Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju/rapport fuq l-istat li tinsab fih Triq Sir Harry Luke, fl-Imġarr?
Response (FARRUGIA, AARON)
Fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali tal-Gvern għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja.
Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn.
Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Bħalissa fil-fatt għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq, fosthom Triq iż-Żebbiegħ, Sqaq in-Naħal u triq rurali ħdejn Ras il-Wied, fil-lokalità tal-Imġarr. It-triq indikata, Triq Sir Harry Luke, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabbiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsilli lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.
Allied Health Professionals – uniformijiet tal-impjegati
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid wara r-risposta ta' mistoqsijiet parlamentari 1649 u 1041, meta l-Allied Health Professionals se jingħataw l-uniformijiet li huma intitolati għalihom (żewġ settijiet ta’ tunic u qliezet, u cardigan fis-sena) li ma ngħatawx fl-2021 u fl-2022 s’issa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa d-Direttorat ikkonċernat jinsab fil-proċess biex joħroġ is-sejħa għall-offerti.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-outdoor gym u l-ground tal-5-a-side li jinsabu f'Ta' Qali ħdejn l-MFCC ma jinxtegħelx dawl fihom billejl?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-elettriku jinsab temporanjament sospiż minħabba x-xogħolijiet li qed isiru fil-park ta’ Ta Qali. Infurmata wkoll li l-Enemalta se tkun qed tikkordina mal-Ministeru responsabbli minn dawn ix-xogħolijiet.
Imtarfa, Ħad-Dingli, Imdina u Mmġarr – għases tal-pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jagħti l-ħinijiet li fihom jiftħu l-għases tal-Imtarfa, Ħad-Dingli, l-Imdina u l-Imġarr? Jista’ jgħid kemm ikun hemm uffiċjali tal-pulizija preżenti f'kull għassa msemmija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi, għajr l-Għassa tal-Imtarfa li topera bħala Uffiċċju għall-Pulizija tal-Komunità, l-għases indikati mill-Onor. Membru ġeneralment ma jkunux miftuħa. Madankollu, fil-każ tal-lokalitajiet tal-Imtarfa, Ħad-Dingli u l-Imdina, dawn iż-żoni huma koperti mill-Pulizija tad-distrett tar-Rabat, liema għassa hija miftuħa 24 siegħa kuljum, fejn dawn jilħqu l-bżonnijiet tar-residenti kif meħtieġ. Dwar l-Imġarr ir-residenti huma koperti mill-għassa tal-Mosta li hi responsabbli għal din iż-żona li wkoll hija miftuħa 24 siegħa kuljum. Ta’ min jirrimarka li l-lokalitajiet tal-Imdina, Ħad-Dingli u l-Imtarfa, huma koperti wkoll mill-Pulizija tal-Kommunità li joperaw mill-għassa tal-Imtarfa u huwa pjanat illi sa l-aħħar tas-sena, l-Imġarr ikun kopert ukoll minn din it-taqsima. Il-lokalitajiet kollha jintlaħqu malajr mir-ronda regulari li ssir mill-membri tal-RIU permezz tal-vetturi tagħhom, kif ukoll minn sezzjonijiet oħra bħal kavallerija u s-sezzjoni tal-klieb. Ma’ kull waħda minn dawn l-għases hemm stallata sistema ta’ intercom, li permezz tagħha l-pubbliku jista’ jikkomunika mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, għall kull assistenza kif hemm ukoll il-faċilità illi kulħadd jista’ jagħmel rapport online. Dan kollu jsir fid-dawl tal-istrateġija ġdida tal-Pulizija li ġiet introdotta fix-xhur li għaddew u li tiffoka fuq miżuri preventivi. Dan jippermetti li ikun hemm aktar rondi mill-Pulizija li fl-istess ħin ikunu aktar involuti u qrib il-pubbliku, minflok dawn ikunu fl-għases jistennew il-każijiet.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta nxtraw is-sodod li jintużaw f'kull sala li hemm fl-Isptar Mount Carmel u meta ser jinxtraw dawk ġodda?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-2009 u 2021 inxtraw 150 sodda għal-Isptar Mount Carmel u 94 sodda oħra gew moghtija b’donazzjoni minn Mater Dei.
