Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol mill-pont ta' Ħ'Attard u r-roundabout li kien parti mix-xogħol li sar fuq is-Central link?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pont fi Triq il-Linja, Ħ’Attard, se jitwessa’ sabiex jitneħħa l-bottleneck eżistenti li hemm f’din iż-żona. Meta jintemm it-twessigħ ta’ dan il-pont, l-aħħar saffi ta’ asfalt jistgħu jsiru fil-parti ta’ Triq il-Linja li tmiss ma’ Triq l-Imdina. Sabiex jitwessa’ l-pont jeħtieġ li jingħalaq għat-traffiku għal numru ta’ ġimgħat biex ikun jista’ jsir ix-xogħol meħtieġ. Biex isir dan, ir-rotot alternattivi jridu jkunu lesti mix-xogħol li jkun għaddej fihom u jkunu miftuħa b’wiċċ ta’ asfalt adekwat biex ikunu jistgħu jintużaw.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq f’Ħ'Attard li għandhom jiġu rranġati, jew għandu jsir xi xogħol fuqhom, tul l-2023?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenzija tinsab f’diskussjonijiet attivi mal-kunsilli lokali kollha, fosthom dak ta’Ħ’Attard u hemm pjan sabiex din l-akwata tgawdi minn proġetti infrastrutturali. Dawn id-diskussjonijiet għadhom ma ġewx konklużi.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq f’Ħ'Attard li għandhom jiġu rranġati, jew għandu jsir xi xogħol fuqhom, tul l-2023?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, fil-preżent, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża m’għandhomx ħsieb li jagħmlu xogħlijiet f’toroq f’Ħ’Attard matul l-2023.
Dwar xogħlijiet oħra infrastrutturali tat-toroq, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall x’qiegħed isir sabiex il-lista ta’ stennija għas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar titnaqqas?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li fl-impenn ħolistiku tiegħu biex ikompli jtejjeb l-ħajja u l-għajxien tal-anzjani fis-soċjetà, il-Gvern qed jaħdem qatigħ anke fejn jidħol is-servizz ta’ Għajnuna fid-Dar. Fil-fatt bejn Diċembru 2022 u Jannar 2023, il-lista ta’ stennija naqset drastikament minn 485 għal 285.
Biex tkompli l-ħidma għal dan il-għan, mill-bidu tas-sena saret riforma b’saħħitha fl-iskema tas-sussidju għall-Helper tal-Għażla Tiegħek biex din issir aktar attraenti. Dawn ir-riformi jinkludu żieda fis-sussidju minn €7 għal €8 għal kull siegħa ta’ servizz; ħlas tas-sussidju aktar frekwenti, kull xahrejn flok kull erbgħa; u l-pagament se jingħata xahrejn bil-quddiem għall-konvenjenza tal-anzjani li jużaw dan is-servizz biex inaqqsu l-piż finanzjarju tagħhom. Minbarra hekk, jien infurmat ukoll li l-kuntrattur qed jingaġġa aktar helpers b’mod regolari.
Tista’ l-Ministru tgħid x’qiegħed isir sabiex il-lista ta’ stennija fil-każijiet ta’ servizzi ta’ Ċentri ta’ Matul il-Jum, is-Servizz ta’ Ħidma Soċjali kif ukoll l-Access Communication Technology Unit (ACTU) jiġu mnaqqsa drastikament?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija qed taħdem biex timxi mal-prinċipji tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, u għalhekk fejn jidħlu servizzi taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, kif ukoll djar residenzjali, timxi fuq il-konċett ta’ de-istituzzjonalizzazzjoni. Dan jimxi pari passu ma’ “general comment number 5” li jitkellem dwar l-importanza li persuni b’diżabilità mhux biss jgħixu fil-komunità iżda jkunu parti integrali mill-komunità. Huwa għalhekk li l-Aġenzija qed taħdem biex il-programmi offruti fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum jindirizzaw tagħlim u ħiliet li għandhom bżonn persuni b’diżabilità biex jgħixu ħajja aktar indipendenti. Fejn hemm lok, naraw ukoll li jidħlu fid-dinja tax-xogħol, anke permezz tal-programm Way to Work li tħaddem l-istess Aġenzija u b’aktar kollaborazzjoni ma’ Lino Spiteri Foundation.
