Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei – Test tad-demm lactoglobulin

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux qed isir it-test tad-demm lactoglobulin fl-Isptar Mater Dei għal min ibati jew għandu bżonn assessjar biex isir jaf jekk hux ibati minn lactose intolerancy u min hu responsabbli li jibbukkja dan it-test?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Beta Lactoglobulin ġie identifikat bħala xjentifikament inutli bħala test għal-lactose intolerance u fil-fatt twaqqaf mill-kumpanija b'direttiva tal-UE. L-antibody screening Beta-lactoglobulin IgE huwa utli biss għall-ittestjar tal-allerġija u għadu jiġi offrut bħala parti tat-test menu fil-Patoloġija.

Sptar Mater Dei – Użu ta’ kuriduri/spazji ta’ recovery biex pazjenti jingħataw kura ġenerali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk bejn il-15 u l-21 ta’ Frar 2023 kienx hemm bżonn jintużaw kuriduri/spazji ta' 'recovery' ta' teatri tal-operazzjonijiet biex fihom jitpoġġew pazjenti għall-kura ġenerali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-Ħadd 19 ta’ Frar sa sbieħ it-Tnejn 20 ta’ Frar intużat ir-recovery area tal-Endoscopy minħabba influss ta' pazjenti li daħlu mill-Emerġenza. Dawn il-pazjenti ġew rilokati fis-swali matul il-jum tal-20.

Sptar Mater Dei — dentisti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm dentisti jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u kif inhu l-kuntratt tal-impjieg tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 2729.

Sptar Mater Dei – speċjalisti tad-dentistrija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm speċjalisti tad-dentistrija fl-Isptar Mater Dei li jispeċjalizzaw fit-tfal?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sa issa f’pajjiżna ma jeżistix reġistru ta’ speċjalizzazjoni fil-qasam tad-dentistrija.

Rabat – Triq it-Tiġrija – qtugħ ta’ ħaxix u manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jieħu ħsieb il-qtugħ ta' ħaxix u l-manutenzjoni ta' Triq it-Tiġrija, fir-Rabat? Jista’ jgħid ukoll meta sar l-aħħar u meta se jerġa’ jsir?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6487 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Rabat – Telgħa tas-Saqqajja – manteniment tat-taraġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid min se jieħu ħsieb il-manteniment tat-taraġ fit-Telgħa tas-Saqqajja, Rabat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6489 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Rabat – Triq San Luqa — bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta l-bini ta' Triq San Luqa, fir-Rabat Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid ta’ Triq San Luqa, Rabat Malta se jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin. It-triq hija aċċessibbli u l-ewwel saff ta’ asfalt huwa komplut.

Mtaħleb l/o Rabat – Triq il-Ħamri – rikostruzzjoni ta’ sqaq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir rikostruzzjoni ta' sqaq fi Triq il-Ħamri, l-Imtaħleb, l/o Rabat, peress li r-residenti ilhom jagħmlu diversi talbiet għal diversi snin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, fosthom dak tar-Rabat, fejn talbithom jagħtu lista ta’ toroq li għandhom bżonn xogħol infrastrutturali u li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjn. Dan skont skeda dettaljata li għadha qed tiġi diskussa u maqbula magħhom.

Sptar Mater Dei – infermiera li ntalbu jaħdmu bil-lejl

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex ġew mgħajta infermiera biex jaħdmu l-lejl tad-19 ta' Frar 2023 meta t-tali infermiera ma jaħdmux iljieli u kemm kien hemm bżonn minnhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-ġimgħa li bdiet mit-13 ta’ Frar, 1,370 pazjent iddaħħal l-Isptar Mater Dei u allura kien hemm bżonn li jiġu mgħajta iktar infermiera. B’hekk intalbu biex jidħlu 4 infermiera addizzjonali għax-xogħol.

Sptar Mater Dei — Lifts li ma kienux qed joperaw

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5603, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il lift hemm fl-Isptar Mater Dei? Meta beda l-maintenance?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar Mater Dei hemm 58 lift. Il-maintenance tagħhom beda f’Novembru 2020.

Testijiet tal-MRI u MRI taħt il-Loppju — waiting list

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5358, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għall-MRI, kemm tistenna persuna wara li tidħol rikjesta għall-appuntament: a. bħala urġenti; b. inqas urġenti; u ċ. mhux urġenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Isptar Mater Dei jirċievi madwar 800 talba għal MRI fil-ġimgħa. Dawk li l-konsulenti jqisu bħala urġenti ma jistennewx. Jekk ma tkunx urġenti ż-żmien ta' stennija huwa ta' madwar 8 xhur.