National Health Strategy 2020-2023 – bini ta’ sptar ġdid
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'liema stat wasal ix-xogħol fuq il-bini u l-ippjanar ta' sptar ġdid hekk kif kien maqbul li jsir fin-National Health Strategy 2020-2023?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jidentifika għal liema sptar qed jirreferi.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm istanzi f'dawn l-aħħar ħames snin fejn pazjenti li jkunu qed jieħdu kura fil-qasam tas-saħħa mentali ġewwa l-Isptar Mount Carmel kienu qed jiġu ttrattati fl-istess sala ma’ persuni li jkunu waqgħu f'vizji bħal droga, alkoħol jew użura?
Response (FEARNE, CHRIS)
Waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-Isptar Monte Carmeli hemm swali imsejħa Dual Diagnosis Units għal min ikun qed ibati minn mard mentali, direttament relatat ma l-użu tad-droga, nitolbu jispeċifika jekk hux qed jissuġġerixxi illi persuni li xi darba f’ħajjithom ikunu għaddew minn xi problema tad-droga, alkoħol jew użura għandhomx ikunu segregati mill-kumplament tas-soċjetà meta jkollhom bżonn kura medika. Jekk dan hu s-sentiment tal-Onor. Interpellant allura ċar li jien ma naqbilx mieghu.
Ċentri tas-Saħħa – lista ta’ stennija għal appuntamenti ma’ fiżjoterapista u podjatra
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-lista ta' żmien ta' stennija għall-appuntamenti ma’ fiżjoterapista u podjatra f'kull berġa u ċentru tas-saħħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għas-servizzi tal-Podjatrija u l-Fiżjoterapija fiċ-Ċentri tas-Saħħa u l-Kliniki tal-Komunità jvarjaw minn 3 ġimgħat għall-fiżjoterapija għal madwar 4 xhur għas-servizzi tal-podjatrija.
Edukaturi u LSEs- taħriġ lill-għalliema fuq mental first aid
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1008, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm edukaturi b'kollox fil-qasam tal-edukazzjoni u kemm minnhom għamlu dan il-kors tal-Mental Health First Aid? Jista' jagħti din l-informazzjoni wkoll fir-rigward tal-LSEs?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 4574 edukatur (Kapijiet ta’ Dipartiment, Għalliema, Supply Teachers u Kindergarten educators) impjegati mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, kif ukoll 2586 LSEs.
45 Uffiċjal għamlu il-kors tal-Mental Health First Aid. Dawn kienu jinkludu 6 Uffiċċjali Edukattivi, 13 HoDs, 6 Kapijiet tal-Iskejjel, 5 Counsellers u 15 guidance teachers li attendew fuq perjodu ta’ tlett ijiem ta’ taħriġ f’Ottubru li għadda.
Postijiet ta' akkomodazzjoni soċjali lir-Richmond Foundation
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1009, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex fix-xhur li ġejjin jingħataw xi postijiet ta' akkomodazzjoni soċjali lir-Richmond Foundation bil-għan li jagħtu lura akkomodazzjoni lil nies li jbatu minn problema ta' saħħa mentali?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed jitħejja pjan dwar liema proprjetajiet jistgħu jiġu allokati għal skop ta’ Housing Speċjalizzat, li jinkludi s-servizzi offruti mir-Richmond Foundation. Deċiżjoni dwar liema għaqdiet volontarji se jibbenefikaw minn dawn il-proprjetajiet tittieħed iżjed 'il quddiem.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1021, jista' l-Ministru jgħid għaliex fir-Rabat, Malta, ma reġax qed isir il-programm 'Aqra Miegħi' meta l-istess infrastruttura fejn kien isir fiha qabel baqgħet teżisti u tiffunzjona?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-Rabat, Malta huwa wieħed mill-postijiet fejn l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se terġa’ tipprovdi l-programm ‘Aqra Miegħi/Read with Me’ fil-ġimgħat li ġejjin. L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qiegħda tiftaħ iċ-ċentri madwar il-pajjiż kollu wara li tħarreġ l-animaturi u tikkonsulta mal-kunsilli lokali u fejn japplika, ma’ Malta Libraries.
