Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imtarfa — użu mill-binja tal-iskola primarja

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7146, jista' l-Ministru jgħid jekk il-binja tal-iskola primarja tal-Imtarfa hux se tintuża bħala skola fil-futur wara li tiġi rijabilitata l-istess binja peress li l-istqarrija PR230217 li l-Ministru rreferieni għaliha f'din it-tweġiba ma tgħid xejn dwar dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà spjegajt fis-seduta numru 102 għal mistoqsija supplimentari li saritli, intenni li l-binja tal-Imtarfa mhux adegwata biex tintuża.

Sptar San Luqa — Hydrotherapy pool

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7080, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk hux se ssir hydrotherapy pool oħra barra dik li hemm preżentement fl-Isptar San Luqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 7080.

Dipartiment tal-Emerġenza – trattament ta’ persuni fi stat ta’ emerġenza/suwiċidju

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega l-pathway ta’ kif tiġi ttrattata/kurata persuna li tbati minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali li tattendi l-Emerġenza u tkun fi stat ta’ emerġenza jew ta’ suwiċidju?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi pazjenti li jbatu minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali li jattendu l-Emerġenza, l-ewwel jiġu evalwati mit-tobba tal- emerġenza u jekk dan jiġi kkonfermat, it-tim psikjatriku li jkun on call 24/7 jissejjaħ biex jara lill-pazjent u jiddeċiedi dwar aktar kura.

Wied bejn l-Imtarfa, Rabat u l-Imdina – tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se titnaddaf u tingħalaq il-grada li ġiet istallata fil-wied ta’ bejn l-Imtarfa, ir-Rabat u l-Imdina wara li sar abbuż u ntrema skart tal-kostruzzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 5709 u 5895, nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Imtarfa – permess għal antenni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx permessi għall-antenni li twaħħlu u/jew se jitwaħħlu fl-Imtarfa biex jittrasmettu TV u 5G?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nistieden lill-Onorevoli interpellant jispeċifika it-tip t’antenni li qed jistaqsi dwarhom. Filwaqt li ninforma li Klassi 7 (Żvilupp li għandu x’jaqsam mat-telekomunikazzjoni) ta’ l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar żvilupp (L.S. 552.08) tipprovdi li: “(i) It-tqegħid, manutenzjoni jew alterazzjoni ta’ kwalunkwe tagħmir tat-telekomunikazzjoni sakemm l-iżvilupp ma jinsabx f’ODZ jew fi proprjetà skedata. Sakemm l-iżvilupp ma jinkludix – (a) it-tlugħ ta’ bini jew bidliet f’xi bini; jew (b) l-introduzzjoni ta’ arbli biex iġorru wiring ’l fuq mill-art u, jew strutturi ogħla minn għaxar metri biex isostnu dan it-tagħmir permess; jew (ċ) ħsara diretta jew indiretta lil xi bini eżistenti li huwa skedat jew monumenti, fdalijiet arkeoloġiċi li jinkludu xeltrijiet sotterani, ġwiebi, mini tal-ilma, ħitan tas-sejjiegħ u paviment tal-ġebel.” ma jirrikjedix permess formali ta’ żvilupp.

Imtarfa – testijiet dwar antenni

Question

Fid-dawl li twaħħlu antennas qrib residenzi fl-Imtarfa, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk sarux testijiet dwar kif jistgħu jaffettwaw is-saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 21701 tat-XIII-il Leġiżlatura.

Ir-Rabat Malta – Kappella tas-Sanċier — restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx rapport tal-istat li tinsab fiha l-Kappella tas-Sanċier ir-Rabat Malta u hemmx pjan biex isir restawr immedjat u meta ħa jibda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-għaqda non-governattiva ‘Din l-Art Ħelwa’ ssottomettiet rapport dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-Kappella tas-Sanċir bħala parti mid-dokumenti meta saret it-talba għal kustodja tal-istess kappella. F’dan l-isfond, infurmat li fondi għar-restawr jistgħu jingħataw ladarba it-talba għal kustodja tal-binja tiġi milqugħa. Intant infurmat li t-talba qiegħda tiġi pproċessata mill-awtorità kkonċernata.

