Legislature:
Category:
Reset
Active:

Settur tal-ortopedija – Konsulenti u tobba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent jaħdem fis-settur tal-ortopedija? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm tobba jaħdmu fis-settur?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-Isptar Mater Dei hemm total ta’ 13-il Konsulent tal-Ortopedija. Ma’ dawn hemm 37 tabib f’dan id-Dipartiment.

Dijabete — Persuni dijanjostikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna preżentament hija dijanjostikata bid-dijabete f'Malta u f'Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li skont ir-reġistru kkumpilat mid-Direttorat għall-Informazzjoni u r-Riċerka fl-2023, bbażat fuq persuni ħajjin li fl-2020 jew 2021 kellhom riżultat tad-demm li jaqbel mal-kriterji internazzjonali għad-dijanjosi tad-dijabete, jew użaw xi servizz relatat mad-dijabete, inkluż attendenza f'xi waħda mill-kliniċi relatati jew inkella jużaw mediċini tad-dijabete mill-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek, in-numru ta' dijabetiċi jammonta għal ftit aktar minn 46,000 persuna.

Dijabete — Reġistru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiġi fis-seħħ ir-reġistru tal-pazjenti li jbatu bid-dijabete?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li diġà sar eżerċizzju ta' kumpilazzjoni ta' reġistru statiku ta' persuni li jbatu mid-dijabete bbażat fuq is-sistemi amministrattivi eżistenti bi preparazzjoni għall-istrateġija tad-dijabete li jmiss. Sadanittant beda l-proċess ta' procurement ta' sistema informatika li tkun tista' tmantni dan ir- reġistru b'mod regolari.

Sptar Ġenerali t'Għawdex — Servizzi li ser ikunu qed jitwaqqfu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'servizzi ser ikunu qegħdin jitwaqqfu mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex u jekk dawn hux ser jiġu rilokati fiċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi fejn hu klinikament possibbli, s-servizzi joħorġu mill-ambjent ta’ sptar u jersqu aktar viċin ta’ fejn joqgħod jew jaħdem il-pazjent. L-għan aħħari hu li titnaqqas il-pressjoni fuq l-isptar sabiex il-professjonisti fl-isptar ikunu jistgħu jiffokaw aktar fuq mard speċjalizzata u l-kura tiegħu. Għadaqstant, filwaqt li s-servizzi msemmija hawn taħt ser jibqgħu jingħataw mill-isptar lil pażjenti li jkollhom bżonn ta’ kura aktar speċjalizzata, sar ftehim bejn il-Primary HealthCare u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex dawn ikunu jistgħu jingħataw ukoll miċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid ta’ Victoria u mill-Kliniċi tal-Komunità ta’ Għawdex. Dawn is-servizzi jinkludu: § Is-servizz tad-Dijabete § Is-Servizz tal-ACC-POC (għal pazjenti li jieħdu l-warfarina) § Is-Servizz tal-Podjatrija.

Furjana — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex parti miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana ngħalqet u s-servizzi twaqqfu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ma ġie mwaqqaf jew sospiż l-ebda servizz. Is-Servizzi kollha ġew temporanjament relokati fil-postijiet kif indikat fit-tabella hawn taħt, bi tħejjija għall-immodernizzar ta’ din il-parti tal-binja, bħala parti mill-programm ħolistiku tal-immodernizzar tal-Primary HealthCare. Servizz Sit Temporanju Podjatrija Fil-Klinika fil-Komunita’ tal- Ħamrun u fiċ-Ċentru tas-saħħa ta’ B’Kara Fiżjoterapija Fil-Kliniċi fil-Komunita’ tal-Ħamrun, H’Attard, u tal-Pieta’ Dijabete Is-servizz baqa’ jingħata miċ-Ċentru tas-saħħa tal-Floriana Oftalmoloġija Is-servizzi kollha tal-Oftalmoloġija offruti marbuta maċ-Centru ta’ Eċċellenza tal-Floriana qed jingħataw minn post temporanju fi Triq St Albert, Gżira

Djar tal-anzjani privati – Sodod mikrija mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sodod li kienu qed jinkrew mill-Gvern fi djar tal-anzjani privati sal-aħħar ta’ Jannar 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Jannar 2024 kien hemm 2828 sodod li jinkrew mill-Gvern fi djar tal-anzjani privati.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fil-Faċilità San Vinċenz de Paul u kemm minnhom huma tobba, infermiera u 'allied health professionals'?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li jaħdmu fil-Faċilità għall-kura fit-tul San Vinċenz de Paul fit-tliet professjonijiet imsemmija, jiġifieri tobba, infermiera u ‘Allied Health Professionals’, jammonta għall-543. Dawn huma maqsumin kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Risposta għat-Tweġiba PQ 16342: Tobba Infermiera Allied health professionals Total SVP 41 422 80 543

