Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizzi ta’ kura barra minn Malta — Talbiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika l-ammonti preċiżi ta’ talbiet kull sena u għall-perijodu kollu minn 2013 sa 2022 li rċevew is-servizzi tas-saħħa biex issir kura barra minn Malta taħt il-formati differenti previsti kemm fid-Direttiva 2011/24 u r-Regolament 883/2004?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella hawn taħt. Sena Numru ta’ każi 2013 47 2014 23 2015 18 2016 30 2017 30 2018 35 2019 38 2020 29 2021 25 2022 25

Servizzi ta’ kura barra minn Malta — Baġit għal-pazjenti Maltin

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika l-baġit kollu mpoġġi għad-dispożizzjoni tal-pazjenti Maltin sa issa f’applikazzjoni tad-Direttiva Ewropea kull sena u fil-perijodu kollu komplessiv għal ħlas jew għar-rimbors ta’ spejjeż għal kura barra minn Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ħaż-Żebbuġ — Rinovar u tindif tal-latrini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir xogħol ta’ rinovar u tindif tal-latrini ta’ Ħaż-Żebbuġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ illi bħalissa għaddejjin xogħlijiet fuq dik li kienet qabel librerija sabiex ġewwa din il-parti jkun hemm inkluż fiha ukoll latrina ġdida. Infurmat ukoll li dawn ix-xogħlijiet mistennija jitlestew sa’ madwar sitt xhur oħra.

Skejjel primarji — Għarfien dwar is-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għarfien dwar is-saħħa mentali hux inkluż fil-kurrikulu tal-iskejjel primarji?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għarfien dwar is-saħħa mentali u l-benesseri emozzjonali huma parti minn sillabu komprensiv tat-tagħlim tal-PSCD.

Kundizzjoni tal-epilessija — Nuqqas tal-mediċina Keppra

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’liema xhur kien hemm nuqqas tal-mediċina Keppra li tintuża minn pazjenti li jbatu mill-epilessija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-mediċina msemmija minnu hija disponibbli.

Ċentri tas-saħħa u bereġ – Aċċess għal persuni li jużaw siġġu tar-roti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk iċ-ċentri tas-saħħa u bereġ li jinsabu fil-lokalitajiet humiex kollha aċċessibbli għal persuni li jużaw siġġu tar-roti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ kollha huma aċċessibbli għal persuni li jużaw siġġu tar-roti.

Testijiet tal-kwalità tal-arja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta u fejn saru testijiet tal-kwalità tal-arja fl-irħula f’dawn l-aħħar xahrejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Saħħa mentali — nefqa fuq kampanja ta’ prevenzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’sar bħala promozzjoni għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u kwalità tas-saħħa mentali? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa item b’item?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala promozzjoni għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u kwalità tas-saħħa mentali, f’Ġunju ta’ din is-sena bdiet kampanja Nazzjonali. Il-professjonisti tas-Saħħa Mentali ngħataw korsijiet Assessing u Managing Suicide Risk fuq kif wieħed għandu jintervjeni meta persuna tkun fi kriżi minħabba problemi ta’ Saħħa Mentali. Dan it-taħriġ ġie mogħti minn tabiba akkreditata mill-Istitut Amerikan. Ingħataw korsijiet lil 47 tabib u 156 professjonist fil-qasam tas-Saħħa Mentali. Kif ukoll saret kampanja ta’reklamar fuq radios, TVs, billboards, posters/leaflets/Cards/ Children Colouring Book/ Magnets/banners u video production. Infakkar lill-Onor. Interpellant illi l-helpline 1579 huwa manned 24 siegħa kuljum minn professjonisti mħarrġa.

L-Imtarfa — Triq Tabija -Miżuri ta’ Traffic calming

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isiru miżuri ta’ traffic calming fi Triq Tabija kantuniera ma’ Triq il-Maltin Internati u Eżiljati, fl-Imtarfa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-ġimgħa bdew ix-xogħlijiet fl-akwati biex issir junction ġdida skont disinni approvati.

Ir-Rabat — Triq Santa Rita - Azzjoni kontra pparkjar ħażin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tittieħed azzjoni biex ma jibqax isir double parking fi Triq Santa Rita, ġewwa r-Rabat, minn quddiem l-għassa sa Triq Tabija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dwar double parking fi Triq Santa Rita, ġewwa r-Rabat, minn quddiem l-għassa sa Triq Tabija, tittieħed azzjoni regulari kemm mill-Pulizija kif ukoll mill-Uffiċjali tal-Komunità biex dawn in-nuqqasijiet jiġu evitati. Dan isir permezz ta’ ronda u meta jkun il-każ jinħarġu taħrikiet relatati. Bejn Jannar 2023 u 9 ta’ Ottubru 2023 inħarġu mitejn u tnejn u erbgħin (242) taħrika marbuta ma’ diversi kontravenzjonijiet tat-traffiku minn uffiċjali taż-żewġ aġenziji, u dan barra diversi twissijiet li ngħataw fl-istess perjodu.

