Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vitals/Stewards – Pagamenti lill-kuntratturi/speċjalisti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-kredituri (kuntratturi/speċjalisti) li kellhom jieħdu pagamenti mill-konċessjoni Vitals/Stewards, tħallsux kollha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għamel novar tal-maġġoranza kbira tal-kuntratti li kien hemm ma' Gozo General Hospital, St. Lukes’s Hospital u Karen Grech Rehab Hospital u ħa risponsabililtà tagħhom mid-data ta’ trasferiment lura ta’ dawn l-isptarijiet għal għand il-Gvern.

Mental Health Helpline 1579 — Telefonati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm irċivew telefonati minn meta fetħet il-Mental Health Helpline 1579, maqsuma xahar b'xahar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Novembru li għadda sa Awwissu il-Mental Health Helpline ħa 5,751 telefonati. lt-tabella t'hawn taħt turi l-informazzjoni xahar b’xahar. November 2022 331 December 2022 580 January 2023 495 February 2023 433 March 2023 666 April 2023 608 May 2023 630 June 2023 612 July 2023 706 August 2023 690

Sptar Mount Carmel — Admissions

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm admissions fl-Isptar Mount Carmel bħala mod volontarju u dak mhux volontarju, xahar b'xahar minn Jannar 2022 sa Awwissu 2023?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.

Każijiet ta’ suwiċidju

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm każijiet ta suwiċidju minn Jannar 2020 sa Awwissu 2023, maqsuma xahar b'xahar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabella t'hawn taħt. L-istatistika tal-2023 tkun għadha qed tinħadem. Age Group 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020 2021 2022 <25 3 4 3 0 3 1 2 1 5 4 25-34 3 3 9 4 5 8 3 6 6 1 35-44 3 6 5 11 3 4 8 4 8 6 45-54 8 8 7 7 3 2 3 5 5 2 55-64 4 4 8 1 6 3 2 6 7 5 65-74 0 2 2 0 3 3 2 0 3 2 >75 1 5 0 1 2 1 1 1 0 4 Total 22 32 34 24 25 22 21 23 34 24

Djar tal-anzjani – Menus tal-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-menus li bihom jagħżlu l-ikel l-anzjani fid-djar tal-anzjani, jiġux mħejjija flimkien ma’ professjonisti magħrufa bħala nutritionists u dieticians?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-menus li minnhom jagħżlu l-ikel l-anzjani fid-djar tal-anzjani, jiġu mħejjija flimkien ma’ professjonisti bħala nutritionists jew dieticians tal-kuntrattur skont il-ħtieġa djetetika tal-anzjan/a.

Sptar Mount Carmel – Electrical Generator

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’tip ta’ electrical generator jinstab fl-Isptar Mount Carmel biex jiġġenera l-elettriku meta dan jinqata’? Jista jgħid ukoll min hu responsabbli tal-manutenzjoni tiegħu u kull meta jsir il-manutenzjoni u t-testing?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-Isptar Mount Carmel hemm 7 generators lokalizzati fil-bini prinċipali ta’ Mount Carmel u 3 generators oħra f’binjiet tal-viċinanza. Il- generators kollha jaħdmu bid-diesel u qegħdin fuq standby, bi swiċċ tat-trasferiment awtomatiku meta jkun hemm ħsara fil-main tal-Enemalta. Il-generators kollha jiġu ċċekkjati kull xahar, ittestjati u serviced darba fis-sena mis-servizzi tal-MEK.

Single use nail clippers fis-settur tal-Podjatrija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’wassal għall-għażla ta’ single use nail clippers fis-settur tal-Podjatrija minflok dawk li jiġu sterilizzati? X’inhi n-nefqa fuq dawn l-istrumenti u kemm ser ikun qed jiffranka finanzjarjament il-Gvern fuq kull strument meta mqabbel ma’ dawk li kienu jintużaw qabel li jiġu użati iktar minn darba wara li jiġu sterilizzati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-użu ta’ single use nail clippers huma ta’ benefiċċju għall-pazjenti għax inaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni.

Wied il-Qlejgħa – Manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ manutenzjoni tat-triq li waqgħet iktar minn sentejn ilu f’Wied il-Qlejgħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid tat-triq matul l-ilqugħ fil-wied beda f’Awwissu li għadda. Matul dawn ix-xahrejn ġiet imnaddfa żona mal-ġenb tat-triq biex ix-xogħol bl-inġenji jkun jista’ jitkompla fix-xhur tax-xitwa. Ġew rilokati wkoll żewġ mejnijiet prinċipali tad-distribuzzjoni tal-ilma li jgħaddu minn taħt it-triq. Fl-aħħar jiem beda anke t-tħaffir tal-piles li se jiffurmaw il-pedament tat-triq, li ser ikun imqabbad fil-livell tal-ġebla tal-franka sabiex tiġi żgurata l-istabbilità tat-triq. Iż-żona li ġiet imnaddfa ser terġa’ tiġi restawrata għall-istat oriġinali tagħha, billi terġa’ titpoġġa l-ħamrija u jinbena l-ħajt tas-sejjieħ, fi tmiem ix-xogħlijiet.

