Jista’ l-Ministru jgħid fl-2020, 2021 u sal-aħħar ta' Ġunju 2022, kemm kienu l-barranin li kellhom il-permess jaħdmu f'Malta, f’liema setturi ta' xogħol kienu u qegħdin jaħdmu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru/i kkonċernat/i.
Il-Mosta – Triq Mons Edgwar Salamone u Triq Carmelo Sciberras — tarmak
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Mons. Edgar Salamone u Triq Carmelo Sciberras humiex fil-lista ta’ proġetti biex jingħataw it-tarmak?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tal-Mosta, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq il-Garrier, Triq Gio C Dei Marchesi Mallia Tabone, Triq il-Leġġenda, Triq il-Bennej, Triq in-Naqqax, Triq l-Għollieqa, Triq Alessandra, Triq il-Lunzjata, Wesgħet il-Plejju, Triq l-Assemblea Nazzjonali, Triq l-Inkurunazzjoni, Triq Bergamott, Triq Parjan, Triq il-Bonnijiet, Triq Farinal, Triq Durumblat, Triq Rumani, Triq Fuħħar, Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier, Triq tal-Wej, Triq Madre Tereża, Triq Dun Karm Schembri, Triq Rafel Caruana Dingli, Triq il-Fortizza, Triq il-Fortizza tal-Mosta, Triq Wied is-Sir, Triq il-Kostituzzjoni, Vjal Milbrae, Triq il-Bidnija, Triq Burmarrad, Triq Patri Ġuże Delia u Triq Rafel Caruana Dingli.
Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq id-Difiża Ċivili, Triq ir-Rebbiegħa u Triq il-Kbira.
Infrastructure Malta ilha sa mit-twaqqif tagħha taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. L-aġenzijà għadha kemm varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali fejn talbithom biex sa Novembru li ġej jaġġornaw il-lista ta’ toroq, li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjin skont skeda dettaljata li se tiġi diskussa u maqbula magħhom fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jerġa' jibda jidħol it-trasport pubbliku fil-Bidnija, limiti tal-Mosta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta torganizza shuttle service bejn il-lokalità tal-Bidnija u l-Mosta. Dan is-servizz qiegħed jingħata kuljum bejn il-ħinijiet ta' 06:15 u 20:00. Dan sakemm il-vetturi tat-trasport pubbliku jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jgħaddu minn Triq il-Bidnija.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-salvataġġ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sat-Tnejn 5 ta' Settembru kien għadu ma seħħx, meta l-ewwel sejħa għall-għajnuna saret is-Sibt 3 ta' Settembru?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li wara n-notifika tal-każ ir-Rescue Coordination Centre Malta (RCC MT) iddevjat l-assi kollha disponibbli għas-salvataġġ u kkoordinat s-salvataġġ 70 mil nawtiku ta’ Kreta, il-bastiment merkantili ġie ddevjat lejn l-eqreb post ta’ sigurtà jiġifieri Kreta, skont il-Konvenzjonijiet applikabbli. Waqt li kien fi triqtu lejn il-kosta ta' Kreta, RCC MT irċeviet informazzjoni għall-assistenza medika mingħand il-kaptan tal-vapur, RCC Malta talbet immedjatament lill-awtoritajiet Elleniċi għall-evakwazzjoni immedjata ta’ tifla abbord il-bastiment merkantili li kien fil-viċinanzi ta’ Kreta, il-Greċja. RCC MT kienet f'komunikazzjoni kostanti ma' RCCs oħra biex timmonitorja din l-operazzjoni. Minħabba d-distanza ta' aktar minn 450 mil nawtiku, li kieku l-vapur ma kienx devjat immedjatament minn RCC MT lejn l-eqreb post ta' sikurezza, in-numru ta' vittmi kien probabbilment ikun ogħla.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx barranin jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jekk iva, kemm hemm?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ħaddiema barranin li jaħdmu fid-dekasteru tiegħi huwa skont it-tabella hawn taħt annessa.
GGC (Gozo General Hospital) 9
RHK (Rehabilitation Hospital Karen Grech) 38
SPH ( Superintendence of Public Health) 3
MCH (Mount Carmel Hospital) 75
PHC (Primary HealthCare) 11
MD ( Mater Dei Hospital) 375
SAMOC (Sir Anthony Mamo Oncology Centre) 18
Jista' l-Ministru jagħti update fuq il-mistoqsija parlamentari 23751 li ġiet mistoqsija fil-legiżlatura li għaddiet u jgħid jekk huwiex possibbli li ssir zebra crossing biswit ix-showroom tal-Harley-Davidson fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard fejn it-triq tranġat minħabba l-proġett tas-Central Link?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tindika kemm saru webinars dwar id-diżabilità mill-2019 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Dwar xiex kienu jikkonsistu dawn il-webinars?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità organizzat 11-il webinar mill-2019 sal-lum, b’dettalji ta’ kull wieħed kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fl-istess ħin l-Aġenzija Sapport ikkordinat u wasslet 22 webinar mill-2019 sad-data tat-tweġiba. Dawn kienu jikkonsistu fi 11 dwar mezzi u programmi differenti ta’ teknoloġija assistiva u 11 oħrajn dwar sapport lill-ġenituri u familjari ta’ persuni b’diżabilità.
