Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transcranial Magnetic Stimulation Machine

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-settur tas-saħħa pubbliku għandux Transcranial Magnetic Stimulation (TMS) machine u jekk hux qed tintuża? Jista’ jgħid kif isiru l-appuntamenti u kemm-il appuntament isir ta’ kuljum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-settur tas-saħħa pubblika għandu apparat ta Transcranial Magnetic Stimulation (TMS). Din il-magna tintuża biex jiġu trattati pazjenti li jbatu minn kondiżżjonijet bħal depression u “obsessive compulsive disorder”, għal dawk li jkunu reżistenti għat-trattament ta’ mediċina u terapija. Mill-1 ta’ Jannar 2022 sa l-aħħar ta’ Settembru 2022, saru b’kollox 2859 sessjoni ta’ trattament u 600 sessjoni ta’ valutazzjoni.

Operazzjonijiet tal-oftalmoloġija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il operazzjoni relatata mal-oftalmologija ġiet posposta fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Ġunju u l-21 ta’ Settembru 2022 u x’kienu r-raġunijiet għall-posponiment/ikkanċellar ta’ dawn il-proċeduri?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1 ta’ Ġunju u l-21 ta’ Settembru 2022 saru 2063 operazzjonijiet tal-oftalmologija. Fl-istess żmien tħassru 135 operazzjoni għal ragunijiet mediċi tal-pazjent, 49 għax il-pazjent ma ġiex l-isptar, 128 minħabba problemi b’appart jew medical devices u 61 għal raġunijiet varji oħra.

Sptar Mater Dei – proċeduri tal-kataretti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li bejn l-1 ta’ Ġunju u l-21 ta’ Settembru 2022 ma kienx hemm biżżejjed provvisti fl-Isptar Mater Dei biex isiru proċeduri tal-kataretti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tender ġdid għax-xiri tat-tagħmir għall-proċedura msemmija, kellu diffikultajiet li issa qed jiġu indirizzati.

Etonox gas

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma kienx hemm perjodi fis-sena 2021 u fl-2022 fejn l-Etonox gas, li jintuża waqt il-ħlas u anke f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, kien out of stock u kemm dam out of stock? Jista’ jgħid x’kienet l-alternattiva għalih?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gas Entonox f’każ ta’ bżonn kliniku huwa disponibbli.

Saħħa mentali – baġit

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kien il-baġit propost li jintuża fil-qasam tas-saħħa mentali għall-2022 u kemm minnu fil-verità ġie investit u f’liema oqsma kategorizzati bħala terapija, edukazzjoni u prevenzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Budget fil-qasam tas-saħħa mentali għall-2022 kien Euro61,770,000.

Severe Disability Allowance

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux qed jiġi propost li jiġi emendat il-mod ta’ kif tingħata s-Severe Disability Allowance lil nies li jbatu minn problema ta’ saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Programm ta’ impjieg għal persuni li jkunu lestew programm ta’ terapija fil-kura tas-saħħa mentali inpatient

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx programm ta’ impjieg li persuni li jkunu lestew programm ta’ terapija fil-kura tas-saħħa mentali inpatient ikunu jistgħu jirrikorru għalih? Jista’ jikkonferma jeżistix dan il-programm mas-settur pubbliku?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi persuni li jbatu minn mard ta’ saħħa mentali li jkunu lestew it-terapija fil-kura tas-saħħa mentali u li jkunu ġew rilaxxati mill-isptar, jiġu mħeġġa sabiex jirreġistraw ruħhom mal-Fondazzjoni Lino Spiteri. Din il-Fondazzjoni toffri taħriġ ta’ xogħol u opportunitajiet ta’ integrazzjoni tax-xogħol għal nies vulnerabbli.

Rabat Malta: Triq it-Tiġrija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex reġgħet inqalgħet Triq it-Tiġrija, fir-Rabat Malta? Jista’ jgħid liema xogħol sar u min ħallas tax-xogħol li sar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li rriżultaw ħsarat f’parti żgħira biss mit-triq indakata, twila ftit aktar minn 3 kilometri bejn ir-Rabat u s-Siġġiewi, Infrastructure Malta ħadet miżuri biex din il-parti fuq in-naħa tas-Saqqajja ġiet imsewwija billi saret sodda tal-konkos bix-xibka u nksiet b’żewġ saffi t’asfalt.

Rabat: Triq Doni – Railing tat-taraġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-taraġ fi Triq Doni, ir-Rabat ma sarlux railing biex ikun aċċessibbli? Jista' jgħid jekk hux se jsir railing biex isir aċċessibbli?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Rabat – Triq tat-Tabija — traffic calming measures

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru xi tip ta’ ‘traffic calming measures' fi Triq tat-Tabija, ir-Rabat Malta, minħabba n-numru ta' inċidenti li jsiru li jinvolvu residenzi privati minħabba veloċità eċċessiva?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta qiegħda f’taħditiet ma’ Infrastructure Malta sabiex s-sitwazzjoni fi Triq it-Tabija tiġi għall-aħjar fejn tidħol sigurtà.

