Legislature:
Category:
Reset
Active:

MBR – passi kontra Fondazzjoni li ma ppreżentatx audited accounts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa jew qed jieħu l-Malta Business Registry (MBR) kontra l-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qatt ma ppreżentat audited accounts fl-aħħar ħames snin? Jekk le, jista’ jgħid għalfejn ma ttiħdux passi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-accounts tal-Fondazzjonijiet jiġu sottomessi lill-Kummissjoni tal-Organizzazzjonijiet Volontarji u mhux mal-MBR.

Persuni li ntbagħtu l-ħabs minħabba nuqqas ta’ aċċess għall-minuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ntbagħtu l-ħabs effettiv minħabba nuqqas ta' aċċess għall-minuri skont l-artikolu 338(ll) tal-Kodiċi Kriminali, Kap. 9, u nuqqas ta' ħlas ta' manteniment skont l-artikolu 338(z) tal-Kap. 9 mill-2020 sal-lum? Minn dawn, kemm kienu ommijiet u missirijiet?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2020 kien hemm missier wieħed (1) illi weħel multa ta’ 50 ewro u missier ieħor weħel ammenda ta’ 50 ewro wara li nstabu ħatja dwar nuqqas ta' ħlas tal-manteniment, żewġ (2) ommijiet weħlu multa ta’ 50 ewro wara li nstabu ħatja fuq rifjut t’aċċess u omm minnhom weħlet 9 sentenzi ta’ detenzjoni effettiva. Għall-informazzjoni mitluba dwar is-snin 2021 u 2022 nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet 8414 u 9713. Filwaqt li fis-sena 2023 ma kien hemm l-ebda persuna li ntbagħtet l-ħabs minħabba nuqqas ta’ aċċess għall-minuri u/jew għal nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment.

Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji – passi kontra Fondazzjoni li ma ppreżentatx audited accounts

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ħa jew qed jieħu l-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji kontra l-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qatt ma ppreżentat audited accounts fl-aħħar ħames snin? Jekk le, jista’ jgħid għalfejn ma ttiħdux passi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandu informazzjoni ħażina għax l-organizzazzjoni inkwistjoni ssottomettiet l-audited accounts tagħha mal-istess uffiċċju kif mistenni. Għaldaqstant ma kienx hemm lok għal xi azzjoni mill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.

Qorti – l-aktar każ antik

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu l-iktar każ antik quddiem il-qorti li għadu ma nqatax?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aktar kawża li ilha għaddejja quddiem il-Qrati ta’ Malta u Għawdex sal-31 ta’ Mejju 2023 hija kif mniżżel fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-kamra. Ta’ min jinnota li l-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet huma appuntati li jinstemgħu din is-sena stess.

Project Green — social media spots

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ħlas biex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tagħmel social media posts bħala riklami għal Project Green? Kemm saru pagamenti s’issa?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 8769, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas involut huwa ta’ €5,000 fuq medda ta’ sitt xhur.

Bord tal-Appelli dwar l-Eko-Kontribuzzjoni – ħlas lill-President tal-Bord

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-ħlas mogħti lill-President tal-Bord tal-Appelli dwar l-Eko Kontribuzzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas applikabbli għall-persuna maħtura bħala President tal-Bord tal-Appelli dwar l-Eko-Kontribuzzjoni huwa ta’ €6,000 fis-sena.

Sit elettroniku uffiċjali tal-Gvern – ismijiet ta’ membri ta’ aġenziji u bordijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni biex is-sit uffiċjali tal-Gvern (www.gov.mt) m’għadux juri l-ismijiet tal-membri appuntati mill-Gvern tal-aġenziji u bordijiet tal-Gvern?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 9032.

Proġett tal-Imsida – press conference – nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-press conference tal-ftuħ tal-proġett tal-Imsida?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-proġett ta’ Msida Creek, Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru ssottomettiet pjanti ġodda b’faċilitajiet aktar siguri għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar, inkluż mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti. Id-disinn propost għal dawn it-toroq se jelimina l-ħin ta’ stennija tat-traffic lights, kif ukoll inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u r-riskji ta’ aċċidenti tul din ir-rotta arterjali, waqt li jtejjeb il-kwalità tal-arja fil-qalba tal-Imsida u f’żoni oħra fil-viċinanzi. L-ispejjeż fir-rigward tal-press conference ammontaw għal total ta’ €4,213, liema spejjeż tħallsu bejn il-Ministeru u Infrastructure Malta.

Mosta – nefqa fuq triq u roundabout

Question

Jista’ l Ministru jgħid kemm ġiet tiswa r-roundabout ta’ quddiem il-Lidl fil Mosta? Jista’ jgħid ukoll fiex kienet tikkonsisti n-nefqa tat-triq, inkluż ir-roundabout?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor Iterpellant li x-xogħol ta’ Triq id-Difiża Civili ġie jiswa madwar €1.7 miljuni. Ix-xogħol ikkonsista fi bdil ta’servizzi, xogħol ta’ tqegħid ta’ cables tad-dawl, xogħol ta’ ilma tax-xorb, kostruzzjoni mill-ġdid tal-pedamenti tat-triq, asphalt u introduzzjoni ta’ bankini w cycle lane tul it-triq.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Ħaddiema tal-Kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema mal-kuntrattur fid-dekasteru tiegħu, u f’liema rwoli?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Ministeru u d-dekasteru tiegħu hemm total ta 107 ħaddiema mal-kuntrattur. Dawn ikopru rwoli ta’ Security, Cleaners, Receptionists u Accountancy.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Ħaddiema tal-Kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema mal-kuntrattur fid-dekasteru tiegħu, u f’liema rwoli?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru u d’dekasteru tiegħi kollhu b’kollox hemm 904 ħaddiem tal-kuntrattur li jinsabu fi rwoli diversi bħal securities, cleaners, receptionists, clerks, nurses u careworkers f’Resource Centres, IT support u kif ukoll accounts.

Ministeru għall-Ġustizzja — Ħaddiema tal-Kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema mal-kuntrattur fid-dekasteru tiegħu, u f’liema rwoli?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. interpellant li sal-aħħar ta’ Mejju 2023 kien hemm 107 ħaddiema tal-kuntrattur jaħdmu f’dan id-dekasteru. Dan huma ingaġġati f’xogħlijiet ta’ tindif, sigurtà, messaġġiera, receptionists, klerikali u customer care.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Ħaddiema tal-Kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema mal-kuntrattur fid-dekasteru tiegħu, u f’liema rwoli?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 1,433 ħaddiem tal-kuntrattur ingaġġati ma’ dan id-dekasteru, kważi kollha fir-Residenza San Vinċenz de Paul, fejn jagħmlu xogħol bħala infermieri, carers u cleaners. Minn dan it-total, tliet ħaddiema biss huma ingaġġati mal-Ministeru u l-Awtorità għall-Istandards fil-Kura Soċjali, fejn jagħmlu xogħol ta’ tindif u klerikali. Irid jiġi nnotat ukoll li l-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jixtri s-servizzi mingħand il-kuntratturi bis-sigħat u mhux permezz ta’ headcount.