Id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI) matul dan il-perjodu organizza side-event waqt l-14-il Konferenza tal-Istati Partijiet (CoSP) għall-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li saret virtwalment fis-17 ta' Ġunju tal-2021, bit-titlu
“Freedom to Live: Malta's Path to 2030, How can a National Disability Strategy contribute towards implementing the CRPD and SDGs?”
.
Settur tad-diżabilità – aktar vuċi lill-persuni b’diżabilità
Question
Tista’ l-Ministru tindika x’qiegħed isir sabiex il-persuni b’diżabilità jkollhom aktar vuċi b’saħħitha dwar is-settur tad-diżabilità?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Agenżija Sapport qed taħdem biex tagħmel kumitat konsultattiv mas-service users, kif ukoll ikomplu jżommu kuntatt kontinwu mal-għaqdiet non-governattivi li jaħdmu fil-qasam.
Filwaqt li d-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI) speċifikament iħares lejn l-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) (Kapitolu 627 tal-Liġijiet ta' Malta), li għadda f'Lulju tal-2021, introduċa, permezz tal-artikolu 6 tiegħu, u fit-termini tal-Artikolu 4(3) tal-Konvenzjoni UNCRPD, l-ENGAGE, forum parteċipattiv fi ħdan id-DDI, li jlaqqa' flimkien persuni b'diżabilità, il-federazzjoni nazzjonali tad-diżabilità, u rappreżentanti tas-CRPD bħala regolatur settorjali, u tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà tal-Università ta' Malta, li fiha jinsab id-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità, bħala kumitat permanenti biex jiddiskuti leġiżlazzjoni, strateġiji u politiċi fil-futur. Ir-Regolamenti tal-2022 dwar l-ENGAGE (L.S. 627.02) ġew approvati reċentement mill-Kabinett f'dan ir-rigward, fit-termini tal-artikolu 6 tal-Att, u l-forum għandu jibda jopera fix-xhur li ġejjin.
Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità hija kommessa li tkompli ssaħħaħ il-vuċijiet tal-persuni b’diżabilità. Fil-fatt b’mod kontinwu l-persuni b’diżabilità huma inklużi fid-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kummissjoni, permezz ta’ appointments li jsiru minn żmien għal żmien fuq bordijiet ta’ entitajiet varji fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, f’kampanji li jkollna kontinwament biex inkomplu nqajmu għarfien fis-soċjetà Maltija u Għawdxija, u f’inizjattivi partikolari.
Fost l-inizjattivi, fis-sena 2021 is-CRPD flimkien ma’ Aġenzija Żgħażagħ ħolqot Forum għal Żgħażagħ b’Diżabilità sabiex ikollhom spazju fejn jissaħħu bħala attivisti filwaqt li jikkontribwixxu fid-diskussjonijiet nazzjonali. Fil-ġimgħat li għaddew ħarġet u ngħalqet is-sejħa għat-tieni grupp ta’ żgħażagħ li se jkunu parteċipi f’dan il-forum.
Intant, għall-ewwel darba s-CRPD organizzat serje ta’ fora għal NGOs fis-settur tad-diżabilità li għandhom l-irwol ta’ advocacy, bit-tema “Vuċi aktar b’saħħtu għad-Diżabilità”. Matul is-sena 2022, ġew organizzati tliet fora fejn l-għaqdiet kellhom l-opportunità jitkellmu dwar l-isfidi li jiffaċċjaw fis-settur, kif ukoll jiddiskutu opportunitajiet u ideat li bihom jistgħu jikkollaboraw flimkien. F’dawn il-fora, is-CRPD ikkollaborat mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) u Servizzi Ewropej Malta (SEM).
Għas-sena 2023, is-CRPD qiegħda tesplora kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet oħra, sabiex tilħaq lil persuni b’diżabilità fil-lokalitajiet f’Malta u Għawdex, u tqajjem aktar kuxjenza dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u modi ta’ kif wieħed jista’ jirrapporta diskriminazzjoni u jsib rimedju.
Pazjenti b’nuqqas ta’ Saħħa Mentali — Tobba li jagħtu servizz f’residenzi privati
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qiegħed isir sabiex aktar tobba jibdew jinvistaw pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali fid-djar tagħhom billi bħalissa jidher li hemm tabib wieħed biss f’din l-iskema?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Jannar ta’ din is-sena beda servizz ġdid ta’ CIHT . Fl-aħħar għaxar xhur is-CIHT (Crisis Intervention Home Team) raw total ta' 246 pazjenti barra minn Monte Carmeli - Il-Ministru għas-Saħħa huwa kommess illi dan is-servizz jibqa jingħata.