Partial Knee Replacement – lista ta’ stennija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-lista ta' stennija għall-proċedura ortopedika magħrufa bħala 'partial knee replacement'?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 133 persuni jistennew il-partial knee replacement.

Residenza San Vinċenz de Paul – sample tal-menu tal-ikel

Question

Jista' l-Ministru jippubblika sample ta' menu tal-ikel li ngħata fis-swali ta' San Vinċenz de Paul bejn l-1 u t-28 ta' Frar 2023?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kuljum ir-residenti f’SVP jiġu servuti kolazzjon, ikla ta’ nofsinhar u filgħaxija. Ir-residenti għandhom l-għażla skont ix-xewqat varji, inklużi kulturali, jew il-kundizzjoni medika tagħhom. Kull ikla tikkonsisti f’soppa, għaġin, platt prinċipali u deżerta, kif ukoll ħobż. Barra minn hekk, din hija l-lista ta’ ikel li jingħata fil-kolazzjon - yoghurt normali, light, jew lactose free, sandwich perżut u ġobon, sandwich ġobon biss, crackers u ġobon, bajda mgħollija, poached fruit, fruit puree, bezzun bil-kunserva jew perżut u ġobon, cornflakes, weetabix, qagħqa tal-ħmira jew ottini. Il-booklet bl-informazzjoni kollha qed jitpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Rabat – Santa Katerina — barriera

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6616, tista’ l-Ministru tgħid x'azzjonijiet konkreti ttieħdu minn meta ħarġu l-ordnijiet fuq barriera fil-Limiti ta' Santa Katerina r-Rabat biex ma jibqax isir sfreġju ambjentali u jekk kienx hemm viżti fil-post biex jiġi assigurat li qed jimxu mad-direttivi msemmija? Jekk iva, meta saru u x'kien irrappurtat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għal Ambjent u r-Riżorsi ħadet azzjoni konkreta permezz ta’ ħruġ ta’ Ordni ta’ Waqfien u Konformità fuq barriera numru 32 fil-limiti ta’ Santa Katerina, ir-Rabat. L-attivitajiet kolpiti b’din l-Ordni huma rdim u riċiklaġġ ta’ materjal mingħajr permess ambjentali, dħul ta’ skart mhux adegwat għal ġo barriera u ħruq ta’ skart. Din l-Ordni għadha attiva u tiġi monitored b’mod kostanti. Mill-2019 sal-lum saru 13-il spezzjoni mill-ERA u b’mod ġenerali kien innutat li ma kienx hemm attivitajiet oltre dawk imsemmija fl-Ordni li jimmeritaw azzjoni ulterjuri mill-ERA.

Sptar San Luqa — Hydrotherapy pool

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan biex issir hydrotherapy pool oħra barra dik li hemm preżentement fl-Isptar San Luqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizzi tal-fiżjoterapija qegħdin kulma jmorru jespandu anke billi qed jingħataw aktar servizzi fil-komunità.

Sptar San Luqa — Hydrotherapy pool – waiting list

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi twila l-waiting list biex persuna tuża l-hydrotherapy pool fl-Isptar San Luqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għall-użu tal- hydrotherapy pool huwa ta' madwar xahrejn.

Imtarfa – użu mill-binja tal-iskola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mill-binja li kienet tintuża bħala skola primarja fl-Imtarfa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni numru PR230217 nhar il-Ħamis 9 ta’ Frar 2023.

Mediċina Laxotan 3mg out of stock

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ilha out of stock il-pillola Laxotan 3mg? Jista’ jgħid ukoll x’qed jingħata minflokha, għaliex hija out of stock u meta huwa ppjanat li terġa’ tkun in stock?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-mediċina msemmija minnu mhix out of stock.

