Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sit elettroniku Healthservices.gov.mt – wards miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-lista ta’ wards fuq is-sit elettroniku healthservices.gov.mt mhux qed turi l-wards kollha miftuħa fl-Isptar Mater Dei, inkluż il-wards ġodda miftuħa u dawk temporanji li ilhom jeżistu għal dawn l-aħħar snin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-website healthservices.gov.mt bħalissa qed tiġi migrata għall-pjattaforma l-ġdida. Il-lista tas-swali se tkun tista’ tiġi aċċessata mill-website l-ġdida mdh.gov.mt. Il-lista se tkun qed tiġi aġġornata kontinwament.

Sptar Mount Carmel — ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qed jissuplixxi l-ikel fl-Isptar Mount Carmel u jagħti sample ta’ ġimagħtejn tal-menus provduti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa, is-servizzi tal-ikel fl-Isptar Monte Karmeli huma pprovduti mill-‘Malta Healthcare Catering Ltd’. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – SOP għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali akuta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx SOP ta’ meta persuna tmur l-Emerġenza bi problema ta’ saħħa mentali akuta u fejn tiġi trattata wara li tlesti mis-sezzjoni tal-Emerġenza?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li meta pazjent jkollu bżonn kura medika fid-dipartiment tal-emerġenza jintużaw linji gwida internazzjonli biex tingħata prijorità, indipendenti mill-fatt ta’ liema sistema fisjoloġika tkun involuta. Meta l-emerġenza tkun waħda ikkawżata minn kundizzjoni jew mard mentali, il-pazjenti jiġu megħjjuna skond il-prijorità u jiġu nvoluti speċjalisti tal-psikjatri skond il-bżonn.

POYC – lista ta’ mediċini Out of Stock

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-mediċini li kienu out of stock mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek fil-perjodu bejn l-10 u l-20 ta’ Settembru 2024 ġurnata b’ġurnata?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma li l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ir-Rabat Malta – Tilqim tal-influwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn ser tingħata t-tilqima tal-influwenza lir-residenti li jużaw iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta peress li dan jinsab magħluq? Jista’ jaċċerta lil dawn ir-residenti li jinstab post jew fejn kien iċ-Ċentru tas-Saħħa jew fil-qrib (ir-Rabat stess) biex jitnaqqas l-iskariġġ għall-pazjent?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-tilqima tal-influwenza ser tingħata mill-post taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat.

Sptar Mater Dei – Dipartiment tad-Dentistrija — staff

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm staff jaħdem fid-Dipartiment tad-Dentistrija tal-Isptar Mater Dei li huma dentisti, dental hygienists u assistenti oħrajn?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei – Dipartiment tad-Dentistrija — lista ta’ stennija għal appuntamenti ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija għal appuntament ġdid fid-Dipartiment tad-Dentistrija tal-Isptar Mater Dei għall-adulti u għat-tfal?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Sptar Mount Carmel – persuni li tilfu ħajjithom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni tilfu ħajjithom din is-sena fl-Isptar Mount Carmel u jgħid f’liema każi minnhom infetħet inkjesta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li sal-lum, żewġ pazjenti tilfu ħajjithom fl-isptar Monte Karmeli matul is-sena 2024. Fiż-żewġ każi l-mewta kienet naturali.

Pazjenti li qegħdin jistennew Ultra Sound Guided Interventions

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20250 u jgħid kemm hemm pazjenti li qegħdin jistennew Ultra Sound Guided Interventions?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li m’hemm ebda pazjent li qed jistenna ultra sound guided intervention aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Nassigura lill-Onor. Interpellant li jsir kull sforz sabiex f’każijiet urġenti ma jkun hemm ebda dewmien biex dan isir.

Pazjenti li qegħdin jistennew diagnostic ultrasound

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20251 u jgħid kemm hemm pazjenti li qegħdin jistennew diagnostic ultrasound?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 91 pazjent li qed jistennew diagnostic ultrasound u ilhom jistennew aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm bosta raġunijiet għala dan il-perjodu jinqabeż. Nassigura lill-Onor. Interpellant li jsir kull sforz sabiex f’każijiet urġenti ma jkun hemm ebda dewmien biex dan isir.

