Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kopja ta’ Kuntratt ta' persuna

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, inkluż dokumenti addizzjonali għall-kuntratt, jindika x’perkaċċi, benefiċċji, allowances u salarji ħadet tul dawn l-aħħar ħames snin u jipprovdi wkoll kopja tal-assenjazzjoni jew kuntratt tagħha mal-aġenzija Infrastruttura Malta, inkluż il-grad tagħha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata ġiet assenjata r-role ta’ Senior Manager fi ħdan Infrastructure Malta minn Settemberu 2022. Il-kuntratt tagħha huwa simili għal dak li l-istess persuna kellha fl-entità oriġinarja.

Kopja ta’ Kuntratt ta' persuna

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, inkluż dokumenti addizzjonali għall-kuntratt, tindika x’perkaċċi, benefiċċji, allowances u salarji ħadet tul dawn l-aħħar ħames snin u tipprovdi wkoll kopja tal-assenjazzjoni jew kuntratt tagħha mal-aġenzija Infrastruttura Malta, inkluż il-grad tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li l-persuna li rrefera għaliha separatament kellha mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Fi tmiem dan il-kuntratt din il-persuna waqgħet fuq il-grad ta’ Managing Professional u sussegwentement bdiet taqdi dmirijiet ma’ Infrastracture Malta taħt “loan agreement”. Dan il-ftehim, li qed inpoġġih ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra, jipprovdi biex il-persuna tieħu leave mingħajr ħlas mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sakemm iddum taqdi dmirijietha ma’ Infrastructure Malta. Fir-rigward ta’ kwalunkwe kuntratt li l-persuna għandha ma’ Infrastructure Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Skejjel tal-Istat – tfal b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal b'diżabilità fl-iskejjel statali u jgħid jekk hemmx trasport provdut speċjalment għalihom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel statli hemm 2939 student b’diżabilita. Kull min għandu bżonn it-transport, dan jiġi provdut.

Persuni li għandhom passaport Malti taħt l-Iskema tal-IIP

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna, minn kull nazzjonalità, għandha l-passaport Malti skont l-iskema tal-IIP? Jista' jelenka skont in-nazzjonalità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li kien hemm 1532 main applicants li gew naturalizzati bhala cittadini ta’ Malta taht l-iskema tal-IIP minn mindu dahlu r-regolamenti fis-sehh fis-sena 2014. L-origini taghhom huma dawn ir-regjuni geographici: l-Asja; l-Ewropa; l-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel; Lvant Nofsani; il-Golf, l-Afrika; l-Oċeana u l-Karibew. Dawn l-applikazzjonijiet ġabu fondi li permezz tagħhom ġew investiti għal diversi skopijiet fosthom mediċi u soċjali.

Persuni li għandhom passaport Malti taħt l-Iskema tal-IIP li jeħel il-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li għandha l-passaport Malti akkwistat mill-iskema tal-IIP u teħel il-ħabs, jiġix revokat u jekk fl-aħħar tas-sentenza tiġix estradita?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188) partikolarment għall-paragrafu (c) tas-subartikoli 14(1) u s-subartikolu 14(2) li jittrataw dwar il-privazzjoni taċ-ċittadinanza Maltija fiċ-ċirkostanzi li din tkun akkwistata b’naturalizzazzjoni bħal fil-każ tal-IIP kif ukoll meta din il-persuna tkun weħlet sentenza ta’ ħabs. Infurmat ukoll li l-estradizzjoni ta’ persuni hija suġġetta għall-proċeduri stabbilita mil-liġi li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċessi relevanti wara li jkun hemm it-talba relattiva minn awtoritajiet barranin pertinenti.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – miżuri favur l-ambjent

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri favur l-ambjent ħadet fid-dekasteru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma favur l-ambjent hija prijorità ewlenija tal-Ministeru tiegħi u tal-Gvern inġenerali. Il-miżuri mwettqa huma bosta u jvarjaw; fost l-oħrajn dawn jinkludu miżuri relatati mat-tibdil fil-klima, it-tħaddir, ir-riabilitazzjoni ta’ siti protetti, l-immaniġġar tal-iskart, l-effiċjenza f’infrastrutturi varji, mhux l-inqas fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma, l-investimenti f’oqsma ta’ enerġija aktar nadifa, l-intrapriża, s-sostenibbiltà, u l-baħar. F’dan il-kuntest nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu. Sadanittant nirreferih ukoll għall-pubblikazzjoni dwar it-twettiq li ħareġ is-Servizz Pubbliku f’Ottubru li għadda; għalkemm ma tirreferix għal ħidma kollha li wettaq il-Ministeru, f’din il-pubblikazzjoni wieħed jista’ jsib sommarju tal-miżuri ewlenin li twettqu.