L-infrastruttura edukattiva mhux tagħmel biss referenza għall-bini, iżda għandha tħares minn lenti iktar wiesgħa li tinkludi edukaturi tal-għola livell li jingħataw taħriġ neċessarju.
Dipartiment tas-Saħħa — uniformijiet tal-impjegati
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li l-allied health professionals kollha ingħataw l-uniformijiet msemmija u meta sar dan lil kull allied health professional tul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Allied Health Professionals l-aħħar li ngħataw l-uniformijiet kien fl-2020.
Dwar il-proġett li qed jiġi propost li jsir ġewwa Marsaxlokk fuq art tal-Gvern/car park u l-binja ta’ Home u mass project, jista’ l-Ministru jgħid x’impatt jista’ jkollu fuq ir-residenti li jgħixu fl-akkwati fejn jidħol ambjent/light pollution u sound pollution? Huwa minnu li dan ikun qed imur kontra dak li l-Gvern ippropona fil-Manifest Elettorali tiegħu fejn jidħol ambjent aħjar għaċ-ċittadini? Saru studji f’dan ir-rigward? U jekk iva, jista’ jippubblikahom?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Infurmat li l-Onor. Interpellant qiegħed jagħmel referenza għall-applikazzjoni PA8310/21(Outline application for the Construction of a sports hostel for team players (Class 3A) and seating stands for the existing M’Xlokk pitch. Excavation and construction of an old people’s home (Class 2A) with an integrated and enlarged public garden. Construction of additional facilities for the locality including a sports child care center (Class 2C), Marsaxlokk social club, and sport related (Class 4B) shops, Class 4C shops, and a physiotherapy clinic.), liema applikazzjoni għadha qed tiġi proċessata skont il-proċeduri tal-Awtorità tal-Ippjanar. Dwar l-istudji relatati li saru mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), nitolbu jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 1314.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux ser jiġu mgħottija katusi li saru biex jinżel l-ilma tax-xita minnhom, fir-riġenerazzjoni tat-taraġ fis-Saqqajja l-Imdina?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bi proġett b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imdina biex isebbaħ iż-żona tat-taraġ u l-belvedere tas-Saqqajja. Ix-xogħlijiet qed isiru wkoll f’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali minħabba l-kuntest storiku tal-inħawi u l-bini tal-madwar.
Qabel ma t-taraġ u l-bankini tal-madwar bdew jinksew b’ċangatura tal-qawwi li nġiebet minn Għawdex, inbidlu s-servizzi tal-ilma u katusi tad-drenaġġ, ġew imtejba s-sistemi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita fl-istess żona u anke ġew mgħoddijin pajpijiet f’każ li 'l quddiem jiżdied id-dawl dekorattiv u d-dawl tat-triq. Il-pajpijiet li qed issir referenza għalihom huma installazzjoni temporanja sakemm ikunu lesti mwieżeb tal-ġebel li jaqblu mal-ambjent tal-inħawi, bi qbil mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, u li se jitwaħħlu fil-ġimgħat li ġejjin. Il-proġett, li hu stmat li se jiswa madwar €500,000, għandu jkun lest fil-bidu tax-xahar id-dieħel.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux ser jiġu mgħottija katusi li saru biex jinżel l-ilma tax-xita minnhom, fir-riġenerazzjoni tat-taraġ fis-Saqqajja l-Imdina?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jindika jekk hux ser isir ‘hand railing’ fit-taraġ li sar bħala parti mill-proġett ta’ Triq it-Tagħbija fir-Rabat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Dan il-proġett kien jinkludi l-bini mill-ġdid tar-rotta ta’ Triq Għeriexem u Triq tat-Tabija fuq pedamenti aktar b’saħħithom, biex rażżan snin twal ta’ ħsarat ikkawżati miċ-ċediment tal-art taħt l-istess toroq, kif ukoll belvedere ġdid b’bankini u punti ta’ qsim aktar siguri f’żona li qabel ma kien fiha l-ebda infrastruttura għal dawk li jgħaddu minnha bil-mixi. Din ir-rotta issa fiha wkoll aktar spazji għall-parkeġġ, stazzjon għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi, l-ewwel mogħdijiet solari f’Malta, dawl dekorattiv, bankijiet u ringiela konok b’40 siġra ġdida u pjanti oħrajn.