Ir-Rabat Malta — Wied ta’ Santa Katerina - Xogħol ta’ tindif

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 20241 u 20464 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u jgħid meta se tibda tiġi mnaddfa l-muntanja ta' terrapien li ffurmat fiż-żona tal-Wied ta' Santa Katerina, fir-Rabat, fejn hemm il-barriera?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Benefiċċji Soċjali – kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali li jikkwalifikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali huma mniżżla fil-lista tal- kundizzjonijiet li għalihom jistgħu jingħataw benefiċċji soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) jipprovdi għal diversi ċirkustanzi ta’ saħħa mentali fir-rigward ta’ benefiċċji. Artikolu 20 jipprovdi ħlas tal-Għajnuna għal Mard, meta persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ test tal-mezzi skont il-proviżjonijiet tat-Tieni Skeda tal-istess Att fir-rigward ta’ meta persuna tkun tbati minn skiżofrenija, bi-polar disorder u dipressjoni bi psikosi. Barra minn hekk dan l-istess Artikolu jirreferi għal kundizzjonijiet varji li jinsabu f’Taqsima I tal-Ħames Skeda. Artikolu 23 jipprovdi intitolament għall-Għajnuna Medika bla Ħlas fuq diversi kundizzjonijiet li jinsabu f’Taqsima II tal-Ħames Skeda u jekk il-persuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ test tal-mezzi skont il-proviżjonijiet tat-Taqsima III tat-Tieni Skeda tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Artikolu 26 jipprovdi intitolament għall-persuni li saħħithom tkun irrendiethom inkapaċi għal kwalunkwe tip ta’ xogħol u jekk il-bord mediku maħtur taħt l-Artikolu 106 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) jiddeċiedi li l-persuna tissodisfa t-Tabelli tal-Indeboliment skont il-leġiżlazzjoni sussidjarja 318.21 tal-istess Att. Barra minn hekk, permezz tar-riforma introdotta fil-Budget 2024, persuna li tbati minn kundizzjonijiet li jistgħu jinkludu wkoll saħħa mentali, tista’ tapplika għal assistenzi għal diżabilità jekk tali kundizzjoni tkun qed tikkawżalha problemi ta’ funzjonalità, u dan wara li ġie introdott l-Artikolu 106 (g) fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) sabiex ġie mwaqqaf bord inter-professjonali u l-istess bord ikun jista’ jevalwa l-applikazzjoni skont standards internazzjonali tal-World Health Organisation u magħruf bħala ICF.

Każijiet ta’ suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il suwiċidju ġie rrappurtat f’Malta u Għawdex xahar b’xahar matul din is-sena sakemm titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u l-aħħar ta’ Settembru tas-sena 2024, in-numru ta każijiet ta’ suwiċidji li ġew rrappurtati f’Malta u Għawdex mal-Pulizija, xahar b’xahar, kienu kif jidher fit-tabella t’hawn taħt : Każijiet ta’ suwiċidji Jannar sa Settembru 2024 Xahar Jannar 2 Frar 2 Marzu 1 April 4 Mejju 3 Ġunju 1 Lulju 4 Awwissu 1 Settembru 3 Total 21

Sptar Mater Dei – Emerġenza – infermiera, tobba u speċjalisti tal-mediċina emerġenza

Question

Jista’ l-Minsitru jgħid kemm hemm preżentament infermiera, tobba u speċjalisti tal-mediċina emerġenza (separatament) li jaħdmu fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid kemm kien hemm f’Jannar u f’Ġunju ta’ kull sena mill-2021 sal-2024 separatament?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħandaq Industrial Estate — Triq Indri Psaila u Triq John Michael Testa - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20318 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid min hu inkarigat li jieħu ħsieb il-manutenzjoni ta’ Triq Indri Psaila u Triq John Michael Testa fil-Ħandaq Industrial Estate?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Pazjenti li qegħdin jistennew operazzjoni ta' knee replacement

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20245 u jgħid kemm hemm pazjenti li qegħdin jistennew operazzjoni ta' knee replacement?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hawn 1460 persuni li qed jistennew appuntament għall-operazzjoni ta’ knee replacement u li ilhom aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-persuni li l-perjodu ta’ stennija qabeż dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent qed jingħataw preferenza biex l-operazzjoni ssir f’Mater Dei jew fi sptar privat fl-iqsar żmien possibbli. F’kull każ fejn l-operazzjoni ssir fi sptar privat, din titħallas mill-Gvern.

Pazjenti li qegħdin jistennew operazzjoni ta' hip replacement

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20246 u jgħid kemm hemm pazjenti li qegħdin jistennew operazzjoni ta' hip replacement?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hawn 240 persuni li qed jistennew appuntament għall-operazzjoni ta’ hip replacement u li ilhom aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-persuni li l-perjodu ta’ stennija qabeż dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent qed jingħataw preferenza biex l-operazzjoni ssir f’Mater Dei jew fi sptar privat fl-iqsar żmien possibbli. F’kull każ fejn l-operazzjoni ssir fi sptar privat, din titħallas mill-Gvern.