Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — dentista ta’ tfal b’diżabilità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li rriżenjat l-unika dentista tat-tfal b’diżabilità (u li bħalissa qiegħda taħdem in-notice) u jekk ingħatatx raġuni għalfejn qed tirriżenja? Jista’ jgħid jekk hemmx replacement għal din id-dentista li kienet isservi tfal b’diżabilità fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija minnu ġiet appuntata f’pożizzjoni full-time fl-Universita ta’ Malta. Membri tat-tim dentali f’MDH se jkunu qed jieħdu responsabilità għall-kura dentali tal-pazjenti tagħha.

Professjonijiet fil-qasam tas-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali u xi professjoni jħaddnu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 4277.

Awtorità tad-Djar – ħaddiema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reklutati ħaddiema ġodda mal-Awtorità tad-Djar matul is-snin 2021 u 2022? Jista’ jgħid xi proċedura ntużat biex jidħlu dawn il-ħaddiema u minn liema lokalitajiet ġejjin, maqsuma lokalità b'lokalità, u bin-numru ta’ ħaddiema ħdejn kull lokalità?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul s-sena 2021 ġew ingaġġati 37 impjegat filwaqt li fl-2022 ġew ingaġġati 19-il impjegat. Il-maġġoranza tal-impjegati ġew ingaġġati permess tal-proċedura ‘Directive 7 – Delegation of Authority to effect Recruitment, Promotions and Industrial Relations in Public Sector entities’. Kien hemm ukoll każijiet ta’ detailing u re-deployment. Dawn huma l-lokalitajiet li minnhom ġejjin l-impjegati ingaġġati: Birżebbuġa, Għaxaq, Dingli, Gudja, Kalkara, Kerċem, Kirkop, Luqa, Marsa, Mellieħa, Mqabba, Munxar, Naxxar, Pembroke, Paola, Qormi, Qrendi, San Ġwann, Siġġiewi, St.Venera, Tarxien, Żabbar u Żebbuġ.

Persuni b’diżabilità li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-mument kemm hemm persuni b’diżabilità li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali u jekk hemmx minnhom li huma f’shared apartments?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba mhijiex disponibbli. L-Awtorità tad-Djar iżżomm informazzjoni kunfidenzjali dwar iċ-ċirkustanzi tal-familja bħal diżabilità fl-istadju tal-applikazzjoni u l-allokazzjoni biss.

Stallazzjonijiet ta’ lifts fi blokki tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift ġie installat fil-blokki tal-Gvern, matul is-snin 2020, 2021 u 2022? F’liema lokalitajiet ġew installati dawn il-liftijiet? Kemm hemm minnhom li tpoġġew iżda għadhom ma bdewx jintużaw minħabba li għadhom mhumiex jiffunzjonaw għax mitfija?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar installat 79 lift bejn is-snin 2020 - 2022 rispettivament hekk kif indikat fit-tabella ta’ hawn taħt. Dawn il-liftijiet ġew kollha attivati u mgħoddija lura lir-residenti jiffunzjonaw 2020 (19-il Lift) 2021 (32 Lift) Birkirkara 1 2022 (28 Lift) Għaxaq 2 Attard 2 Mosta 2 Gudja 1 Birkirkara 3 Paola 1 Giżra 2 Għaxaq 1 Qormi 1 Kalkara 3 Gudja 1 San Ġwann 7 Marsa 4 Lija 1 Santa Luċija 2 Mosta 1 Paola 1 Santa Venera 1 Qormi 1 Qormi 1 Ta' Xbiex 2 San Ġwann 10 Rabat 5 Valletta 1 Santa Luċija 1 San Ġwann 4 Żabbar 1 Santa Venera 1 Santa Luċija 3 Żurrieq 1 Ta' Xbiex 2 Siġġiewi 2 Victoria (Gozo) 1 Valletta 3 Żabbar 1 Żebbuġ 1 Żebbuġ 1

Familji li jgħixu f’postijiet dilapidati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il familja li jgħixu f’postijiet dilapidati ħadu post alternattiv mis-sena 2021 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari PQ 4226. Ta’ minn jinnota wkoll li l-Awtorità tad-Djar toffri skemi li permezz tagħhom, inkwilin ikun jista’ jagħmel xogħlijiet biex jirranġa l-proprjetà tiegħu u jneħħi xi periklu li jkun hemm.

