Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – Rabat — immaniġġar tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tittieħed azzjoni u jkun hemm uffiċjali ta’ Transport Malta fil-ħinijiet l-aktar li jkun hemm staġnar tat-traffiku fi Triq Ġorġ Borg Olivier, ir-Rabat, u ċjoè bejn is-6.00 a.m. u t-8.00 a.m. u n-12.30 p.m. u t-15.30 p.m.?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tat-Trasport qegħda f’kuntatt mal-Kunsill Lokali tar-Rabat biex jitfassal pjan ta’ azzjoni li permezz tiegħu jonqos il-periklu fi Triq Gorg Borg Olivier, ir-Rabat.

Rabat — proġett tas-Saqqajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest il-proġett tat-taraġ u l-madwar fis-Saqqajja (telgħa tas-Saqqajja)? Jista’ jgħid ukoll għaliex sar pavimentar, inqala’, reġa’ tweħħel ieħor, reġa’ nqala’ u issa sar tal-konkos minflok dak il-pavimentar li kien qed isir? Jista’ jagħti tabella tal-infiq kollu li sar f’dan il-proġett item, item?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pavimentar ta’ parti mill-bankina ġie mibdul għall-konkos minħabba l-fatt li tkisser mill-vetturi kbar li jieqfu fuqu b’mod illegali, fosthom trakkijiet tal-iskart u vannijiet tad-delivery. Fl-aħħar intervent li sar twaħħlu bollards biex kemm jista jkun jitnaqqas ir-riskju ta’ parkeġġ fuq l-bankina pavimentata. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra r-rendikont tal infiq.

Sptar Mater Dei – Sezzjoni Safra – lift li mhux jiffunzjona

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex wieħed mil-lifts li jaqdi l-użu tas-swali fis-Sezzjoni Safra tal-Isptar Mater Dei ilu minn Ġunju ma jiffunzjona?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi il-lift li semma huwa qdim u qed jinbidel kompletament. Sabiex il-mutur il-ġdid ikun jista jitpoġġa b’sikurta’, ser isir xogħol strutturali fil-parti tal-binja fejn hemm il-lift.

Testijiet tal-oftalmoloġija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn preżentement qed isiru t-testijiet tal-oftalmoloġija (f’liema sptar, bereġ jew ċentri tas-saħħa) lill-pazjenti u x’inhuma s-servizzi offruti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizzi tal-Oftalmologija isiru kif gej: Mater Dei Hospital Żjarat tal-Out Patients, topografija bil-laser, injezzjonijiet Avastin, OCT, IVFAs, u Ultra sound, kif ukoll servizz tal-katarretti, servizz Vitro Retinal, kirurġija tal- Glaucoma, kirurġija tal-Corneal u crosslinking tal- Corneal. Fil-waqt illi fil-qasam tal-Kura Primarja isiru: Eye Screening Service Glaucoma Screening Service Diabetic Retinopathy Screening Glaucoma Clinic

Proċess li tibda ssir il-kremazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-proċess biex tibda ssir il-kremazzjoni tal-iġsma mejtin f’Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentement qed isiru tħejjijiet minn-naħa tal-Awtorita tal-Ippjanar biex jinħarġu linji gwida għal bini ta krematorju f’Malta.

Allied Health Professionals – uniformijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser jingħataw l-uniformijiet lill-Allied Health Professionals wara li ilhom jistennew għal xhur u snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara li ħadd mill-bidders għall-aħħar tender ma laħaq ir-rekwiżiti mitluba, d-dipartiment tas-Saħħa bħalissa qed jirrevedi l-ispeċifikazzjonijiet sabiex jinħareg tender ġdid fis-suq miftuħ.

Il-Mosta — Ċentru tas-Saħħa - ftuħ ta' kliniċi jew spazji ġodda

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4029, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk infetħux kliniċi ġodda jew spazji ġodda biex jifilħu dan l-influss ta' pazjenti fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta li qabel ma kinux jużaw dan iċ-Ċentru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-għeluq temporanju taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara sar bi pjan ħolistiku. Is-Servizz tal-Flebotomija qed jingħata kuljum minn Klinika tal-Primary HealthCare f’B’Kara u s-servizz tal-Podjatrija għadu jingħata miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Podjatrija li jinsab f’B’Kara. Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta qiegħed jipprovdi biss is-servizz ta’ tabib għar-residenti li kienu jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ B’kara.

ITS — tender

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4013, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan it-tender msemmi fir-risposta?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija pubblika u tinsab fuq dan l-indirizz elettroniku - https://www.etenders.gov.mt/epps/cft/prepareViewCfTWS.do?resourceId=8845653 . Qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Imtarfa Mental Health Clinic – kura ta’ pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il pazjent jiġi kkurat fl-Imtarfa Mental Health Clinic, kemm hemm ħaddiema u f’liema grad jaħdmu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-Imtarfa Mental Health Clinic jiġu kkurati 1695 pazjenti u ħaddiema hemm skont it-tabella t'hawn taħt: Nurses 1 charge nurse (full time) 2 senior staff nurses (full time) 1 psychiatric nurse (full time) 1 staff nurse (part-time) Carers 1 senior carer (full-time) 1 carer (3 day week) Psychologists 1 Warranted pscyhologist (full time) 1 Psychology practitioner (full time) 1 Psychology Assistant (full time ) Occupational therapists 2 occupational therapists (assigned few hours) 1 Occupational Therapist (16 hours) Social worker 1 social worker (full-time) Doctors One Consultant (twice a week) Once Consultant (Once a week) Two Resident Specialists (3 times a week) Two BST (3 times a week) One doctor in Staff Grade (full time)