Jista’ l-Ministru jindika jekk huwiex se jerġa’ jintroduċi s-servizz bl-isem ta’ Bronja fejn voluntiera jċemplu lill-anzjani li jkunu qed ibatu minn solitudni?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-servizz kien sar b’mod volontarju b’kollaborazzjoni bejn l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali u Prisms fuq pjattaforma YouSafeMalta. Dan is-servizz ingħata bi skop li waqt il-lockdown fi żmien il-pandemija tal-COVID-19 l-anzjani ma jħossuhomx waħedhom. Ma neskludix li jekk tinqala’ l-ħtieġa u/jew ikun hemm domanda għalih, jerġa' jibda jingħata.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se jiġi ppubblikat l-istudju li sar tal-Living Income?
Response (ABELA, ROBERT)
Kif kien diġà spjegat fil-leġiżlatura li għaddiet, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kellu dokument ta’ ħidma intern.
Naturalment, kif jaf l-Onor. Interpellant, il-Gvern ħa u se jibqa’ jieħu numru kbir ta’ miżuri biex isaħħaħ id-dħul tal-familji Maltin u Għawdxin, b’mod partikolari dawk bi dħul baxx.
Biex nagħti biss ftit eżempji nsemmi l-introduzzjoni tal-inwork benefit u t-tisħiħ tiegħu, it-tapering tal-benefiċċji għal dawk li jidħlu fid-dinja tax-xogħol, flok jibqgħu dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali, iż-żidiet fiċ-Childrens’ Allowance, iż-żidiet kontinwi sena wara oħra fil-pensjonijiet (b’aġġustament biex dawn qatt ma jkunu taxxabbli) u l-mekkani¿mu ġdid biex jikkumpensa lil dawk bi dħul baxx kontra l-għoli tal-ħajja.
Kottonera u Belt Valletta – livelli ta’ tniġġis fl-ajra
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-pubbliku f'Malta għandux il-possibbiltà li jara online l-livelli ta' tniġġis fl-arja fid-diversi lokalitajiet, speċjalment fil-Kottonera u l-Belt Valletta? Jekk le, tista’ tgħid għala?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandha żewġ networks ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-arja. Wieħed minn dawn jissejjaħ passive diffusion tube network u jikkonsisti minn mitt tubu mxerdin ma’ Malta u Għawdex, fosthom fil-Kottonera u l-Belt Valletta. Il-medja annwali tal-gassijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu (NO2) u dawk tal-benzene jinsabu pubbliċi fuq il-websajt uffiċjali tal-ERA.
In-netwerk l-ieħor jikkonsisti f’ħames stazzjonijiet; fiż-Żejtun, f’Ħ’Attard, fl-Għarb, fl-Imsida u f’San Pawl il-Baħar, li jimmonitorjaw il-livelli ta’ tniġġis real time (24x7). Ir-riżultati miksuba minn dawn l-istazzjoniet jiġu trasmessi mill-ewwel online u l-pubbliku jista’ jarahom fuq il-websajt uffiċjali tal-ERA.
Fuq is-sit elettroniku tal-ERA, fuq il-paġna tal-Air Quality Index, wieħed jista’ jara wkoll il-kwalità tal-arja kif inhi f’kull stazzjon b’mod sempliċi u li jista’ jinftiehem mill-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex wara x-xogħol ta’ tħaffir li sar fuq wara tal-Crafts Village f’Ta’ Qali, is-sena li għaddiet, ma sar xejn iktar? Jista’ jgħid jekk l-art li tħaffret ġietx allokata u jekk iva, lil min u meta?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda xogħol ta’ tħaffir fuq wara tal-Crafts Village f’Ta’ Qali s-sena li għaddiet, imma sar din is-sena.
Dan l-iskavar li nifhem li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huwa tħejjija għall-bini ta’ fabriki ġodda li mbagħad ikunu allokati skond l-procedura stabbilita.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk min juża l-e-scooter fit-toroq huwiex obbligat li jilbes crash helmet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-użu ta’ helmets mhux obbligatorju għal min ikun qed isuq e-scooter, però bħal fil-każ ta’ sewqan tar-roti, l-użu ta’ helmets huwa dejjem irrakkomandat.
Jista’ l-Ministru jipprovdi d-data meta l-lukanda Bora Bora Ibiza Malta f’San Pawl il-Baħar applikat biex tingħata permess għal amplified music/sound u meta ngħatat tali permess?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni msemmija waslet għand l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fis-26 ta’ Frar 2021 u l-permess ħareġ fit-30 t’April 2021.