Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – miżuri Green
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri green qed jittieħdu fid-dekasteru tiegħu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fid-dekasteru li tiegħu jiena responsabbli hemm fis-seħħ miżuri green hekk kif elenkat hawn taħt. Barra minn hekk, dan il-Ministeru qed jimplimenta wkoll il-linji gwida għall-Enerġija Effiċjenti skont iċ-Ċirkolari tal-OPM Nru 12/2022.
Lista’ ta’ miżuri green:
· Il-ħaxix kollu mhux mibjugħ fil-Pitkalija qed jintbagħat lill-Wasteserv, fejn jinbidel f’kompost għall-istess bdiewa. Dan jiżgura li n-nutrijenti jiġu rritornati fil-ħamrija u mhux moħlija. Il-ħaxix tajjeb qed jintbagħat f’diversi Soup Kitchens u Food Banks, biex b’hekk jiġi eliminat kemm jista’ jkun skart.
· It-tenders u l-akkwisti kollha qed jiġu skrutinizzati biex isiru ħodor kemm jista’ jkun
· Użu ta’ mini trakk elettriku għall-ġarr ta’ materjal tal-ġnien
· Użu ta’ heaters solari u pannelli solari
· Tnaqqis fl-impronta klimatika u ambjentali fl-operat tal-Biċċerija Pubblika fosthom:
§ Titjib fl-effiċjenza enerġetika
§ Installazzjoni ta’ impjant fotovoltajku ta’ 250kWp
§ Minn Settembru 2022, il-Biċċerija Pubblika saret l-ewwel entità f’Malta li ssorveljat b’mod sistematiku l-konsum tal-elettriku u l-emissjonijiet ta’ serra skont l'hekk imsejjaħ Protokoll tal-Gassijiet Serra (GHG Protocol). Dan jippermetti li jiġi identifikat aktar iffrankar tal-enerġija abbażi tad-dejta tal-minuti f'ħin reali.
§ Investiment f’bibien insulati industrijali, biex jgħinu jżommu l-kontroll tat-temperatura fiż-żoni operattivi u jimminimizzaw it-telf tat-temperatura.
§ Eżerċizzju ma’ Social Innovative Management Ltd biex jiġi vvalutat il-bini tal-uffiċini u jiġu implimentati miżuri Efficient Energy saving bil-għan li jinkisbu emissjonijiet kważi netti żero mill-blokk tal-Uffiċċju.
§ Xoghol fuq proġett pilota ta' sistema ta' sterilizzazzjoni UV minflok sterilizzazzjoni bl-użu ta' ilma f'82C
§ Titjib tal-effiċjenza tal-ilma u tnaqqas il-konsum tal-ilma b'20%, minn medja ta' madwar 200m3 kuljum għal c.160m3 kuljum.
§ Tnaqqis tal-prodotti sekondarji tal-annimali li jiġu inċinerati
§ Investiment f'Impjant ġdid ta' Prodotti Sekondarji biex jilqa' għat-trattament ta' Prodotti Sekondarji tal-Annimali.
· Proċess ta’ xiri ta’ 4 karozzi elettriċi mid-Dipartiment għas-Sajd u l-Akkwakultura
· Skema sabiex is-sajjieda ikunu inċentivati biex jużaw metodi u tagħmir li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent meta jistadu. L-iskema għandha tipprovdi rimborż finanzjarju b'limitu massimu ta' €700 għal kull bastiment għall-ispiża tax-xiri ta' tagħmir tas-sajd li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.
· Skema li tħeġġeġ lis-sajjieda biex jadottaw miżuri għal sajd sostenibbli, permezz ta’ sajd selettiv u t-tnaqqis tar-rata tal-magni permezz ta’ l-użu ta' tagħmir tas-sajd bijodegradabbli sabiex inaqqas il-qabdiet mhux mixtieqa u jimminimizza l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar billi jillimitaw l-emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu minn magni diesel tal-baħar, fi sforz biex jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent.