Tfal adottati minn Aġenziji tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tifel u tifla ġew adottati mill-Fondazzjoni tas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, FSWS - Direttorat għall-Kura Alternattiva - Servizzi ta' Adozzjoni (Aġenzija APPOĠĠ) fir-rigward ta' adozzjonijiet minn pajjiżi barra minn Malta (Intercountry Adoptions), mis-sena 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda, maqsuma sena b'sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li diġà tajtu għall-mistoqsija parlamentari numru 4587.

Tfal Adottati minn Aġenziji privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tifel u tifla ġew adottati minn aġenziji privati fir-rigward ta' adozzjonijiet minn pajjiżi barra minn Malta (Intercountry Adoptions), mis-sena 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda, maqsuma sena b'sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpallent sabiex jirreferi għat-tweġiba li diġà tajt, għall-mistoqsija parlamentari tiegħu stess, numru 4588.

Mosta — Plots Santa Margerita

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3919, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru l-kuntratti tal-plots li ngħataw taħt il-Home Ownership Scheme, Issue tal-1987, hekk kif jidher li ċerti plots għadhom mhux esproprjati (Plot fiż-żona ta’ Santa Margerità fil-Mosta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament)? Jista’ l-Ministru jgħid xi tkun il-pożizzjoni tal-eredi ta’ koppja li jiġu nieqsa mingħajr dan il-kuntratt fis-seħħ?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jgħaddi din il-mistoqsija lill-entità kkonċernata.

Taqsima tal-Kultura responsabbli għal Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3928 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u issa ġiet referuta lilu u jgħid kemm hemm staff fit-taqsima tal-kultura li huma responsabbli għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-taqsima tal-kultura hemm 11-il impjegat.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — ħaddiema b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati b'diżabilità fil-Ministeru tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-terminu ‘persuna b’diżabilità’ huwa wieħed vast u mhux limitat għall-diżabilità fiżika biss. Għal fini ta’ protezzjoni tad-data personali tali informazzjoni ma tistax tiġi provduta.

Passing Out Ceremony – rekluti li weħlu mit-tieni resit

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li min weħel mit-tieni resit ma jagħmilx il-passing out ceremony mal-kumplament tar-rekluti iżda jidħol xorta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li ma kien hemm ebda rekluta li weħel mit-tieni resit fil-kors ta’ taħriġ bażiku li jsir fl-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati.

Sptar Mount Carmel – Forensic Unit – persuni taħt sentenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti taħt sentenza jgħixu fil-Forensic Unit tal-Isptar Mount Carmel u kemm ilhom? Jista’ l-Ministru jgħid meta saret is-sejħa għall-applikazzjonijiet, meta ltaqa’ l-bord u min għamel l-endorsement?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi fil-preżent hemm sitt (6) residenti b’sentenza fil-Forensic Unit tal-Isptar Mount Carmel. Kull persuna li tidħol fil-Forensic Unit tmur fuq ordni tal-psikjatra. Dan ma jfissirx li l-priġunier/a jiskonta s-sentenza kollha tiegħu fil-Forensic Unit.

Passing Out parade

Question

Jista’ l-Ministri jgħid għala m'għamlux il-passing out parade dawk li qegħdin il-qorti li kienu fil-42nd BTC u daħlu wara?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li wara konsultazzjoni mal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni avvanzata u Ogħla u bl-approvazzjoni tal-Bord tal-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati, kien ġie deċiż li għandu jkun hemm it-tieni resit. (Ara tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari numru 3326). Għandu jingħad ukoll illi sakemm ġew konklużi dawn il-konsultazzjonijiet u sar it-tieni resit, il-passing out parade kienet saret u għalhekk dawk ir-rekluti ma kinux parti minnha.

Xufiera – ħlas għat-trasport li saru fiċ-ċentri tad-diżabilità u tat-tfal tal-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi timeframe għal meta se jitħallsu x-xufiera tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għat-trasport li sar fiċ-ċentri tad-diżabilità u tat-tfal fl-iskejjel?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija msemmija dejjem titħallas bħas-service providers kollha skont il-proċeduri stabbiliti.

Emenda għall-Abbozz tal-Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma li la l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u lanqas persuni mid-ditta legali li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll ma kienet/kienu involuta/i fil-kitba tal-emenda fl-Abbozz tal-Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali (Abbozz ta’ Liġi Nru 28) ?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tweġiba hija fin-negattiv.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – Karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandha karozzi jaħdmu bl-elettriku fil-Ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 3944, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, inkluż id-dipartiment u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, bħalissa qed jintużaw disgħa u tmenin vettura elettrika li wieħed u għoxrin minnhom huma mixtrija filwaqt li l-kumplament huma mikrija.