mill-Gvern għal dawn l-aħħar snin?
Response (GALDES, RODERICK)
L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat illi huwa grazzi għal dan il-Gvern li f’pajjiżna se jkun hawn 1,700 post ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali għax gvernijiet preċedenti mhux talli ma ħadux ħsieb li jsostnu l-istokk ta’ binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali imma neħħew għalkollox il-Ministeru li kien jieħu ħsieb dan il-qasam tant importanti.
Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll illi binja fis-Swatar diġà ġiet inawgurata u diversi binjiet oħra waslu fl-istadju tal-finishing fejn tali binjiet se jkunu qed jaraw mijiet ta’ familji deħlin f’postijiet ġodda. Dan wara li għall-ewwel darba għandna sistema ġdida ta’ allokazzjoni ta’ kif u meta se jsiru l-allokazzjonijiet, iswed fuq l-abjad u bit-trasparenza.
Jinsab għaddej ukoll ix-xogħol ta' bini fuq binjiet oħra li se jingħataw lir-residenti s-sena d-dieħla filwaqt li qed jiġu ppreparati s-sejħiet għall-offerti għall-binjiet li se jingħataw fis-snin li ġejjin. Ix-xogħol qed jitwettaq skond pjan ta' allokazzjoni mfassal fuq bosta snin.
Mosta: Triq il-Kbira – xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ culverts
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min ta l-aħħar ordnijiet tax-xogħlijiet ġodda (tal-kostruzzjoni tal-culverts) fi Triq il-Kbira, il-Mosta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kbira li testendi kilometru minn Ta’ Qali sal-pjazza tal-Mosta.
L-ewwel nofs tal-bini mill-ġdid ta’ din it-triq tlesta f’Marzu 2021 u x-xogħlijiet fit-tieni nofs bdew immedjatament wara. Minħabba li kien ilha għexieren ta’ snin ma tinbena mill-ġdid, it-triq kellha ħsarat estensivi fil-wiċċ tagħha u l-bankini, filwaqt li kellhom jinbidlu s-sistemi tas-servizzi taħt l-art, inkluż il-katusi tad-drenaġġ u l-pajpijiet tal-ilma. Fil-fatt, Infrastructure Malta poġġiet aktar minn erba’ kilometri ta’ sistemi ġodda taħt l-art, u għad-drenaġġ kellhom jitħaffru trinek żewġ sulari fond taħt il-wiċċ tat-triq. L-aġenzija introduċiet ukoll sistema estensiva ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita li għaliha wkoll ġew mgħoddijin katusi kbar taħt l-art. Peress li din it-triq hija dejqa, dawn is-servizzi ġodda kollha taħt l-art kellhom jiġu installati b’mod delikat ħdejn jew fuq xulxin, mingħajr ma jfixklu s-sistemi l-qodma li baqgħu jintużaw biex jagħtu servizz lill-binjiet taż-żona sakemm is-sistemi ġodda tpoġġew f’posthom.
Bħalma jaf kulħadd, skont il-liġi, sabiex isiru xogħlijiet f’toroq eżistenti jew skemati bħalma hi Triq il-Kbira, jeħtieġ li jinkisbu permessi għal xogħlijiet fit-toroq minn Transport Malta u mhux permessi tal-iżvilupp mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar. Meta x-xogħlijiet meħtieġa fl-istess triq jinbidlu jew jiġu estiżi, il-permess tax-xogħlijiet jiġi estiż ukoll, skont il-ħtieġa. Sabiex ikunu eliġibbli biex japplikaw għall-permessi ta’ xogħlijiet fit-toroq mingħand Transport Malta, skont il-liġi applikabbli l-kuntratturi jeħtieġ li jkunu koperti b’garanziji bankarji u poloz t’assigurazzjoni għal danni ġustifikati li jistgħu jiġu kkawzati mill-istess xogħol konċernat. . Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess għax-xogħlijiet ta’ Triq il-Kbira.
Ir-residenti u n-negozji ta’ din it-triq ser igawdu minn infrastruttura aħjar għal ħafna snin li ġejjin, kif ukoll titjib fil-proviżjoni tas-servizzi li jservu l-istess triq, u li l-pajpijiet u cables tad-distribuzzjoni tagħhom qed jinbidlu u jissaħħu permezz ta’ dan il-proġett.
Ix-xogħlijiet kollha oriġinarjament ippjanati minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq kienu skedati li jkunu lesti sal-aħħar ta’ Mejju. Fil-fatt, l-aġenzija lestiet tista’ tgħid ix-xogħlijiet kollha tagħha ħlief it-tqegħid finali tal-asfalt fl-aħħar parti tat-triq.
Madankollu, fl-aħħar xhur, il-Kunsill Lokali tal-Mosta ordna diversi xogħlijiet addizzjonali f’din l-aħħar parti tat-triq, l-eqreb tal-pjazza. Dawn jinkludu culverts taħt il-bankini biex il-wires li hemm mal-faċċati tad-djar jitnizzlu taħt l-art, kif ukoll pavimentar bil-ġebla tal-qawwi għall-bankini l-ġodda. Permezz ta’ dan ix-xogħol addizzjonali, it-triq ser tkompli tieħu dehra aħjar, b’ambjent isbaħ għal dawk kollha li jgħixu fiha jew jivvjaġġaw minnha b’mezzi differenti.