· Skema mmirata biex tirkupra l-irkaptu tas-sajd mitluf (xbieki, nases, u kull tagħmir ieħor tas-sajd) mill-ambjent tal-baħar madwar il-Gżejjer Maltin.
· Il-proġett BLUEfasma bl-għan li jintegra u jimplimenta l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura
· Proċess kontinwu ta’ tibdil ta' fittings tad-dawl inkandexxenti għal attrezzaturi LED li jiffrankaw l-enerġija.
· Pjan biex jiġi nstallat roof garden fuq il-Gene Bank fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti (Miżura tal-Manifest).
· Identifikazzjoni ta’ spazji għat-tqegħid eventwali ta' pannelli solari.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il direct order saret mid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il direct order saret mid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ 6 xhur, skont ir-regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order saret mid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir sabiex tiżdied it-trasparenza u l-kontabilità fit-tmexxija tal-kunsilli lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar snin ittieħdu diversi inizjattivi u bidliet li servew sabiex tiżdied it-trasparenza u l-kontabilità fit-tmexxija tal-Kunsilli Lokali, fosthom:
- It-tisħiħ tal-funzjonijiet tal-Bord ta’ Governanza Lokali, inkluż il-poter li permezz ta’ rapport tal-istess Bord, kunsill lokali jista’ jiġi xolt;
- L-obbligu li kull membru tal-kunsill ikun obbligat li jaderixxi mal-Kodiċi ta’ Etika għar-Rappreżentanti Eletti fil-Kunsilli Lokali, liema kodiċi ngħata saħħa legali meta ġie inkluż bħala t-Tlettax-il Skeda tal-Att dwar Gvern Lokali (liema obbligu daħal permezz tal-emendi legali li saru fl-Att dwar Gvern Lokali fl-2019);
- It-twaqqif ta’ direttorat ġdid fi ħdan id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali bir-responsabbiltà dwar il-Finance u Procurement Compliance (liema direttorat twaqqaf f’nofs l-2021);
- L-obbligu legali (li daħal permezz tal-emendi li saru fl-2019) li fl-aħħar ta’ kull sena, kull kunsillier għandu jippreżenta rapport dwar il-ħidma tiegħu fil-qasam li għalih ikun responsabbli, liema rapporti għandhom jiġu inklużi fir-Rapport Amministrattiv;
- L-obbligu legali li kull kunsill jagħmel laqgħa annwali fejn fiha jippreżenta l-Pjan ta’ Ħidma (Business Plan) tiegħu għall-5 snin li jkunu ġejjin;
- Il-qsim tal-appraisal tal-performance tas-Segretarji Eżekuttivi bejn il-kunsill u d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali;
- Il-fatt li Segretarju Eżekuttiv hu meqjus bħala uffiċjal pubbliku sakemm ikun fil-kariga jirrendih suġġet li jaderixxi mal-Public Service Management Code u r-regolamenti u proċeduri applikabbli għall-uffiċjali fis-Servizz Pubbliku.
Heritage Malta – ħruġ ta’ permessi għal attivitajiet fit-tempji Megalitiċi u Neolitiċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi minn Heritage Malta mill-2017 'l hawn sabiex isiru attivitajiet fit-tempji Megalitiċi u Neolitiċi madwar Malta u Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat minn Heritage Malta li mill-2017 'l hawn inħarġu 12-il permess sabiex isiru attivitajiet fit-tempji Megalitiċi u Neolitiċi ġewwa Malta u Għawdex. Dawn saru ġewwa s-siti rispettivi kif indikat hawn taħt:
- Tempji tal-Ġgantija – 4
- Tempji ta’ Ħal Tarxien – 1
- Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim – 7
Intant, infurmat ukoll li ġewwa s-sala taċ-ċentru tal-Viżitaturi ta’ Ħagar Qim saru wieħed u tletin attività.