Mediċina Caelyx out of stock

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta kien out of stock il-chemo b’isem Caelyx u għaliex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-mediċina tingħata skont il-każ individwali li jkun Exceptional u mhix fuq il-formolarju tal-Gvern.

Rabat – Triq it-Tiġrija – wiċċ tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir permanenti rigward l-istat diżastruż tal-wiċċ li sar fi Triq it-Tiġrija, Rabat Malta, wara li reġgħu saru x-xogħlijiet u l-wiċċ reġa' nqala'? Min ser jieħu r-responsabbilità li jħallas?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq rurali jidher li ġarbet ħsarat fil-maltempati riċenti. Minħabba l-ambjent tal-madwar, qed isiru l-investigazzjonijiet neċessarji biex jiġi stabbilit x’hemm bżonn isir.

Aċċess għal Wied il-Qlejgħa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed tieħu biex ikun hemm aċċess għall-proġett li sewa miljuni ta’ ewro f’Wied il-Qlejgħa wara li waqgħet it-triq madwar 13-il xahar ilu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet preparatorji sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid aċċess sigur għaż-żona li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant diġà bdew. Il-post fejn, kawża tal-maltemp, ċeda l-embankment, ikun mimli bl-ilma matul il-biċċa l-kbira tas-sena u għalhekk l-investigazzjonijiet, l-istudji u, sussegwentament, ix-xogħlijiet meħtieġa jkunu jistgħu jsiru biss matul ix-xhur tas-sajf meta l-istess ilqugħ ikun niexef. In oltre, fis-sit tant sensittiv ta’ Wied il-Qlejgħa, kwalunkwe interventi jridu jirrispettaw l-ambjent naturali tal-post, b’mod speċjali il-bijodiversità, u huma wkoll suġġetti għall-permessi ambjentali.

Ħaż-Żebbuġ – Triq il-Kbira – rikostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan, u meta, biex issir rikostruzzjoni ta' Triq il-Kbira, f'Ħaż-Żebbug, Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Infrastructure Malta varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, fosthom dak ta’ Ħaż-Żebbuġ, fejn talbithom jagħtu lista ta’ toroq li għandhom bżonn xogħol infrastrutturali u li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjn. Dan skont skeda dettaljata li qed tiġi diskussa u maqbula magħhom. Parti minn Triq il-Kbira diġà tinsab fil-lista ta’ prijoritajiet li ressaq l-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Mtaħleb, Rabat – Wied il-Bużbież – manutenzjoni tal-pont

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir il-manutenzjoni tal-pont li jinsab fit-triq fiż-żona Tat-Temp, Wied il-Bużbież, Mtaħleb Rabat, RBT4420 wara li saru diversi rapporti lill-Kunsill Lokali Rabat, lill-Awtorità tal-Artijiet, lil Valley Management Unit u lil Infrastructure Malta peress li dan l-inkonvenjent qed iwaqqaf lil diversi bdiewa milli jaċċesaw ir-raba' tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6259 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Mtaħleb, Rabat – Wied il-Bużbież – manutenzjoni tal-pont

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se ssir il-manutenzjoni tal-pont li jinsab fit-triq fiż-żona Tat-Temp, Wied il-Bużbież, Mtaħleb Rabat, RBT4420 wara li saru diversi rapporti lill-Kunsill Lokali Rabat, lill-Awtorità tal-Artijiet, lil Valley Management Unit u lil Infrastructure Malta peress li dan l-inkonvenjent qed iwaqqaf lil diversi bdiewa milli jaċċesaw ir-raba' tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ż-żona li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tagħmel parti minn sistema estensiva ta’ kanali li jibdew mill-akkwati ta’ Ħad-Dingli u jibqgħu sejrin lejn l-inħawi tas-Salini fil-limiti tan-Naxxar. Tul din is-sistema diġà twettqu diversi interventi ta’ manutenzjoni u riġenerazzjoni, anke permezz ta’ xogħlijiet fuq pontijiet. L-aġenzija Project Green se tkompli bix-xogħlijiet fl-istess zona sabiex tittaffa l-problema tal-għargħar; fost l-oħrajn fil-kanali tal-ilma se jsiru xogħolijiet ta’ tindif u tħammil u se jitneħħa qasab invażiv li jfixkel il-passaġġ tal-ilma.

Settur tas-Saħħa – professjonisti li rriżenjaw

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm irriżenjaw professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-saħħa, allied health professionals, infermiera u tobba fis-snin 2021 u 2022 u jgħid x’inhi r-raġuni għaliex irriżenjaw?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5283.