Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei - Chillers bil-ħsara

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk matul it-tielet ġimgħa ta’ Lulju 2026 iċ-chillers tal-Isptar Mater Dei kinux bil-ħsara, u b’riżultat ta’ dan, kienx hemm swali mingħajr arja kkundizzjonata u laboratorji bil-magni weqfin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul it-tielet ġimgħa ta’ Lulju tas-sena kurrenti, żviluppat ħsara teknika f’uħud miċ-chillers tal-Isptar Mater Dei. B’konsegwenza ta’ dan, f’xi swali, l-arja kkundizzjonata kienet inqas b’saħħitha minn kif tkun normalment.

Ortopedija – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi twila l-lista ta’ stennija biex persuna isirilha debridement and/or repair peroneus brevis tendon fil-qasam tal-ortopedija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sat-30 ta’ Settembru 2026 kien hemm 5 pazjenti li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti, biex isirilhom debridement and/or repair peroneus brevis tendon fil-qasam tal-ortopedija.

Blue Badges – Parkeġġi riżervati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1240, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta’ applikazzjonijiet għal parkeġġi blue badge riżervati minn Ġunju 2025 sa Ġunju 2026? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-applikazzjonijiet ġew milqugħa, kemm ma ntlaqgħux u kemm għadhom pendenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bejn Ġunju 2025 u Ġunju 2026, ġew sottomessi 1,169 applikazzjoni għal parkeġġi riżervati għal persuni li għandhom il-blue badge. Kull applikazzjoni li tasal għand Transport Malta tiġi riferuta lill-Bord Mediku tal-Aġenzija Sapport għall-evalwazzjoni. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-istess Bord, matul il-perjodu msemmi Transport Malta approvat 696 applikazzjoni.

Tobba, nurses u AHP - Riżenji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1150 u 1702 u jgħid kemm irriżenjaw tobba, infermiera, Allied Health Professionals (AHP) f'kull grad, mis-settur pubbliku bejn Jannar u Ġunju 2026, maqsuma xahar b'xahar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fit-tminn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-saħħa ma kien hemm l-ebda terminazzjoni ta’ tobba, infermiera u Allied Health Professionals bejn Jannar u Settembru 2026.

Qasam tas-Saħħa – Ingaġġi mas-settur pubbliku

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1142 u 1450 u jgħid kemm-il persuna ġiet ingaġġata mas-settur pubbliku fil-qasam tas-saħħa bejn Jannar u Ġunju 2026, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fit-tminn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-saħħa kien hemm 46 inġagg u 30 terminazzjoni bejn Jannar u Settembru 2026.

Il-Mellieħa - Festa Ħut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se ssir Festa Ħut fil-Mellieħa bħalma sar fi snin preċedenti u jekk iva, jagħti d-data ta’ meta se ssir din l-edizzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-sena 2026, Festa Ħut kienet ippjanata li ssir f’Marsaxlokk biss fl-20 ta’ Settembru 2026. Madanakollu, din l-attivita’ kellha tiġi kkanċellata minħabba l-maltemp.

Il-Foss tal-Imdina – Lift – Spezzjonijiet/Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1235 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid kull meta saret spezzjoni u/jew manutenzjoni fil-lift tal-Foss tal-Imdina u l-ispejjeż li kienu involuti, matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Il-Foss tal-Imdina – Lift – Spezzjonijiet/Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1235 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid kull meta saret spezzjoni u/jew manutenzjoni fil-lift tal-Foss tal-Imdina u l-ispejjeż li kienu involuti, matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Il-Foss tal-Imdina – Lift

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1234 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid meta ser jerġa’ jibda jiffunzjona l-lift li hemm fil-Foss tal-Imdina, wara li għal darb’oħra reġa’ mhux qed jaħdem?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ir-Rabat, Malta - Triq Borg Olivier - Heavy vehicles

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex jiġi infurzat li l-heavy vehicles ma jgħaddux minn Triq Borg Olivier, fir-Rabat, Malta, minkejja d-diversi mistoqsijiet li diġà saru dwar dan? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri se jittieħdu sabiex jitnaqqsu l-inkonvenjenzi li qegħdin iġarrbu r-residenti ta’ din it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta twettaq rondi ta’ infurzar f’din iż-żona diversi drabi matul il-ġurnata. Barra minn hekk, f’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, qiegħda tiġi evalwata soluzzjoni aktar permanenti sabiex jissaħħaħ l-infurzar u jitnaqqsu l-inkonvenjenzi f’din iż-żona.

