Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Isptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – Għajnuna għas-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li fittxew għajnuna għas-saħħa mentali fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fis-snin 2023, 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ attendenzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-isptar Mater Dei b’rabta ma’ għajnuna minħabba problemi ta’ saħħa mentali jew psikjatriċi jinsab fit-tabella ta’ hawn taħt. Year Number of A&E attendances 2023 2020 2024 1969 2025 2038 Jan-Aug 2026 1361

Insulin pumps – Pjan u timeline

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjan hemm għal aktar pazjenti biex jużaw l-insulin pumps u jekk hemmx timeline?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li preżentament għaddej il-proċess fejn qed jitqassmu l-insulin pumps lill-pazjenti li jgħixu bid-dijabete ta' Tip 1 u li għandhom inqas minn 19-il sena. Dawn il-pazjenti qed jingħataw l-għarfien neċessarju sabiex jagħmlu l-aħjar użu u bl-aktar mod sigur, u li jagħtihom il-benefiċċju massimu, minn dawn il-pumps. La darba jitlesta dan il-proċess, ikunu jistgħu jsiru t-tħejjijiet neċessarji sabiex ikompli jiżdied l-intitolament għal dawn il-pumps minn aktar pazjenti.

Continuous Glucose Monitors

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min hu intitolat għal Continuous Glucose Monitors u xi pjan hemm biex jingħata lil aktar pazjenti li għandhom bżonnu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li pazjenti bil-kundizzjoni tad-dijabete ta' Tip 1, min għandu Gestational Diabetes u min toħroġlu d-dijabete minħabba ' pancreatectomy, pancreatic atrophy or necrosis ' huwa ntitolat għal Continuous Glucose Monitors. Infurmat li bħalissa għaddej xogħol preparatorju u neċessarju sabiex b’mod gradwali jkompli jiġi estiż dan is-servizz.

Dentistrija – Sejħiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, jekk wara li kien hemm xi ingaġġi ġodda jew ingaġġi interni fid-Dentistrija, kienx hemm sejħiet (anke interni) qabel ġew ingaġġati nies għal: i.    Paediatric Dentistry/Child Dental Health; ii.   Endodontics; iii.  Special Needs; u iv.  Maxillofacial Surgery? Jekk iva, jista’ jgħid meta ħarġu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn is-sejħiet?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm sejħiet għal ingaġġi ġodda jew interni f’dawn il-karigi.

Hornets – Sostenn għal min irabbi n-naħal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tip ta’ sostenn finanzjarju, ta’ mediċini jew sostenn relatat, lil dawk irreġistrati li jrabbu n-naħal u qed jiġu affettwati minn telf ta’ kolonji minħabba l-problema ta’ hornets f’Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-Mistoqija Parlamentari Nru 2618.

Hornets – Laqgħat mal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’laqgħat saru, meta u x’follow up kien hemm mal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija, dwar il-problema fejn il-hornets qed joqtlu l-kolonji tan-naħal f’Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-Mistoqija Parlamentari Nru 2618.