Vulnerable Adult Protection

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx time frame għal meta ser jitressaq il-Vulnerable Adult Protection fil-Parlament, peress li ilu jingħad minn Frar tas-sena 2021 li jinsab fi stadju avvanzat?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-Abbozz huwa ampju u tekniku, u għalhekk kien hemm bżonn żmien adegwat biex mhux biss jitħejja, imma wkoll isiru pre-konsultazzjonijiet ma’ stakeholders kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna, u proċess rigoruż ta’ ċertifikazzjoni flimkien mal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Dan l-Abbozz huwa marbut ukoll mal-Abbozz dwar l-Awtonomija Personali, illi jimplimenta l-Artiklu 12 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità fil-liġi Maltija, u huwa meħtieġ sabiex l-operat tal-eventwali Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabilità jkun konformi ma’ din il-Konvenzjoni. Fl-istess ħin, dan l-eventwali Att sejjer in oltre jorbot ma’ protezzjonijiet transkonfinali, permezz tar-ratifika minn Malta tal-Konvenzjoni tal-Aja tas-sena 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti. Din il-Konvenzjoni ġiet iffirmata minn Malta fil-11 ta’ Novembru ta’ din is-sena, bir-ratifika ppjanata ghall-2023. Fl-istess waqt, bi pjaċir navża lil din il-Kamra illi, ukoll bħala parti mit-twettiq tal-proposta numru 676 tal-Manifest Elettorali tal-Gvern, iż-żewġ Abbozzi illi semmejt sejrin jinħarġu għal konsultazzjoni pubblika aċċessibbli fl-ewwel nofs tas-sena 2023, wara d-debita approvazzjoni tal-Kabinett tal-Ministri, sabiex imbagħad jitpoġġew quddiem din il-Kamra għal dibattitu dwarhom u l-eventwali adozzjoni tagħhom.

Implimentazzjoni tal-United Nations Convention for the Rights of Persons with Disability Act

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'qiegħed isir biex jiġi implimentat l-United Nations Convention for the Rights of Persons with Disability Act?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward tal-istrutturi msemmija fl-Att, ittieħdu l-passi u ġew adotatti l-Avviżi Legali meħtieġa sabiex jitwaqqfu dawn l-istrutturi, kif rikjest mill-Att, u ċjoè: · Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (art. 5(1)) – dan id-Direttorat diġà jopera taħt ir-responsabilità tas-Segretarju Permanenti fi ħdan dan il-Ministeru, u f’Ottubru nħarġet sejħa sabiex jinħatar l-ewwel Direttur; · Struttura nazzjonali ta’ Koordinazzjoni għall-Konvenzjoni UNCRPD (art. 5(3)) – din l-istruttura ngħatat bażi legali permezz tar-Regolamenti tal-2022 dwar struttura nazzjonali ta’ Koordinazzjoni għall-Konvenzjoni UNCRPD (L.S. 627.01); · ENGAGE (art. 6) – din l-istruttura ngħatat bażi legali permezz tar-Regolamenti tal-2022 dwar l-ENGAGE (L.S. 627.02).

Aġenzija Sapport – każijiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ każijiet pendenti f’kull servizz li jingħata mill-Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li s-servizzi fi ħdan Aġenzija Sapport fid-data tat-tweġiba għandhom din il-lista ta’ stennija, kif ġej: Servizz Lista ta’ Stennija Nov 2022 Sharing Lives 94 Empowerment Scheme 0 Vehicle Registration Exemption Scheme 0 Vehicle Road Licence Exemption Scheme 0 Blue Badge 105 Independent Community Living Monitoring Service (ICLM) incl. : §Direct Payment §Independent Community Living §Personal Assistance Fund 111 Servizzi fil-Komunità 41 Servizzi ta’ Matul il-Jum 150 Sonia Tanti Independent Living Centre (STILC) 140 Servizz ta’ Ħidma Soċjali 111 Servizzi Residenzjali 81 ACTU 207 Way to Work 6 Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali 0 N.B. dawn in-numri huma importanti li ma jingħaddux flimkien f’total wieħed minħabba l-possibilità li persuna tapplika għal aktar minn servizz wieħed u għalhekk tista’ tkun imniżżla f’aktar minn lista ta’ stennija waħda.

Servizzi fis-CDAU – waiting list

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm waiting list ta’ persuni biex jirċievu xi servizz fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU), sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għas-servizzi ta’ Speech and Language Pathology u tal-Medical Reviews fis-CDAU ma hemmx lista ta' stennija. Għas-servizz ta’ Fizjoterapja l-istennija hija ta’ inqas minn ġimagħtejn. Filwaqt illi t-tfal li għandhom bżonn Psychological report u li ser jibdew l-iskola fi Frar ta’ din is-sena kollha ghandhom appuntament.