Il-Foss tal-Imdina – Lift

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1234 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid meta ser jerġa’ jibda jiffunzjona l-lift li hemm fil-Foss tal-Imdina, wara li għal darb’oħra reġa’ mhux qed jaħdem?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Karozzi elettriċi – Parkeġġi riservati għal karozzi elettriċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1239, tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm (kwantità) parkeġġi riżervati għal karozzi elettriċi fejn dawn ikunu jistgħu jiċċarġjaw, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Kunsilli lokali – Ħaddiema bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1238 u tgħid kemm hemm kunsilli lokali li jimpjegaw persuni bi bżonnijiet speċjali u liema huma?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif miġbura mill-Kunsilli rispettivi.

Kunsilli lokali – Kampanja ta’ għarfien – Saħħa mentali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1236 u tgħid jekk bħalissa hemmx kampanja ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali attiva fi ħdan il-kunsilli lokali?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li bħalissa jinsab għaddej programm nazzjonali ta’ taħriġ b'kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u l-Ministeru għas-Saħħa. Dan huwa taħriġ rikonoxxut internazzjonalment bl-isem Mental Health First Aid li fost oqsma oħra jitratta fid-dettall l-għarfien dwar is-saħħa mentali.

Ir-Rabat, Malta - Żona tal-Għammieri - Lampi tat-toroq mitfija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jissewwew il-lampi tat-toroq fiż-żona tal-Għammieri fil-limiti tar-Rabat, Malta, minħabba li ilhom aktar minn sebat ijiem mitfija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-lampi fiż-żona indikata nxtegħlu.

Trattament għall-Glaucoma - Trasferiment ta’ pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’se jsir minn pazjenti residenti r-Rabat li qabel kienu jinqdew fil-Klinika tal-Mosta għall-qtar tal-glaucoma u issa ġew trasferiti għall-Klinika tar-Rabat, fejn ġew infurmati li dan it-trattament ma jistax isir minħabba li l-Klinika l-ġdida tar-Rabat għadha mhijiex topera? Jista’ jgħid ukoll kemm dawn il-pazjenti mistennija jistennew għal appuntament ġdid u x’arranġamenti se jsiru sabiex ikomplu jirċievu t-trattament meħtieġ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-pazjenti li jeħtieġu kura għall-glawkoma jiġu eżaminati minn tabib, li wara valutazzjoni klinika joħroġ il-preskrizzjoni meħtieġa. Il-qtar preskritti jinħarġu permezz tal-iskema Pharmacy of Your Choice (POYC). Ninsab infurmat li qatt ma ngħataw qtar għall-glawkoma fit-teatru taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta u dan lanqas fir-Rabat. L-uniċi qtar li jingħataw huma dawk meħtieġa sabiex tiġi dilatata l-pupilla, li jintużaw waqt l-eżaminazzjoni. Dawn għadhom jingħataw fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta matul l-eżami ta’ rutina għall-glawkoma.

POYC - Ħalib PaediaSure - Data ta’ skadenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1151 u jgħid għaliex il-ħalib PaediaSure li tqassam mill-POYC matul Lulju 2026 kellu data ta’ skadenza ta’ 07/2026 meta l-pazjenti normalment jingħataw provvista li tkun maħsuba biex isservihom għal xahrejn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li ninsab infurmat li s-CPSU dejjem jagħti stock li d-data ta' skadenza tiegħu tkun għadha valida.

Tobba, nurses u AHP - Riżenji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1150 u jgħid kemm irriżenjaw tobba, infermiera, Allied Health Professionals (AHP) f'kull grad, mis-settur pubbliku bejn Jannar u Ġunju 2026, maqsuma xahar b'xahar?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Qasam tas-Saħħa – Ingaġġi mas-settur pubbliku

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1142 u jgħid kemm-il persuna ġiet ingaġġata mas-settur pubbliku fil-qasam tas-saħħa bejn Jannar u Ġunju 2026, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Mediċini relatati mas-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm persuni li ngħataw mediċini relatati mas-saħħa mentali f’Ġunju 2025, f’Jannar 2026 u f’Ġunju 2026?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema mediċini qiegħed jirreferi.