Kunsill Lokali Marsaskala — rakkomandazzjonijiet dwar bini mill-ġdid tal-ex-Jerma Hotel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’rakkomandazzjonijiet saru mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala dwar il-bini mill-ġdid tal-Eks Jerma Hotel?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala aktar minn darba esprima ruħu li mhux kuntent bis-sitwazzjoni preżenti fis-sit tal-Jerma.
Ninsab infurmat mill-istess Kunsill Lokali li dan iltaqa’ mas-sidien tas-sit ’il fuq minn sena ilu fejn dawn kienu spjegaw li għandhom proposti in line mad-development brief, liema development brief ħareġ mill-Planning Authority u mhux mill-iżviluppatur.
Il-Kunsill iħares ’il quddiem biex jesprimi l-pożizzjoni tiegħu jekk ikun hemm applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-familji/individwi megħjuna miċ-Ċentri LEAP matul is-sena l-oħra u f’liema ċentri ġew megħjuna? X’tip ta’ għajnuna ngħataw?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu, fir-rigward taċ-Ċentri li li ġew assorbiti mill-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunità (ACTS), hija kif tidher fit-tabelli t’hawn taħt:
Agency for Community and Therapeutic Services - Community Service: Jan-Jun 2022
No. of individuals
Birkirkara
60
Cottonera
148
Mosta
87
Msida
34
Northern Harbour
6
Paolo Friere
69
Qawra
186
Southern
139
Valletta
92
Western
77
Zabbar
84
Total
982
FSWS
Gozo Branch - Community Service: Jan-Jun 2022
No. of individuals
Marsalforn Community Centre
78
Generic Social Work Service (Victoria Centre)
218
Total
296
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6435, jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx vittmi ta’ vjolenza domestika li għadhom jistennew shelter? Kemm ilhom jistennew sabiex jingħataw dan is-servizz tant importanti għalihom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa m'hemm l-ebda persuna vittma ta' vjolenza domestika li teħtieġ xelter għall-protezzjoni tagħha/tiegħu jew terzi fil-kustodja tagħhom li qed tistenna biex tiddaħħal f’tali xelter. Kull persuna li talbet biex jew kellha bżonn tidħol ġo xelter b`emerġenza jew fi tranżizzjoni għal 2nd stage shelter ġiet akkomodata.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva – ftehim mal-kunsilli lokali dwar servizz taċ-ċentri ta’ matul il-jum
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li għandhom ftehim mal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva sabiex jibqa’ jingħata s-servizz taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum? Fiex jikkonsisti dan il-ftehim?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità preżentament għandha ftehim ma’ xi kunsilli lokali biex jiġi offrut Ċentru għall-Anzjanità Attiva f’dawn il-lokalitajiet: il-Mosta, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, is-Siġġiewi, in-Naxxar, tas-Sliema, l-Imsida, Birkirkara, Ħal Qormi, Santa Luċija, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Ħal Luqa, Pembroke u Santa Venera. F’dawn il-lokalitajiet il-kunsill lokali jipprovdi il-post fejn ikun offrut is-servizz taċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva filwaqt li l-AAKK tipprovdi s-servizz, inkluż l-impjegati. Iċ-Ċentri tar-Raħal Ġdid, Ħaż-Żebbuġ u tas-Swieqi jitmexxew mill-kunsill lokali permezz ta’ voluntiera u għalhekk l-AAKK ma tipprovdix ħaddiema minn tagħha imma toffri biss għalliema biex jipprovdu sessjonijiet ta’ tagħlim.
Parti minn dan il-ftehim ħafna drabi jinkludi wkoll t-trasport għall-membri biex jattendu iċ-Ċentru fejn jew jitħallas kollu mill-kunsill lokali jew inkella l-ispejjeż jinqasmu bejn iż-żewġ entitajiet. F’xi lokalitajiet it-trasport jitħallas kollu mill-AAKK.
