Sessjonijiet ta' Aqra Miegħi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sessjonijiet tal-qari bil-Malti tat-tfal bejn is-snin 0-3, magħrufa bħala 'Aqra Miegħi', baqgħu ma bdewx f’kull lokalità kif kien isir qabel, issa ladarba ma għadx hemm ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19? Jista’ jgħid f’liema lokalità kienu jsiru qabel il-pandemija (sena 2019) u fejn qed isiru illum (sena 2022)?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sessjonijiet ta’ ‘Aqra Miegħi/Read with Me’ reġgħu bdew isiru fiżikament fi Frar tal-2022 wara assenza ta’ sentejn minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija COVID-19.
F’Diċembru 2019 il-programm ‘Aqra Miegħi/Read with Me’ kien qed isir f’59 lokalità jiġifieri f’Ħ’Attard, il-Baħrija, Birkirkara, Birżebbuġa, Ħad-Dingli, il-Fgura, il-Furjana, il-Gudja, Għajnsielem, l-Għarb, il-Għargħur, l-Għasri, Ħal Għaxaq, il-Gżira, il-Ħamrun, il-Kalkara, Ta’ Kerċem, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, il-Marsa, Marsascala, Marsaxlokk, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, l-Imqabba, l-Imsida, l-Imtarfa, il-Munxar, in-Nadur, in-Naxxar, Paola, Pembroke, il-Qala, il-Qawra, Ħal Qormi, il-Qrendi, ir-Rabat, Ħal Safi, San Ġwann, San Lawrenz, Ta’ Sannat, Santa Luċija, l-Isla, is-Siġġiewi, Tas-Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, is-Swieqi, Ħal Tarxien, il-Belt, il-Birgu, ix-Xagħra, ix-Xewkija, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, iż-Żejtun u ż-Żurrieq.
Preżentement, f’Ġunju 2022, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qed toffri l-programm f’37 lokalità. Dawn huma Ħ’Attard, Birkirkara, Ħad-Dingli, il-Fgura, il-Gudja, Għajnsielem, l-Għarb, il-Għargħur, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, l-Iklin, il-Kalkara, Ta’ Kerċem, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, Marsascala, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, l-Imtarfa, il-Munxar, in-Nadur, in-Naxxar, Pembroke, il-Qala, il-Qawra, il-Qrendi, Ħal Safi, San Ġwann, Ta’ Sannat, Santa Luċija, is-Siġġiewi, is-Swieqi, Ħal Tarxien, il-Birgu, Ħaż-Żabbar, u ż-Żejtun.
L-Aġenzija beħsiebha jkollha l-programm jopera f’kull lokalità (kunsill lokali) ta’ Malta u Għawdex biex hekk tkun tista’ tilħaq l-akbar firxa ta’ familji possibbli. Ma kienx possibbli li s-sessjonijiet jibdew f’kull lokalità mal-ewwel peress li jridu jiżdiedu u jitħarrġu l-animaturi, u f’xi lokalitajiet l-Aġenzija għadha ma sabitx post xieraq għall-istess sessjonijiet.
Waqt il-pandemija u sal-lum, Ġunju 2022, is-sessjonijiet ta’ ‘Aqra Miegħi/Read with Me’ għadhom qed isiru wkoll online erba' darbiet kuljum, ħaġa li qabel il-pandemija ma kinitx issir.