Imtarfa/Rabat/Imdina, Wied Għeriexem – Pjan ta’ azzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex intefgħet ħamrija/trab/terrapien li ma kienx jinstab b’mod naturali f’Wied Għeriexem ta’ bejn l-Imtarfa, ir-Rabat u l-Imdina? Tista’ tgħid ukoll jekk dan hux ser jibqa’ hemmhekk u jekk hemmx xi pjan ta' azzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10978.

Mount Carmel – Carers biex isiru nursing aides

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex il-carers fi ħdan Mount Carmel li kien fadlilhom biss 6 ġimgħat kors biex isiru nursing aides (scale 12) ġew informati li jibdew il-kors mill-bidu l-MCAST għal sentejn? Jista’ jgħid ukoll għaliex mhux ser isir dan il-kors?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kors li qed jirreferi għalih hu, beda ftit xhur ilu. Dan il-kors iwassal għal kwalifika ta’ MQF Level 4, fejn dawn il-carers ikunu eliġibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu promossi għal Senior Health Carer u dan ġie offrut lill-Health Carers kollha u l-kors għadu għaddej.

Sptar Mater Dei – Qtugħ ta’ dawl

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex fil-ġranet bejn l-24 u l-25 ta’ Lulju, mar id-dawl fl-Isptar Mater Dei u l-generator ma ħadimx għal ħin twil? Jista’ jgħid ukoll x’sar u x’qed iseħħ biex dan ma jerġax jiġri?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara l-inċident li semma hu s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa waqqaf Fact Finding Board sabiex jistabbilixxi l-fatti kif ġraw. Dan Il-board intern sab li busbar selector switch f’generator numru 2 tal-Isptar Mater Dei ma kienx ritornat fil-pozizjoni ‘0’ wara ttestjar aktar kmieni dakinnhar.

Mtarfa – Proġett għal użu tal-ex-skola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabx xi użu għal ex-skola primarja tal-Imtarfa u jekk hemmx xi proġett marbut magħha?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7397.

Mediċini preżentament out of stock

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’mediċini huma out of stock fil-ġurnata li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra lista ta’ mediċini li huma out of stock.

Lista ta’ mediċini out of stock

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kull meta u fejn qed tiġi ppubblikata l-lista ta’ mediċini out of stock?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista hija ppubblikata regolarment u din hija l-url: https://healthservices.gov.mt/en/cpsu/Pages/POYC-OOS.aspx

Imġarr – Ċimiterju – Tiswijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser jissewwa l-ħajt taċ-ċimiterju tal-Imġarr li ilu li ġġarraf minn Novembru 2022, jiġifieri kważi sena sħiħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi reġgħet saret sejħa oħra lill-kuntratturi biex jissottomettu l-offerta tagħhom peress li l-kuntrattur magħżul kellu xi problemi u l-għotja biex isir ix-xogħol ġiet revokata. Din is-sejħa se tagħlaq fid-29 ta' Settembru 2023.

Imtarfa — Dar tal-anzjani – Sample ta’ ġimagħtejn ta’ menus tal-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti sample ta’ ġimagħtejn ta’ menus tal-ikel li jitqassam fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mediċina Monkasta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex il-mediċina Monkasta tinstab out of stock u kemm ilha out of stock?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l- mediċina Monkasta sal bieraħ kienet in stock. Il-gimgħa l-oħra saret ordni urġenti peres li żdiedet id-domanda għal din il-mediċina.

Rabat – Wied ta’ Għeriexem

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir biex ma jkomplix l-isfreġju fil-Wied ta’ Għeriexem, bejn ir-Rabat u l-Imtarfa, fejn intrema terrapien bl-addoċċ u dan għadu preżenti fil-wied?

Response (DALLI, MIRIAM)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-istess materjal tal-mistoqsija parlamentari 7149, nitolbu sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat, kif intalab jagħmel dak inhar. Jekk le, nistiednu sabiex jispeċifika s-sit li qed jirreferi għalih.

Uniformijiet għall-ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10547, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huma l-ammonti ta' settijiet ta' uniformi lill-: a. tobba b. infermiera c. allied health professionals skont il-professjoni; d. staff klerikali; u e. staff ieħor?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1041 li għamel hu stess.

Official Medicines Control Laboratory

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex Malta huwa l-unika pajjiż li m'għandux official medicines control laboratory? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir u xi pjan hemm?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa żbaljat meta jgħid li Malta hija l-unika pajjiż mingħajr il-laboratorju li semma hu, ninfurmah ukoll illi pajjiżna għandu arranġament mal-MHRA tar-Renju Unit għal dan is-servizz.