Furjana — Ċentru tas-Saħħa – Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar manutenzjoni fil-wing li issa ġiet magħluqa fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni preventiva issir fuq bażi regolari matul is-sena fiċ-Ċentri tas-Saħħa u fil-Kliniċi tal-Komunità kollha tal-Primary HealthCare. Is-sezzjoni fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana li qed issir referenza għaliha ġiet magħluqa temporanjament għall-immodernizzar bħala parti mill-programm ħolistiku tal-immodernizzar tal-Primary HealthCare.

Sptar Mount Carmel — Gym

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-gym tal-Isptar Mount Carmel qed ikun magħluq?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-isptar Mount Carmel huwa mgħammar b’iktar minn gym wieħed. L-użu u l-ftuħ tagħhom huwa spjegat fis-segwenti: • Il-gym tar-rijabilitazzjoni fid-dipartiment tal-fiżjoterapija jintuża kontinwament. • Il-gym ‘sports and cultural club’ li jinsab ukoll ġewwa l-isptar Mount Carmel huwa disponibbli għall-membri kollha, kemm l-istaff kif ukoll il-qraba bi sħubija valida. Huwa aċċessibbli mit-Tnejn sal-Ħadd inklużi l-vaganzi mis-6.30 am sad-9.30pm. • Il-gym f'AW1 u AW2 huwa disponibbli għall-użu tal-klijenti skont it-talba u l-ħtieġa. • Il-gym fl-AW3 huwa disponibbli fuq talba meta jkun hemm bżonn li jintuża mill-klijenti, altrimenti, jkun imsakkar u ċ-ċwievet ikunu disponibbli mingħand l-infermiera responsabbli. • Il-gym li jinsab fiċ-Ċentru Soċjali jintuża bejn it-Tnejn u l-Ħadd fejn is-sessjonijiet ta’ eżerċizzju jkunu skedati minn qabel. Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-pazjent kif ukoll tiġi evitata ħsara lit-tagħmir, il-gym huwa użati taħt superviżjoni.

Sptar Mount Carmel — Pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-Isptar Mount Carmel, kemm minnhom qed jieħdu kura għall-problemi psikjatriċi u kemm minnhom qed jieħdu kura minħabba addizzjonijiet jew abbużi minn droga/alcohol jew oħrajn? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa ġewwa l-Isptar Mount Carmel hemm 257 pazjent (88 nisa u 169 irġiel). Minnhom hemm 187 pazjent li qiegħdin jieħdu kura għal problemi psikjatriċi u 70 pazjent li qiegħdin jieħdu kura minħabba addizzjonijiet jew abbużi minn droga/alkoħol. Mit-total ta’ pazjenti, 53 pazjenti huma ta’ nazzjonalità barranija. 10 huma nisa u 43 huma rġiel.

Appuntamenti għal outpatients — Sistema ta' messaġġi bit-telefon ċellulari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sistema ta' messaġġi bit-telefon ċellulari jinnotifika lill-pazjenti b'appuntamenti għal outpatients mhux qed taħdem, u meta ser tibda taħdem minħabba li ilha xhur wieqfa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Is-sistema ta’ notifika lill-pazjenti bl-appuntamenti tagħhom f’diversi outpatients fis-servizzi tas-saħħa qed taħdem. F’Diċembru u Jannar 21,093 SMS inħareġ mill-Kura Primarja, 20,238 inħareġ mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, 751 inħareġ mill-Isptar ta' Rijabilitazzjoni Karen Grech u 7,044 inħareġ mill-Orthotics & Prosthetics Unit, fl-Sptar San Luqa. Fl-Isptar Mater Dei, is-servizz ta’ notifika b’SMS twaqqaf temporanjament minħabba tibidliet fis-sistema sabiex is-servizz ta’ notifika bl-SMS ikun jista’ jiġi integrat mas-servizz ċentralizzat ta’ notifika diġà offrut mill-Aġenzija Maltija għat-Teknoloġija tal-Informatika (MITA). In-notifika permezz ta’ SMS lill-pazjenti bl-appuntamenti tagħhom fl-outpatients ta’ Mater Dei reġa’ beda jaħdem fid-9 ta’ Frar 2024.