Hornets – Miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex tiġi kkontrollata l-popolazzjoni ta’ hornets li qed tiżdied b’mod allarmanti u qed taffettwa l-kolonji ta’ naħal f’Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qiegħed isegwi t-tħassib dwar iż-żieda fil-preżenza tal-bagħal taż-żunżan, magħruf ukoll bħala l- Oriental Hornet , u l-impatt tiegħu fuq il-kolonji tan-naħal f’Malta. Tul dawn l-aħħar snin, il-Ministeru ħa diversi miżuri biex itejjeb l-għarfien dwar dan l-insett u jgħin lil dawk li jrabbu n-naħal. Dawn il-miżuri kienu jinkludu kollaborazzjoni teknika ma’ espert fil-qasam, it-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ materjal informattiv dwar l-identifikazzjoni, iċ-ċiklu tal-ħajja u l-kontroll tal- bagħal taż-żunżan , kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ għan-naħħala. Permezz tal-AgriConnect ġie wkoll ikkomunikat disinn ta’ nassa li tista’ tinbena u tintuża lokalment. Din in-nassa ġiet addottata minn numru ta’ dawk li jrabbu n-naħal u ntużat bħala għodda biex titnaqqas il-pressjoni ta’ dan l-insett. Il-Gvern introduċa wkoll skema ta’ għajnuna finanzjarja għal dawk irreġistrati li jrabbu n-naħal sabiex tikkumpensa parzjalment għat-telf finanzjarju u għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-ħsara kkawżata mill-bagħal taż-żunżan, filwaqt li tappoġġa miżuri preventivi, inkluż ix-xiri u t-tqegħid ta’ nases. Il-metodi ta’ trażżin huma bbażati prinċipalment fuq miżuri fiżiċi u preventivi. Dawn jinkludu l-użu ta’ nases adattati, partikolarment sabiex jinqabdu l-irġejjen fil-perjodu opportun, kif ukoll it-tneħħija professjonali tal-bejtiet.  L-iskart organiku jew l-ikel għall-annimali espost, kif ukoll it-tmigħ tal-annimali f’postijiet pubbliċi, jistgħu jattiraw dan l-insett u jikkontribwixxu għall--preżenza u t-tixrid tiegħu. Il-Ministeru qiegħed iżomm kuntatt kontinwu permezz tal-fora stabbiliti u permezz ta’ konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tas-settur tal-apikultura dwar l-impatt tal-bagħal taż-żunżan u l-miżuri meħtieġa. Matul dawn id-diskussjonijiet ġie rikonoxxut li n-nases jibqgħu għodda utli biex titnaqqas il-pressjoni ta’ dan l-insett, pero’ mhux biżżejed. Għalhekk, il-Ministeru qed ikompli jevalwa l-iżvilupp tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tas-settur, filwaqt li qed jikkunsidra l-implimentazzjoni ta’ miżuri ulterjuri, inkluż il-kontroll tal-bejtiet ta’ dan l-insett fiż-żoni urbani, it-tnaqqis tal-fatturi li jiffavorixxu l-proliferazzjoni tiegħu, kif ukoll l-għoti ta’ appoġġ lin-naħħala biex isaħħu u jirkupraw il-kolonji tan-naħal. L-esperjenza tas-snin riċenti tindika li l-miżuri meħuda għandhom jiġu kkumplimentati b’approċċ aktar mifrux u ikkoordinat li jindirizza wkoll il-preżenza tal-bagħal taż-żunżan f’żoni urbani u residenzjali.

Wied il-Mielaħ – Rapporti ta’ drenaġġ fil-baħar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk itteħditx azzjoni wara rapporti li kien hemm drenaġġ fil-baħar f’Wied il-Mielaħ, Għawdex fit-8 ta’ Settembru 2026, għad-detriment tas-saħħa pubblika?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lment rigward drenaġġ fil-baħar fiż-żona indikata. Madankollu, hekk kif l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa f’Għawdex sar jaf bis-sitwazzjoni fid-9 ta’ Settembru 2026, informa minnufih lit-Taqsima tal- Wastewater Operations Unit fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Ninsab infurmat li l-każ kien dovut għal ħsara fil-pompa tad-drenaġġ fl-inħawi ta’ Wied il-Mielaħ, li wasslet li xi drenaġġ sab triqtu lejn il-baħar. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet azzjoni immedjata billi wettqet ix-xogħlijiet ta’ tiswija meħtieġa u naddfet iż-żona affettwata.

Ir-Rabat/Ħad-Dingli - Triq il-Mielħa - Tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser tittieħed azzjoni biex jitnaddfu l-inħawi ta’ Triq il-Mielħa l/o Rabat/Dingli, minn makkinarju, karozzi mitluqa u oġġetti oħra?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li wara spezzjoni li saret fuq il-post, ma kkonfermatx il-preżenza ta’ vetturi mitluqa f’din it-triq.