Fil-każ taċ-Ċentri li jinsabu f’Ħad Dingli, il-Mellieħa, iż-Żejtun, iż-Żurrieq, Birżebbuġa, il-Ħamrun u Bormla l-AAKK tikkollabora mal-kunsilli lokali biex ikun ipprovdut trasport, sessjonijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja u ħruġ.
Korp tal-Pulizija, LESA u CPD – bidla fil-flotta tal-karozzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li tinbidel il-flotta tal-karozzi tal-Korp tal-Pulizija, tal-LESA u tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) għal waħda elettrika?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi fil-każ tal-Pulizija hemm il-ħsieb u diġà beda proċess biex ftit ftit, parti mill-flotta tal-karozzi tal-Korp tinbidel għal waħda elettrika. Biex dan iseħħ hemm bżonn ta’ strateġija ġdida ta’ mmaniġġar u għalhekk diġà beda x-xogħol kemm fil-garaxx tal-Pulizija kif ukoll fil-Kwartieri Ġenerali, biex eventwalment, fost xogħol ieħor, ikun hemm postijiet b’infrastruttura u b’unitajiet biżżejjed ta’ ċċarġjar ta’ vetturi, speċjalment minħabba l-kobor tal-flotta. Sadanittant waqt li diġà qed tintuża vettura elettrika fil-Korp, hemm tender għax-xiri ta’ seba' karozzi elettriċi għall-użu tal-Korp.
Fejn jirrigwardja l-LESA, infurmat li huwa l-ħsieb tal-Aġenzija li l-flotta tibda tinqaleb għal waħda elettrika. Fil-fatt dan il-proċess diġà beda hekk kif l-aġenzija għadha kif investiet fl-ewwel erba' karozzi kompletament elettriċi tagħha. Dawn jikkumplimentaw il-11-il vettura diġà mibdula fis-sena 2022 tat-tip hybrid.
Fir-rigward tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (DPĊ), ninsab infurmat li bħalissa id-DPĊ qed jagħmel evalwazzjoni għal vetturi li jintużaw għal trasport, biex dawn biż-żmien jinqalbu għal vetturi elettriċi. Id-DPĊ kien wieħed minn tal-ewwel li daħħal vettura elettrika u għamel seba’ snin prova. Bħalissa għandu fi ħdanu wkoll vetturi PHEV li jaħdmu kemm bil-batterija, kif ukoll bil-fuel u dawn jintużaw waqt xogħol ta’ salvataġġ. Fejn jidħlu l-vetturi tat-tifi tan-nar, dawn jinsabu fl-ewwel ġenerazzjoni tagħhom u allura jkun naqra prematur li l-qalba ssir minn issa.
Awtorità għall-użu responsabbli tal-Kannabis — indirizz
Question
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni twaqqfet l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis? X’se jkunu xogħol ta’ din l-Awtorità u l-għanijiet tagħha? Kemm se jaħdmu f’din l-Awtorità? Min huma l-professjonisti u kemm se jitħallsu? Kemm se jitħallas is-CEO u x’benefiċċji oħra għandu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-Awtorità twaqqfet u taħdem skont dak provdut fil-Kap. 628. Fir-rigward ta’ riżorsi umani tal-Awtorità, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsijiet parlamentari 6474 u 6477.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Paceville Town Management għadux jiffunzjona? Jekk iva, min huma l-membri? Kemm-il darba ltaqgħu l-membri mit-twaqqif tiegħu sena b'sena? Min huwa ċ-Chairperson? X'inhuma t-termini ta’ referenza tiegħu/tagħha? Kemm sigħat huwa/hija irid/trid jagħmel/tagħmel u kemm qed jitħallas/titħallas?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ripatrijati immigranti li daħlu f’Malta mill-2022 sal-lum?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi fis-sena 2022 ġew ritornati 974 persuna lejn il-pajjiż tal-oriġinu jew pajjiż ieħor, filwaqt li mill-1 ta’ Jannar 2023 sa 22 ta’ Marzu 2023 ġew ritornati 186 persuna lejn il-pajjiż tal-oriġinu jew pajjiż ieħor. Dan jinkludi ir-ritorn ta’ persuni li waslu Malta b’mod irregolari u kellhom it-talba tagħhom tal-ażil micħuda, u persuni li kienu qed jirresjedu f’pajjiżna b’mod irregolari.