Ir-Rabat — Belveder ta’ Għeriexem - Tħawwil ta’ siġar ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir tħawwil ta’ siġar ġodda minflok is-siġar li mietu minħabba nuqqas ta’ tisqija fil-Belveder ta’ Għeriexem, ir-Rabat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ir-Rabat — Kappella tas-Sanċir - Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella tas-Sanċir fir-Rabat, qabel ma tintilef għal dejjem?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li dwar is-sit imsemmi, kien hemm talba ta’ kustodja minn għaqda non-governattiva, liema talba ġiet ipproċessata mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Tali talba infurmat li issa għaddiet għand l-Awtorità kkonċernata sabiex tiġi debitament ipproċessata.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Ħal Mula kantuniera ma’ Triq Mamo - Miżuri ta’ traffic calming

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jitwaħħlu aktar traffic calming measures fi Triq Ħal Mula, kantuniera ma’ Triq Mamo, f’Ħaż-Żebbuġ minħabba sewqan eċċessiv, bħal mirja u tabelli li juru l-limitu ta’ veloċità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ illi t-traffic calming measures imsemmija mill-Onor. Interpellant jinsabu fil-pjan ta’ ħidma u implimentazzjoni tal-Kunsill u ser jiġu implimentati proprju fil-jiem li ġejjin.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Ħal Mula kantuniera ma’ Triq Mamo - Miżuri ta’ traffic calming

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jitwaħħlu aktar traffic calming measures fi Triq Ħal Mula, kantuniera ma’ Triq Mamo, f’Ħaż-Żebbuġ minħabba sewqan eċċessiv, bħal mirja u tabelli li juru l-limitu ta’ veloċità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandha l-ebda applikazzjoni pendenti għal ‘traffic calming measures’ fit-toroq msemmija f’Ħaż-Żebbuġ, Malta. In oltre, Transport Malta ser tkun qed tikkuntattja lill-Kunsill Lokali konċernat, sabiex skont in-neċessità jkunu jistgħu japplikaw għall-miżuri neċessarji.

Pulizija — Rapporti ta’ suwiċidji u attentati ta’ suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti ta’ attentati ta’ suwiċidji u kemm daħlu rapporti ta’ suwiċidji lill-Pulizija bejn l-2019 u l-2023, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi in-numru ta’ rapporti ta’ attentati ta’ suwiċidji u rapporti ta’ suwiċidji li daħlu lill-Pulizija bejn is-sena 2019 u d-9 ta’ Ottubru 2023, kien kif jidher fit-tabella hawn taħt: Sena Rapporti ta’ attentati ta’ suwiċidji Rapporti ta’ suwiċidji 2019 94 21 2020 127 22 2021 102 34 2022 111 24 2023 (sa 09-10-23) 99 24 Total 533 125

Saħħa Mentali — Mediċini ġodda fuq il-fomularju tal-Gvern

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm daħlu mediċini ġodda li jintużaw fit-trattament tas-saħħa mentali fuq il-fomularju tal-Gvern fl-aħħar sena u liema huma?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar sena żdiedu 5 mediċini ġodda li jintużaw fit-trattament tas-saħħa mentali fuq il-Formolarju tal-Gvern. Dawn huma: Fluoxetine 20mg/5ml Oral Solution Olanzapine 405mg PR injections Olanzapine 210mg Prolonged Release Injection Olanzapine 300mg Prolonged Release Injection Aripiprazole 1mg/ml Oral Solution

Sptar Mater Dei — Psychiatric Unit

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux ser jinfetaħ is-Psychiatric Unit ġewwa l-Isptar Mater Dei u meta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9789.

Ċentri tas-Saħħa — Servizz ta’ tabib 24/7

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan biex iċ-ċentri tas-saħħa kollha jibda jkollhom servizz ta’ tabib 24/7?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-politika tal-Gvern hi illi joffri servizzi tas-saħħa kemm jista' jkun viċin tal-komunità. Il-ħinijiet ta’ servizz tat-tabib fiċ-ċentri tas-saħħa żdied fuq dak li kien preżenti sal-2013. Fil fatt il-ħinijiet tat-tabib żdiedu fl-2013, 2014 ,2018 u 2020. Ta’ min isemmi wkoll illi s-servizz ta’ telemedicine li mill-ġimgħa l-oħra beda jiġi offrut minn premises ġodda joffri servizz ta’ tabib 24 siegħa kuljum.