Wied Speranza – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33419 tal-leġislatura preċedenti, tista’ l-Ministru tispjega kif s’issa għadu ma sar l-ebda xogħol fuq il-parti minn Wied Speranza li kienet ċediet mal-ewwel xita, wara li kien għadu kif ġie rinovat u inawgurat, u li kellu jiġi rranġat f'Mejju 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara li ċediet parti mill-ħajt f’Wied Speranza, u minħabba l-valur ekoloġiku tas-sit, Project Green ingaġġat espert sabiex tiġi stabbilita l-kawża tal-ħsarat u l-aħjar mod kif isiru x-xogħlijiet meħtieġa. L-ispezzjoni setgħet issir biss wara li niżel il-livell tal-ilma fil-wied. Konsegwentement, mill-istħarriġ li sar irriżulta li l-ħajt ċeda minħabba numru ta’ fatturi fosthom il-kundizzjonijiet tas-sit, il-ħamrija li żammet ħafna ilma iżjed minn dak previst u pressjoni tal-ilmijiet fuq il-ħajt, li ma kienux taħt il-kontroll ta’ Project Green jew il-kuntrattur. Ġie deċiż li minflok il-ħajt jerġa’ jinbena bl-istess metodu oriġinali, titħejja soluzzjoni aktar adattata għall-kundizzjonijiet tas-sit. Project Green, flimkien mal-espert, ħejjiet disinji ġodda li ġew ippreżentati lill-entitajiet konċernati, fosthom l-ERA u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, u dawn ġew approvati. Peress li dawn ix-xogħlijiet huma aktar estensivi u profondi minn dawk li kienu ppjanati oriġinarjament, kien meħtieġ ukoll finanzjament addizzjonali. Minħabba n-natura ambjentali tal-wied, ix-xogħlijiet jistgħu jsiru biss matul ix-xhur meta ma tkunx ix-xita. Project Green flimkien mal-kuntrattur qed tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex iż-żona tinżamm sigura għal dawk li jaċċessawha.

L-Isptar Mater Dei – Air mattresses

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex kien hemm pazjenti li kienu fuq lista ta’ stennija għal air mattress (ġew infurmati li m’hemmx biżżejjed bejn l-1 u s-6 ta’ Lulju)? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm air mattresses available fl-Isptar Mater Dei?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar Mater Dei ikun hemm domanda kontinwa għal saqqijiet tal-arja għall-pazjenti. Infurmat li għaldaqstant, inħarġet sejħa b’tender għall-akkwist ta’ 60 saqqu tal-arja ġdid sabiex tkompli tissaħħaħ il-provvista ta’ dawn it-tip ta’ saqqijiet fl-Isptar. Infurmat li s’issa hemm 371 saqqu tal-arja disponibbli.

Epipens għall-minorenni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ingħataw Epipens lill-minorenni taħt it-18-il sena minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 2327.

Epipens għall-adulti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ingħataw Epipens lill-adulti minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Settembru 2026, l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: 2026 Epipens lill-Adulti Epipens lill-Minorenni Jannar 0 0 Frar 0 0 Marzu 3 0 April 35 2 Mejju 70 29 Ġunju 83 46 Lulju 90 39 Awwissu 72 48 Settembru 54 49 Ta’ min jinnota li dawn l-Epipens bdew jitqassmu lejn l-aħħar ta’ Marzu 2026, wara l-istqarrija annessa https://www.gov.mt/en/Government/DOI/Press%20Releases/Pages/2026/03/17/PR260438.aspx

Ir-Rabat, Malta – Wied il-Qlejgħa – Lampi fuq il-pont

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser isiru lampi fuq il-pont li jgħaddi minn fuq Wied il-Qlejgħa, fl-inħawi ta' Koronja, ir-Rabat, Malta?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Wied il-Qlejgħa fl-inħawi ta' Koronja, ir-Rabat, Malta, ma jaqax taħt ir-responsbilità tal-Ministeru tagħna.

Ir-Rabat, Malta – Wied il-Qlejgħa – Lampi fuq il-pont

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isiru lampi fuq il-pont li jgħaddi minn fuq Wied il-Qlejgħa, fl-inħawi ta' Koronja, ir-Rabat, Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ m’għandiex talbiet sabiex isiru tali lampi.