Psychological report lill-ġenituri

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi kemm idum biex jingħata l-Psychological Report lill-ġenituri biex dawn jaraw jekk uliedhom hux se jkollhom għajnuna ta’ LSE jew jekk hux se jkun LSE shared jew one to one? Jista’ jgħid jekk huwiex konxju minn dan id-dewmien esaġerat u jekk iva, x’qed isir?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari 4204.

CDAU — trasferiment

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx time frame ta' meta ser jiġi trasferit iċ-Child Development Assessment Unit (CDAU)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi pjanijiet sabiex is-CDAU jimxi għal post ieħor għadhom fi stadju ta’ diskussjoni.

Persuni b’Diżabilità – waiting list għas-servizzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm waiting list ta’ persuni b’diżabilità biex jirċievu s-servizzi msemmija hawn taħt, sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda: a. Special ID Card; b. Blue Badge; u ċ. kull servizz fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU)?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-data tat-tweġiba hemm 121 applikazzjoni pendenti għall-Blue Badge li mistennija jingħataw appuntamenti għal Diċembru. Filwaqt li ma hemm l-ebda waiting list għall-iSpecial ID Card. Rigward is-servizz fiċ-Child Development Assessment Unit nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Servizz ta’ Sonia Tanti Independent Living

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna fil-mument qiegħda tuża s-servizz ta’ Sonia Tanti Independent Living?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sad-data tat-tweġiba kien hemm 416-il klijent li għamel użu mis-servizzi pprovduti minn Sonia Tanti Independent Living Centre. Dawn jinkludu servizz ta’ assessjar għal siġġu tar-roti, assessjar għal sewqan b’modifikazzjonijiet, u lezzjonijiet tas-sewqan mill-Adaptive Driving Motoring School (L527).

Tibdil ta’ logo ta’ diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex tindirizza l-logo tad-diżabilità peress li jeżistu abilitajiet differenti? Għaliex nitkellmu fuq Inklużjoni soċjali, madankollu l-logo jibqa’ dak ta’ siġġu tar-roti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-logo ser jiġi indirizzat fis-sena 2023, kif titlob ukoll ‘Libertà li Tgħix’, l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, fl-Azzjoni 4.9 tagħha. Ser nimxu lil hinn minn kunċett illi jkopri sempliċement aspett wieħed tar-realtà tad-diżabilità, biex minflok, kif titlob ukoll l-Istrateġija, jintuża kunċett illi jesprimi b’mod aħjar id-diversità konnessa ma’ din ir-realtà, fl-ispirtu tal-Inklużjoni.

CDAU – early interventions

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir minħabba nuqqas ta’ riżorsi fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU), speċjalment fejn jidħlu early interventions?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Psychological report lill-ġenituri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi kemm idum biex jingħata l-psychological report lill-ġenituri biex dawn jaraw jekk uliedhom hux se jkollhom għajnuna ta’ LSE jew jekk hux se jkun LSE shared jew one-to-one? Tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex konxja minn dan id-dewmien esaġerat u jekk iva, x’qed isir?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Tfal reġistrati b’diżabilità fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal reġistrati b’diżabilità fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex li għandhom bżonn is-servizz ta’ LSE u kemm hemm LSEs jaħdmu fl-iskejjel? Hemm tfal b’diżabilità li qegħdin f’xi lista pendenti jistennew LSE?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diżabilità mhijiex neċessarjament rekwiżit għal servizz ta’ LSE. Bħalissa għandna 2869 LSE li qed jgħatu servizz lil 3896 tfal fl-iskejjel tagħna. Sa Diċembru kien hemm 15-il tifel/tifla, li wara proċess sħiħ għadhom qed jistennew servizz ta’ LSE.

Psychological report

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kemm idum biex jingħata l-psychological report lill-ġenituri biex dawn jaraw jekk uliedhom hux se jkollhom għajnuna ta’ LSE jew jekk hux se jkun LSE shared jew one-to-one? Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju minn dan id-dewmien esaġerat u jekk iva, x’qed isir?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapporti psikoloġiċi jvarja minn każ għal ieħor skont is-severità u s-sensittività tal-każ. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li dawn ir-rapporti ma jiddeterminawx jekk ikunx hemm ħtieġa ta’ LSE.