Servizz ta’ trasport pubbliku mill-Buskett għal Ħad-Dingli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-karozza tal-linja li biha jinqdew residenti li jgħixu l-Buskett biex jaċċessaw Ħad-Dingli spiċċat ma taħdimx b’mod frekwenti u/jew ma taħdem xejn?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta wettqet investigazzjoni fuq ir-rotta 181 permezz tad-data miġbura permezz tal-GPS li hemm fuq kull karrozza tal-linja. Jirriżulta li fil-kampjun li ntgħażel (bejn l-4 u l-11 ta’ Novembru 2022) l-affidabilità ta’ din ir-rotta kienet ta 98%. Infurmat ukoll li kien hemm tliet każijiet fejn id-data qiegħda tindika li seta kien hemm devjazzjoni mir-rotta stabbilità. Transport Malta qiegħda tinvestiga dawn il-każi.

Sptar Mater Dei – Pubblikazzjoni tal-activity report

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ġie ppubblikat l-aħħar activity report tal-Isptar Mater Dei u meta se jiġi ppubblikat dak li jmiss?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li activity report tal-Isptar Mater Dei jiġi ppubblikat internament darba fix-xahar.

Ċentri tas-saħħa – testijiet tal-vista tal-għajnejn

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kenux qegħdin isiru testijiet tal-vista fiċ-Ċentri tas-Saħħa f'dawn l-aħħar xahrejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi madwar 200 persuna sarilhom eżami tal-vista fl-aħħar xahrejn.

Mosta – Ċentru tas-Saħħa — ħaddiema

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm xi rinovar strutturali jew żieda ta' ħaddiema fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta sabiex ilaħħaq mad-domanda minħabba l-għeluq taċ-Ċentru tas-Saħħa f'Birkirkara?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi staff, inkluż it-tobba full-time, li kienu jaħdmu fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara ġew rilokati temporanjament fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.

Mental Health Helpline 1579 — ħaddiema

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm ħaddiema li qegħdin jaħdmu fil-Mental Health Helpline 1579 u xi kwalifiki għandhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Twegiba: Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l- helpline tal-1579 huwa kompost minn 10 call handlers li kollha huma ggradwati bil- Bachelor's Degree tal-psikoloġija mil-Universita ta’ Malta. Fosthom hemm Counselling Psychologist , Clinical Psychologist u Systemic Psychotherapist. Bħala parti mit-training estensiv li għamlu bi preparazzjoni għal helpline , ingħataw ukoll taħriġ f’ risk assessment u ġew akkreditati fl-AMSR ( Assessing and Managing Suicidal Risk ) mill Zero Suicide Institute . Ta’ min jgħid li apparti dawn l-għaxar frontliners , hemm sistema sħiħa tas-servizzi tas-saħħa mentali li qegħdin jikkontribwixxu fl-operat tal-helpline, fosthom, psikjatri, tobba u community psychiatric nurses .

Mental Health Helpline 1579 — spiża

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm qiegħda tiswa fix-xahar il-Mental Health Helpline 1579?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-professjonisti tal-1579 għandhom rwol kliniku ulterjuri fi ħdan id-Dipartiment tal-Psikoloġija, għaldaqstant ma tistax tiddentifika l-ispiża eżatta ta’ dan is- servizz ta’ 24 siegħa.

Mental Health Helpline 1579

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid minn fejn qed titħaddem il-Mental Health Helpline 1579?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-helpline jitħaddem mill-isptar Monte Karmeli.

Mental Health Helpline 1579 — klijenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx xi pathway ta’ kif se jiġu megħjuna l-klijenti li jċemplu fuq il-Mental Health Helpline 1579?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-call handlers tal-Helpline jaħdmu id f’id mal-professjonisti u l- għajnuna li tingħata tkun ibbażata skont il- bżonnijiet u l- urġenza tal-persuna li ċċempel.

Infermiera ta’ nazzjonalità barranija – kuntratt ta’ xogħol fis-Settur Pubbliku

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega jekk infermiera ta’ nazzjonalità barranija fil-kuntratt tagħhom għandhomx stipulat żmien li huma marbutin bih li jaħdmu fis-Settur Pubbliku ta’ Malta wara li jaslu f’pajjiżna u jingħataw xogħol u taħriġ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nurses barranin ingaġġati mal-Ministeru għas-Saħħa ma ġewx ingaġġati fuq kuntratt definit, izda b’appointment indefinit, bl-istess kundizzjonijiet ta’ xoghol tan-nurses Maltin, inkluż perjodu ta’ notice skont il-ligi.

Sptar Mater Dei – Skrivani — sahra

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk twaqqfitx l-opzjoni li jaħdmu overtime ‘clerks’ fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-uffiċjali pubbliċi fi grad ta’ Clerks f’Mater Dei għadom jistaw jaħdmu overtime, dejjem fejn ikun hemm bżonn u b’ġustifikazzjoni.

SmartCity – Proġett tal-ITS – call for application għall-Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm call for application għall-persuna/i biex isiru konsulenti fuq il-proġett tal-ITS fi SmartCity? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna hemm f’dan ir-rwol u xi kwalifiki kienu rikjesti? X’pakkett finanzjarju għandu/hom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Lulju 2022, l-ITS ħarġet tender għal servizzi professjonali għal numru wiesa’ ta’ esperti li se jkunu qed joffru konsulenza dwar il-preparazzjoni u l-aġġudikazzjoni tad-diversi tenders tal-bini u l-finishings tal-kampus, kif ukoll jassumu r-responsabbiltà’ tal-immaniġġar tal-proġett. Dan it-tender qiegħed fi stadju ta’ aġġudikazzjoni.