Fejn jidħlu ħaddiema soċjali li jridu jaħdmu fis-settur tad-diżabilità, skont l-interess tagħhom, l-Aġenzija qed tara li kemm hu possibbli żżid dawn il-ħaddiema fi ħdanha. Fl-istess ħin tagħmel mezz li l-ħaddiema soċjali jagħmlu xogħol relatat biss mal-ħidma soċjali.
Għar-rigward tal-ACTU l-Aġenzija qed taħdem flimkien ma’ entitajiet governattivi fosthom il-P&SD biex il-professjonisti li jaħdmu f’din it-taqsima u lil hinn minnha fl-Aġenzija jkollhom paga u grad indaqs mal-kollegi tagħhom fl-Allied Health.
Fl-aħħar tmien xhur l-Aġenzija Sapport ħarġet ukoll tliet sejħiet għal professjonisti. Fl-ewwel żewġ sejħiet ma kien hemm l-ebda applikazzjoni. Fl-aħħar sejħa applikaw u ġew magħżula żewġ Occupational Therapists li ser jibdew jaħdmu u jieħdu t-taħriġ speċifiku fuq l-assessjar tal-communication aids biex fi żmien sitt xhur ikunu jistgħu jingħaqdu mal-erba’ professjonisti l-oħra u għalhekk tkompli tiġi indirizzata l-lista ta’ stennija.
Marsaskala – persuni li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni minn Marsaskala li għadhom qed jistennew akkomodazzjoni soċjali? Kemm ilhom li applikaw għal dan is-servizz?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha 46 applikazzjoni minn persuni li jgħixu Marsaskala fuq il-lista ta’ stennija, li applikaw bejn l-2007 u l-2022.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk u meta se terġa' tibda tiffunzjona l-Medical School jew jekk hux se jkun hemm premises ġodda?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm impjegati fuq il-payroll tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) u huma deployed fil-Ministeru tiegħu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemm l-ebda impjegati li jaħdmu l-Ministeru għas-Saħħa fuq il-payroll tal-FMS.
B’referenza għall-benefiċċju soċjali ta’ €100 li wiegħed il-Gvern li se jiġu depożitati fil-kont tal-bank tal-individwi li huma dovuti jirċevuhom, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji li permezz tagħhom intgħażlu l-persuni li kellhom jirċievu dan il-benefiċċju soċjali? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li rċevew dan il-benefiċċju soċjali? Jista’ jgħid kemm kien hemm persuni li appellaw għaliex ma rċevewx dan il-benefiċċju soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema wieħed mid-diversi benefiċċji, li ġew introdotti minn din l-amministrazzjoni, qed jirreferi.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4199, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x’qed isir minħabba nuqqas ta’ riżorsi fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU), speċjalment fejn jidħlu early interventions?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 4204.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4200, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid xi kemm idum biex jingħata l-psychological report lill-ġenituri biex dawn jaraw jekk uliedhom hux se jkollhom għajnuna ta’ LSE jew jekk hux se jkun LSE shared jew one-to-one? Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju minn dan id-dewmien esaġerat u jekk iva, x’qed isir?
Healthcare professionals speċjalizzati fuq diżabilitajiet komuni
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm healthcare professionals speċjalizzati fuq diżabiltajiet komuni?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport hija Aġenzija speċjalizzata fuq il-qasam soċjali tal-persuni b'diżabilità u għalhekk tħaddem numru ta’ Occupational u Speech Therapists. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat dwar dak li għandu x’jaqsam mal-aspett mediku.
Healthcare professionals speċjalizzati fuq acquired disabilities
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm healthcare professionals speċjalizzati fuq acquired disabilities bħall-kundizzjonijiet tal-Fibromyalgia, Parkinson's u ALS fost oħrajn?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5256.