Ix-xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta f’dawn it-toroq ma kinux jinkludu bini mill-ġdid ta’ turġien f’din ir-rotta. Fi Triq tat-Tabija, li tibda minn kantuniera ma’ Vjal il-Ħaddiem sa kantuniera ma’ Triq Santa Rita, m’hemm l-ebda turġien. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għat-turġien li hemm fi Triq Doni, allura din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru responsabbli mix-xogħlijiet f’din it-triq bħala parti minn ħidmiet separati mill-proġett tal-Għeriexem.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir ‘patroling’ mill-community police fl-inħawi tal-Virtù r-Rabat Malta u jekk hemmx xi ‘data’ li tindika dan? Jikkonferma li jsir infurzar fuq oġġetti/makkinarju/inġenji li m’għandhomx liċenzji li joqogħdu fit-triq?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi fir-Rabat li tinkludi iż-żona tal-Virtù, il-Pulizija tal-Komunità ilha topera minn Awwissu 2020. Ir-rondi jsiru fi kwalunkwe żona ta’ lokalità koperta minnhom. Madankollu minħabba l-moviment kontinwu ma jinżammux dettalji speċifiċi tal-lokalitajiet li jiġu koperti. Rondi oħra regolari jsiru mit-taqsima tal-RIU. Isiru wkoll mill-Pulizija tad-distrett, skont id-disponibilità tagħhom. Dwar vetturi u oġġetti oħra abbandunati fit-toroq, li jeħtiġilhom, imma ma jkunux koperti b’liċenzji, tittieħed azzjoni meta dawn jintlemħu, kif isir għal kull ksur tal-liġi. Fil-fatt ftit tal-ġranet ilu nstab tali oġġett fiż-żona u diġà nbdew il-proċeduri legali stabbiliti sabiex jitneħħa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każ fejn persuni tħallew mingħajr aċċess għal darhom waqt xogħlijiet li qed isiru fi Triq Toni Farrugia, ir-Rabat, u għaliex ma tħalliex aċċess? Jista’ jgħid hux qed issir komunikazzjoni mar-residenti meta jkun ser jingħalaq kompletament l-aċċess, anke bil-mixi, lir-residenti? Jingħata kumpens f’każ li persuni jkollhom iħallu darhom minħabba f’hekk?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li Triq Toni Farrugia tinsab fiż-żona t’Għeriexem fir-Rabat fejn Infrastructure Malta wettqet proġett li kien jinkludi l-bini mill-ġdid tar-rotta ta’ Triq Għeriexem u Triq tat-Tabija fuq pedamenti aktar b’saħħithom, biex rażżan snin twal ta’ ħsarat ikkawżati miċ-ċediment tal-art taħt l-istess toroq, kif ukoll belvedere ġdid b’bankini u punti ta’ qsim aktar siguri f’żona li qabel ma kien fiha l-ebda infrastruttura għal dawk li jgħaddu minnha bil-mixi. Din ir-rotta issa fiha wkoll aktar spazji għall-parkeġġ, stazzjon għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi, l-ewwel mogħdijiet solari f’Malta, dawl dekorattiv, bankijiet u ringiela konok b’40 siġra ġdida u pjanti oħrajn.
Wara li lestiet dan il-proġett, l-aġenzija bdiet ittejjeb ukoll toroq oħrajn fiż-żona fosthom Triq Toni Farrugia li qed tinbena mill-ġdid bħalissa. Ix-xogħljiet f’din it-triq jinkludu bdil u tqegħid ta’ pajpijiet u katusi tas-sistemi taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u drenaġġ, esetensjoni tas-sistema għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u bini ta’ bankini ġodda qabel ma jissaħħu l-pedamenti u jsir wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt.