Infrastructure Malta se tlesti l-bini mill-ġdid tat-triq bl-aħħar xogħlijiet tal-asfalt hekk kif ix-xogħlijiet addizzjonali ordnati mill-Kunsill Lokali jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sajf. Ix-xogħlijiet tal-asfalt kellhom jiġu posposti biex il-wiċċ il-ġdid tat-triq ma ssirlux ħsara bix-xogħlijiet li ġew miżjuda.
Mosta: Triq il-Kbira – permesss għax-xogħlijiet u u tibdil infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess għax-xogħlijiet oriġinali u l-permess tat-tibdil infrastrutturali li ġie deċiż dan l-aħħar u l-proġett ta’ Triq il-Kbira, fil-Mosta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.
Jista’ l-Ministru jikkonferma u jgħid jekk sarx il-permess ġdid mill-Awtorità tal-Ippjanar, pre-works survey mill-perit tal-kuntrattur ta’ kull proprjetà fit-triq, commencement notice mal-Building and Construction Authority (BCA), method statement ta’ kif se jsiru x-xogħlijiet, geotechnical survey jew dikjarazzjoni mill-Perit responsabbli li m’hemmx bżonn geotechnical survey biex b’hekk jinżamm responsabbli għal danni lejn terzi fi Triq il-Kbira, Mosta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li:
(i) ix-xogħlijiet fi Triq il-Kbira, il-Mosta huma koperti mill-assikurazzjoni reputabbli tal-kuntrattur flimkien ma’ Infrastructure Malta; u
(ii) li l-ħsarat kollha li saru u li jistgħu jsiru/joħorġu minħabba dawn ix-xogħlijiet se jkunu koperti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra (jekk dejjem hemm) garanzija għal xogħlijiet fi Triq il-Kbira, il-Mosta, liema garanzija li ma ssirx ħsara fuq binjiet residenzjali, bħalma r-residenti jagħmlu garanzija lill-kunsill, meta jġibu high-up, li ma ssirx ħsara fuq bankini?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-underpass tal-Imrieħel s'issa u kemm hi stmata li se tiġi tiswa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Infrastructure Malta varat l-Imrieħel Underpass Project fl-2021, biex tibni mina twila 60 metru li se tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction ħdejn l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). L-aġenzija qed taħdem biex tiftaħ din il-mina fl-aħħar ta’ Settembru, u biex tlesti l-bini tar-roundabout ġdida fuqha sa tmiem is-sena.
Fi Frar, Infrastructure Malta lestiet it-tħaffir tal-mina u bdiet tpoġġi f’posthom 290 panewwa tal-konkos biex tifforma l-ħitan tagħha. Fil-jiem li għaddew il-ħaddiema għollew f’posthom l-ewwel minn 16-il travu tal-konkos, kull wieħed jiżen sitt tunnellati, li se jwieżnu s-saqaf tal-mina. Meta l-mina tkun lesta, l-aġenzija ser tkompli l-proġett bil-bini tar-roundabout il-ġdida fuqha, kif ukoll punti ta’ qsim aktar siguri għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi jew bir-rota u żoni ġodda msebbħin bis-siġar. Il-proġett hu stmat li se jiswa €6 miljun u s’issa tlesta madwar 45% minnu.
Bħalma għamlet il-Mini ta’ Santa Luċija biex iżżid il-benefiċċji ta’ Marsa Junction Project tul ir-rotta prinċipali lejn in-nofsinhar ta’ Malta, Infrastructure Malta ppjanat Mriehel Underpass Project biex ittejjeb l-impatti pożittivi ta’ Central Link Project f’Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Il-mina b’żewġ korsiji se tifforma parti mill-junction tar-roundabout ġdida flok is-sistema tat-traffic lights li kien hemm qabel f’salib it-toroq bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Permezz tal-mina, il-fluss prinċipali tat-traffiku li minn Triq l-Imdina, f’Ħal Balzan ikun sejjer lejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery), ser jinfired mill-bqija tal-traffiku li jaqsam kontra xulxin f’din il-junction.
Bħala parti mis-Central Link Project, fl-2020 Infrastructure Malta bniet żewġ korsiji ġodda fid-direzzjoni opposta, lejn il-punent, mill-Bypass lejn Ħal Balzan u Ħ’Attard. Bl-eliminazzjoni tal-fluss prinċipali tat-traffiku li jkun sejjer lejn il-lvant (permezz tal-mina) u lejn il-punent (permezz tal-korsiji li nfetħu fl-2020) mir-roundabout ġdida, din il-junction qed issir aktar sigura għal dawk li jivjaġġaw lejn destinazzjonijiet oħrajn fil-viċin, inkluż l-Imrieħel, Birkirkara u Ħaż-Żebbuġ (minn Ħ’Attard, Ħal Balzan u Ħal Lija).