L-Imġarr — Triq Sir Temi Zammit - Petizzjoni MP-4 - Diskussjoni għal sistema ta’ Traffic Management

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi risposti jew aġġornamenti għall-Petizzjoni MP-4 – Onor. Ian Vassallo – Diskussjoni għal sistema ta’ Traffic Management aħjar fi Triq Sir Temi Żammit, l-Imġarr?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Sptar Ġenerali t'Għawdex — Servizz ta' podjatrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ser jitneħħa s-servizz ta' podjatrija mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Jista’ jgħid x'ser jiġri mis-servizzi mogħtija u l-istaff konċernat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-podjatri li kienu jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ġew trasferiti għall-Primary HealthCare bil-għan li tiġi mmassimizzata l-effiċjenza u l-effettività ta’ dan is-servizz għall-benefiċċju tal-pazjenti. Għaldaqstant, filwaqt li s-servizz tal-podjatrija fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex mhux ser jieqaf, dan ser jibqa’ jingħata skont il-ħtieġa. Ninsab infurmat li:  Ftit tal-ġimgħat ilu beda jingħata miċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid ta’ Victoria.  Ser jiżdied għal jumejn fil-ġimgħa fil-Klinika tal-Komunita’ tal-Għarb.  Ser jibda jingħata b’mod regolari minn Dar Padova.  Ser jibda jingħata mill-Klinika tal-Komunità tal-Qala fil-ġimgħat li ġejjin.

Chadwick Lakes — Konkos li ntrema/tpoġġa mal-ġenb tat-triq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk konkos li ntrema/tpoġġa mal-ġenb tat-triq fiċ-‘Chadwick Lakes’, hux ser jitneħħa jew sarx għal xi raġuni mill-ħaddiema tal-Ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-investigazzjonijiet preliminari li saru ma rriżultax li kien hemm xi entità li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li remiet jew poġġiet xi konkos kif indikat. Filwaqt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed tinvestiga aktar fid-dettall biex jekk jirriżulta li ntrema xi konkos isiru interventi ta’ tindif, l-Onor. Interpellant ikun qed jgħin f’dawn l-investigazzjonijiet jekk jindika b’mod aktar speċifiku s-sit fejn sar l-allegat rimi.

Chadwick Lakes — Xogħol fuq ħitan tas-sejjieħ imwaqqgħin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se jsir xogħol fuq ammont ta’ ħitan tas-sejjieħ imwaqqgħin fiċ-Chadwick Lakes?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15536, ninsab infurmata li qed jitħejjew pjanijiet biex il-ħitan tas-sejjieħ jiġu restawrati fejn hemm bżonn.

Chadwick Lakes — Tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jitnaddaf il-Wied taċ-‘Chadwick Lakes’ minn skart u ħmieġ ieħor?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 11675 u 15536, inżid ninfurmah li fil-parti tal-wied fejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma kienet wettqet proġett ta’ riabilitazzjoni fuq medda ta’ żewġ kilometri, ix-xogħol fuq ir-restawr ekoloġiku baqa’ għaddej kontinwament bl-involviment tal-għaqda volontarja Nature Trust Malta. Barra minn hekk, fil-partijiet pavimentati, l-kontenituri tal-iskart jitbattlu t-Tnejn, l-Erbgħa u s-Sibt, filwaqt li t-Tnejn u l-Ħamis isir ukoll xogħol ta’ knis. Interventi aktar spissi jsiru wara kull maltempata. F’din il-parti tal-wied isir ukoll monitoraġġ kontinwu permezz tas-sistema tas-cctv u dan iservi wkoll ta’ deterrent kontra r-rimi tal-iskart u reati oħra. Il-kumplament tal-wied jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Project Green u, hawnhekk ukoll, qiegħed isir monitoraġġ regolari sabiex jinġabar l-iskart u jitnaddaf kull ħmieġ ieħor li sfortunatament għadu jintrema fil-widien minn ftit persuni rresponsabbli.

Rabat, Mtarfa u Ħad-Dingli — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta jingħata t-tarmak fit-toroq li qed isir ix-xogħol fihom minħabba sistemi elettriċi fir-Rabat, Mtarfa u Ħad-Dingli, hux ser issir il-wisgħa tat-triq kollha jew it-trinka biss?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jintemm ix-xogħol ta’ cables biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku taż-żona indikata, il-wiċċ tat-toroq konċernati jsir skont ir-rekwiżiti tal-permess ta’ dawn ix-xogħlijiet mill-awtoritajiet konċernati.