Dipartiment tal-Edukazzjoni – servizz/għajnuna lill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' servizz/għajnuna qed jagħti d-Dipartiment tal-Edukazzjoni lill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li r-responsabilità tal-proċess edukattiv fil-Faċilità Korettiva hija f’idejn it-taqsima tal-Kura, Reintegrazzjoni u Edukazzjoni fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li min-naħa tagħha tikkollabora u taħdem fil-qrib mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ġiet impjegata persuna inkarigata mill-edukazzjoni b’mod speċifiku, dejjem fi ħdan it-taqsima msemmija aktar 'il fuq. Din il-persuna hija għalliema u setgħet taħdem fi ħdan l-Aġenzija wara li sar xogħol bejn iż-żewġ Ministeri rispettivi. Dan l-uffiċjal huwa responsabbli mill-aspett edukattiv tal-priġunieri.
Iżda aktar minn hekk l-Aġenzija taħdem fil-qrib ma’ istituzzjonijiet oħrajn bħalma huma l-MCAST, anke grazzi għall-MOU li kien ġie ffirmat fl-2021, fejn mhux biss hemm priġunieri li jmorru jieħdu korsijiet fl-MCAST iżda anke qed jmorru għalliema ta’ suġġetti vokazzjonali u snajja’ differenti sabiex dawk li mhux possibbli joħorġu, xorta waħda jkunu jistgħu jsegwu kors.
Pari-passu ma’ dan, it-taqsima tal-Kura, Reintegrazzjoni u Edukazzjoni taħdem ukoll fil-qrib mad- dipartiment tal-Life Long Learning u anke ma’ Jobsplus.
Wieħed għandu jifhem li l-kompetenzi edukattivi tal-priġunieri jkunu fuq livelli differenti u għalhekk wara li jkun sar l-assesjar propizju, wieħed jara x’korsijiet ikunu adattati għall-individwu.
Bħala regola ġenerali, apparti korsijiet fi snajja’ bħal dawn fl-injam, elettriku u hairdressing jingħataw korsijiet ukoll fl-Ingliż, matematika u anke lingwi oħra skont it-talba. Il-prinċipju ġenerali li jixpruna t-taqsima dejjem ikun dak li l-korsijiet li jiġu segwiti jkunu akkreditati sabiex il-priġunieri jkunu jistgħu jieħdu magħhom ċertifikat li jservihom żgur meta jaslu biex joħorġu mill-faċilità.
Jeżistu diversi stejjer ta’ suċċess fosthom persuni li ħadu korsijiet fil-livelli ta’ Masters u anke li taw eżamijiet oħrajn. L-edukazzjoni tibqa’ parti importanti mill-proċess rijabilitattiv u ta’ reintegrazzjoni u huwa għalhekk li l-Aġenziija tpoġġi dan fuq quddiem nett.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhu jsir biex tiġi mħarsa s-saħħa mentali ta' persuni li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet: Parkinson's Disease, Fibromyalgia, Cystic Fibrosis, ALS u Alzheimer's Disease?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 7173.
Monitoraġġ ta’ persuni b’mard mentali li jgħixu fil-komunità
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hawn persuni b’mard mentali li jgħixu fil-komunità u kemm-il darba jkunu mmonitorjati?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-komunità hemm 10,016-il persuna b’mard mentali u dawn jiġu mmoniterjati skont il-bżonn u l-urġenza tal-pazjent.