Hekk kif se jnaqqas l-ammont ta’ vetturi u l-veloċità tas-sewqan madwar ir-roundabout ġdida, Mriehel Underpass Project se jippermetti l-introduzzjoni ta’ punti ta’ qsim aktar siguri għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bejn Birkirkara, l-Imrieħel u Ħal Balzan u Triq il-Ħofor, triq rurali li twassal għal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. B’hekk, dawn il-punti ta’ qsim ħdejn ir-roundabout se jkomplu jtejbu l-konnessjonijiet tar-rotta twila erba’ kilometri għall-mixi u r-roti li l-aġenzija bniet diġà permezz tas-Central Link Project, bejn Ta’ Qali, Ħ’Attard u Ħal Balzan.
Boroż tal-plastik griżi jew ħodor għall-ġbir tar-riċiklaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il tunnellata ta’ boroż tal-plastik griżi jew ħodor qed jintużaw għall-ġbir tar-riċiklaġġ fis-sena? X’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern biex jinċentiva l-użu aħjar tal-kaxxi tal-kartun vojta li jkollhom il-ħwienet bħala kontenituri ta’ skart ieħor fl-iskema tar-riċiklaġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-iskema “Ninu Bninu”, peress li l-aħħar vouchers li ntbagħtu kien f’April, u x-xahar ta’ Mejju wasal biex jispiċċa u l-vouchers għadhom ma ntbagħtux?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema tal-ħalib tal-UE li qed jirreferi għaliha, minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija kienet qed tiġi implementata f’mod straordinarju permezz tal-vawċers minflok ġewwa l-iskejjel kif oriġinarjament kien pjanat. Din l-iskema ntemmet għas-sena skolastika 2021/22. Qed isiru l-preparamenti sabiex titħejja skema ġdida skont ir-rekwiżiti Ewropej għas-snin skolastiċi 2022/23 'il quddiem.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna tirtira b’pensjoni wara snin ta’ servizz, jekk dik il-persuna kienet taħdem maċ-Ċivil u professjonista u taqa’ taħt il-Ftehim Kollettiv, il-pensjoni ta’ dik il-persuna hija aġġustata skont il-Ftehim Kollettiv ġdid?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 504, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-iskejjel tal-Istat ikollhom numru ta’ frames li jistgħu jintużaw mill-iskejjel skont il-bżonn, biex b’hekk tifel jew tifla tħalli l-frame personali tagħha d-dar, titla’ t-trasport ma’ tfal oħra u mbagħad issib il-frame l-iskola meta tasal? B’hekk dawn it-tfal ikunu jistgħu jkomplu ma’ tfal oħra mingħajr ma jkollhom bżonn ta’ trasport speċjalizzat.
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-frames huma rakkomandati minn fiżjoterapista skont id-diffikultajiet u l-istatura fiżika tal-istudenti, fost affarijiet oħra. Jeżistu frames ta’ qisien u struttura differenti skont il-ħtieġa personalizzata.
Skejjel – Servizz ta’ Learning Support Educators biex jassistu lil persuni b’diżabilità
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 505, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu, peress li persuni b’diżabiltà fiżika jista’ jkollhom abbilitajiet intellettwali ta’ livell għoli u allura l-edukazzjoni tagħhom tibqa’ anke sejra f’livelli post-sekondarji u terzjarji, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jiġri f’dawn il-livelli? Jista’ jgħid jekk ikunx hemm persuni bħal Learning Support Educators li jgħinu lil dawn il-persuni f’dawn il-livelli wkoll?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Higher Secondary għandna żewġ (2) Learning Support Educators u fil-GEM 16+ għandna sitt (6) Learning Support Educators. Dawn jassistu l-istudenti fil-ħtiġijiet akkademiċi.
Min-naħa tagħha, l-Università ta’ Malta tappoġġja ħafna lill-istudenti permezz tal-ACCESS Disability Support Unit (ADSU). Il-persuni b’diżabbiltà severa jingħataw is-sapport biex japplikaw għal Personal Assistant (PA), servizz offrut mill-Aġenzija Sapport. Hemm ftehim bejn iż-żewġ entitajiet li meta ssir applikazzjoni minn studenti universitarji li għandhom diżabbiltà, din tingħata prijorità.
Il-korsijiet offruti mill-MCAST, huma miftuħa għall-istudenti prospettivi kollha. Persuni b’diżabilità, jiġu offruti gwida fl-għażla tal-kors tagħhom sabiex l-istudenti jkunu konxji tal-ħiliet li huma mistennija jilħqu sa tmiem il-kors. Dan is-sapport jingħata kemm qabel l-istudenti jissottomettu l-ewwel applikazzjoni tagħhom kif ukoll fit-tranżizzjoni minn livell għal ieħor.
L-Inclusive Education Unit (IEU) fl-MCAST joffri wkoll diversi servizzi ta’ sapport lil dawn l-istudenti sabiex jisfruttaw il-potenzjal tagħhom fit-tagħlim fid-diversi livelli tal-Kulleġġ.