Manutenzjoni ta’ ambulanzi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min hu responsabbli tal-manutenzjoni tal-ambulanzi, proprjetà tal-Gvern u dawk li huma mikrija mill-privat, f'każ ta’ general maintenance jew inċidenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7070.

Ambulanzi li huma proprjetà tal-Gvern u dawk li huma mikrija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm ambulanzi li huma proprjetà tal-Gvern u kemm oħrajn huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll fejn huma stazzjonati u x’kumpliment ta’ ħaddiema għandhom magħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Gvern għandu 11-il ambulanza leased u dawn huma kollha stazzjonati fil-garaxx tal-ambulanzi f’Mater Dei. Hemm 52 Emergency Ambulance Respondents bħalissa ingaġġati.

Manutenzjoni ta’ ambulanzi — kuntratt

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min jieħu ħsieb il-manteniment tal-ambulanzi u jekk fil-privat, juri l-kuntratt li marbutin bih?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7070.

Residenza San Vinċenz de Paul – ambulanzi li huma proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ambulanzi li huma proprjetà tal-Gvern u kemm oħrajn huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll fejn huma stazzjonati u x'kumpliment ta’ ħaddiema għandhom magħhom f'San Vinċenz de Paul?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’San Vinċenz de Paul m’hemmx ambulanzi bħala parti mill-flotta u lanqas jinkrew ambulanzi.

Residenza San Vinċenz de Paul – ħaddiema fis-sezzjoni tal-ambulanzi u trasport tal-istaff u pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fis-sezzjoni tal-ambulanzi u trasport tal-istaff u pazjenti f'San Vinċenz de Paul u x'inhu x-xogħol tagħhom?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Filwaqt li m'hemm l-ebda sezzjoni tal-ambulanzi f’San Vinċenz, ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sezzjoni tal-ġarr tal-pazjenti hemm uffiċjal inkarigat, żewg ħaddiema jagħmlu xogħol amministrattiv u sbatax-il xufier. Din is-sezzjoni hija responsabbli għal kull tip ta’ transport li għandhom bżonn l-anzjani kif ukoll transport għal numru ta’ servizzi ġewwa San Vinċenz. Biex l-operat ikun jista’ jimxi bla xkiel, ta’ kuljum trasport ikun meħtieġ għall-ġarr taċ-ċilindri tal-ossiġnu, prodotti tal-ikel, konsenji tal-ħrieqi, ħwejjeġ għal-laundry, prodotti farmaċewtiċi eċċ. Għal dan ix-xogħol jintużaw żewġ vannijiet li wieħed minnhom huwa friża. Vannijiet speċjalizzati bit-tail lift jintużaw biex iwasslu l-anzjani għall-appuntamenti ġewwa l-isptar Mater Dei, appuntamenti fil-Geriatrics Day Hospital f’San Vinċenz kif ukoll għad-dipartiment tal-fiżjoterapija u klinika dentali. Ma’ dawn it-tliet vannijiet hemm ukoll żewġ vannijiet iżgħar li jġorru anzjan wieħed bis-siġġu tar-roti. It-trasport jiġi provdut ukoll biex anzjani jmorru għand il-hairdresser, jattendu għall-quddies jew iċ-ċentru ta’ matul il-jum. Biex nassiguraw li l-anzjani jgħixu ħajja attiva u ta’ kwalità, jiġu organizzati numru ta’ attivitajiet soċjokulturali kemm ġewwa l-faċilità kif ukoll f’lokalitajiet varji fejn jintużaw numru ta’ vannijiet bit-tail lift. Fl-aħħar sena din is-sezzjoni rat żieda fid-domanda għat-trasport hekk kif is-servizzi ġewwa d-Day Hospital żdiedu u ġew estiżi għall-anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani jew fil-komunità li wkoll ikollhom bżonn it-trasport.

Sptar Mater Dei – numru ta’ dentisti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2729, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-16-il dentist li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei, jaħdmux kollha full-time u jekk le kif inhu l-kuntratt ta' ħinijiet tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 14-il dentist jaħdmu full-time u 2 jaħdmu reduced hours.