Berġa ta’ Ħad-Dingli – ġranet tal-ftuħ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kull meta tinfetaħ il-Berġa ta’ Ħad-Dingli u x’servizzi jingħataw minnha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Klinika fil-Komunità ta’ Ħad-Dingli tiftaħ kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Dawn huma is-Servizzi li jingħataw minnha: Is-Servizz immexxi mit-Tabib Is-Servizz immexxi mill-Infermiera Is-Servizz tal-Patoloġija tal-Lingwa Mitkellma Is-Servizz ta’ Psikologu / Benessri Mentali / Ħaddiem Soċjali

Sptar St Lukes – pixxina

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kull meta jsir tindif u tibdil tal-ilma tal-pixxina li tintuża fl-isptar ta’ riabilitazzjoni St Lukes Hospital, jekk hemmx xi skeda ta’ kull meta għandu jsir tindif u jinżammux records ta’ dan? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi testijiet li jsiru fuq pazjenti biex jiġi assigurat li ma jsofrux minn xi infezzjonijiet li jistgħu jiġu trasmessi minn persuna għal oħra qabel jużaw il-pixxina?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kuljum isir it-tindif neċessarju ġol pixxina ta’ riabilitazzjoni ta' St Lukes Hospital u ssir backwash minn tal-inqas darba kuljum. L-iskeda ta’ tindif issir taħt is-superviżjoni tat-terapisti responsabbli. Il-parametri jiġu ċċekkjati tliet darbiet kuljum u t-trattamenti kimiċi jiġu mniżżla fuq log sheets u darba fil-ġimgħa jsir sample minn terzi persuni indipendenti. Il-pazjenti kollha jiġu screened għal mard infettiv.

Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – numru ta’ infermiera u tobba

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa rikjest li jkun hemm tal-anqas infermiera u tobba f’kull shift ta’ xogħol fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei biex jaħdem b’mod normali? Jista’ jgħid kemm-il shift jeżisti u kemm-il infermier u tabib huwa mniżżel fih?

Response (FEARNE, CHRIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Rabat – Howard Gardens

Question

Jista’ l-Ministru jispjega min hu responsabbli miż-żamma tal-Ġnien u bandli ta' Howard Gardens u meta saret l-aħħar manutenzjoni fil-ġnien u l-għamara pubblika? Jista’ jispjega kull meta ssir it-tisqija tas-siġar u pjanti ta' dan il-ġnien u jekk jinżammx rekord ta' kull meta jsir dan?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbiltà taż-żamma tal-ġnien u l-bandli ta’ Howard Gardens hija tal- Kunsill Lokali tal-Imdina. Madankollu, permezz tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, qed jingħalaq il-proġett ta’ modernizzar fiż-żona li tinkludi l-bandli, u s-siġar qed jissaqqew kif indikat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Sptar Mater Dei: Ċentru tal-Onkoloġ-ija – Uffiċjali tas-sigurtà

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il uffiċjal tas-sigurtà jaħdem fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija fl-Isptar Mater Dei u f’kull berġa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ gwardjani tas-sigurtà li jaħdmu fl-Onkoloġija tal-Isptar Mater Dei matul il-ġurnata mit-Tnejn sas-Sibt huwa ta' sitta. Ħdud u Festi pubbliċi jaħdmu ħames gwardjani matul il-jum. Il-Primary HealthCare għandha uffiċjal tas-sigurtà wiehed f’kull Klinika tal-Komunità.

Ċentri tas-saħħa – ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan li ċ-ċentri tas-saħħa li preżentement jiftħu bil-preżenza ta' tabib mit-Tnejn sas-Sibt, jibdew jiftħu kuljum u b'ħinijiet itwal bi preżenza ta' tabib?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kuntrarju għal dak li kien jiġri taħt amministrazzjonijiet preċedenti, numru ta' Ċentri tas-Saħħa qed jibqgħu miftuħin il-Ħdud u l-Festi b’servizz ta’ infermiera.

Birkirkara – Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Birkirkara hux se jingħalaq għal xi ġimgħat/xhur? Jekk dan iseħħ, fejn ser jkun qed jingħata s-servizz ta' dan iċ-ċentru lir-residenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 2124.

Mdina: Triq l-Infetti – Ipparkjar ta’ coaches

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'sar mill-pjan li kien qed jiġi miftiehem mill-Kunsill Lokali Rabat u l-Ministeru ftit snin ilu, biex mezzi tat-trasport goffi (coaches) jipparkjaw fi Triq l-Infetti taħt l-Imdina minflok fejn il-Villa Rumana waqt li jkunu qed jistennew turisti jżuru r-Rabat u l-Imdina, biex jonqos l-inkonvenjent kemm lir-residenti kif ukoll il-viżwal tal-lokalità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi ricentement il-parking tal-coaches fiz-zona tar-Roman Villa gie ri-organizzat u jidher li s-sistema qieghda tahdem b’mod efficjenti.

Bereġ/ċentri tas-saħħa – appuntamenti għal servizz ta’ podjatrija u fiżjoterapija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kif jiġi deċiż jekk pazjent jingħatax appuntament f'berġa jew ċentru tas-saħħa għall-appuntament tal-Podjatrija u Fiżjoterapija? Liema mekkaniżmu jitħaddem u hemm proċeduri bil-miktub?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi appuntamenti għas-sevizz tal-Podjatrija jew Fiżjoterapija jingħata skont il-kundizzjoni medika individwali, waqt li jibqa' jsir l-aħjar użu tar-riżiorsi tad-dipartiment.