L-aċċess bil-mixi għad-djar kollha tat-triq dejjem baqa’ miftuħ f’kull ħin u mhux veru li qed “jingħalaq l-aċċess kompletament”. Naturalment, waqt ċerti xogħlijiet, bħal meta jsir tħaffir ta’ trinek jew kisi bl-asfalt, l-aċċess għall-vetturi (mhux dak pedonali) jkun limitat sabiex tiġi żgurata s-saħħa u s-sigurezza kemm tas-sewwieqa kif ukoll tal-ħaddiema. Barra minn hekk, waqt xogħlijiet bħal dawn, jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni biex il-partijiet tat-triq fejn ikun qed isir ċertu xogħol jiġu mdawra b’barrikati jew sistemi simili sabiex ma jkunux ta’ periklu pubbliku, mingħajr ma jingħalaq l-aċċess pedonali ghall-bini tal-istess triq.
Infrastructure Malta taħdem biex tlesti x-xogħlijiet fl-inqas żmien possibbli, filwaqt li tiżgura li l-inkonvenjenti inevitabbli waqt il-bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali bħal din, jitnaqqsu kemm jista’ jkun, fl-aħjar interess ta’ dawk li jgħixu u jaħdmu fihom, jew jivvjaġġaw minnhom.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il infermier iggradwa mill-kors offrut fis-settur mill-MCAST wara li ntlaħaq qbil mal-Università ta’ Northumbria? Kemm minnhom illum qed jaħdmu fis-settur pubbliku? Kemm hi n-nefqa ta’ dan il-kors fis-sena u kif inhi maqsuma l-ispiża?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 38 studenti li gradwaw bħala infermiera mill-MCAST li minnhom 34 ġew impjegati mas-Servizz Pubbliku. Għall-kumplament tat-tagħrif nitolbu jirreferi lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il infermier iggradwa mill-kors offrut fis-settur mill-MCAST wara li ntlaħaq qbil mal-Università ta’ Northumbria? Kemm minnhom illum qed jaħdmu fis-settur pubbliku? Kemm hi n-nefqa ta’ dan il-kors fis-sena u kif inhi maqsuma l-ispiża?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ infermiera gradwati mill-kors offrut fis-settur mill-MCAST wara l-ftehim milħuq mal-Università ta’ Northumbria hu kif elenkat:
Sena akkademika 2019/2020 - 18-il gradwat
Sena akkademika 2020/2021 - 20 gradwat
Il-pagament lill-Università ta’ Northumbria fis-sena 2021 laħaq is-somma ta’ Euro 256,018.01. Il-qbil eżistenti bejn iż-żewġ entitajiet jesiġi pagament ta’ 2500 Sterlina fis-sena għal kull student reġistrat.
Dawn l-ispejjeż ikopru:
1. Taħriġ u superviżjoni tal-letturi tal-MCAST li jgħallmu fil-BSc Nursing minn letturi tal-Università ta’ Northumbria fuq bażi kontinwa.
2. Aċċess għal materjal didattiku għall-istudenti u li huwa aċċessibbli biss għal studenti tal-Università ta’ Northumbria.
3. Aċċess għal-librerija ta’ kotba, dokumenti u videos tal-Università ta’ Northumbria, għall-istudenti u l-letturi tal-MCAST.
4. Aċċess għal software speċjalizzat liċenzjat, għall-istudenti u l-letturi, u li għalih l-MCAST ma jħallas l-ebda liċenzja.
5. Aċċess għall-programm akkademiku tal-BSc Nursing offrut mill-Universita’ ta’ Northumbria b’adattamenti għall-kuntest Malti.
6. External examiners biex jivverifikaw ir-riżultati tal-istudenti fl-aħħar ta’ kull sena akkademika.
7. Immaniġġjar tas-sistema interna tal-kwalita’ tal-Università ta’ Northumbria f’dak kollu li għandu x’jaqsam mad-delivery tal-BSc Nursing fl-MCAST.