Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew ritornati kontenituri fil-BCRS minn meta bdiet topera l-iskema u kemm mill-irċevuti tagħhom ma ġewx imsarrfin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-14 ta’ Novembru 2022 sat-23 ta’ Settembru 2024, inġabru 403,539,980 kontenitur tax-xorb. Minn dawn, 357,443,632 inġabru mir-Reverse Vending Machines u 46,096,348 inġabru bis-sistema manwali mill-ħwienet tal-imnut u stabbilmenti tal-catering.
Fl-istess perjodu l-valur tal-vawċers maħruġin kien ta’ €35,202,734. Minn dawn, sat-23 ta’ Settembru li għadda, kien għadhom ma ġewx imsarrfin b’valur ta’ €1,978,429. Skont Regolament 16(2) ta’ S.L.549.134, vawċer jiskadi wara tnax-il xahar mid-data li jinħareġ, u għaldaqstant valur konsiderevoli mill-aħħar ammont imsemmi, għadhom iridu jiġu msarrfin mill-konsumaturi.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma s-servizzi li ser jiġu offruti minn Paola Hub (Ċentru Vincent Moran) u jekk hux ser jibdew jiġu offruti malli jinfetaħ iċ-ċentru jew wara xi xhur?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Paola Hub (Ċentru Vincent Moran) hux finalizzat u x'xogħlijiet fadal biex isiru? Jista’ jispjega għaliex hemm dewmien fil-ftuħ u għaliex twaqqaf il-kuntrattur?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20168 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Proġetti Strateġiċi u jgħid fiex wasal l-agreement li kien ippreżentat u ffirmat biex il-klabbs li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ikollhom grawnd tagħhom wara li nbena wieħed ġdid għall-klabb li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19449 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hu approvax li jsiru l-kurduni tal-metall madwar is-soft areas tal-proġett il-ġdid tal-bajja tal-Mellieħa u jekk dawn hux ser jitħallew peress li huma ta’ periklu kbir?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kurduni tal-metall madwar il-‘landscaping’ huma parti minn sistema teknika stabilita fil-qasam tal-‘landscaping’. Dawn huma sistemi illi ntużaw għal diversi snin, f’diversi pajjiżi, u anka fi proġetti lokali bħal dak tal-baċir numru wieħed ta’ Bormla – li ilhom snin aċċessibli għat-tgawdija tal-pubbliku. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda informazzjoni li tidentifka din is-sistema bħala periklu.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18758 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18488 dwar il-petizzjoni ‘Diskussjoni għal sistema ta’ Traffic Management aħjar fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr’, jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-istakeholders li ltaqa’ magħhom il-Ministeru?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Sptar Mater Dei – uniformijiet lill-Professjonisti tas-Saħħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jingħataw l-uniformijiet lill-professjonisti tas-saħħa fl-Isptar Mater Dei wara li kellhom jistennew snin biex ittieħdu l-qisien u issa ilhom xhur li ttieħdu dawn il-qisien?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nitlob l-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema professjonisti qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex strumenti u nail clippers li jintużaw fil-podjatrija qed jinxtraw single use instruments, fejn qabel dawn kienu jintużaw ħafna drabi wara li jiġu sterilizzati kull darba li jintużaw?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14427 u 15315.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-pjan biex tiġi kontrollata l-popolazzjoni tal-crayfish u x’sar s’issa f’Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes) f’dan ir-rigward?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal Wied il-Qlejgħa hemm fis-seħħ Ftehim ta’ Tmexxija bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), l-Awtorità għall-Enerġija u l-Ilma u Nature Trust Malta għaż-żamma u r-restawr tal-ambjent naturali tas-sit. Wieħed mill-objettivi huwa t-tneħħija ta’ speċi aljeni u invażivi mill-wied fosthom iċ-ċkala tal-ilma ħelu (crayfish). Bl-isforzi li saru matul l-aħħar sentejn tneħħew madwar 4,500 minn din l-ispeċi u l-pjan hu li dan l-isforz jibqa’ għaddej biex tkompli tiġi kontrollata l-popolazzjoni tagħha.
Tista’ l-Ministru tgħid meta ser ikun lest ix-xogħol f’Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes) wara li tliet snin ilu t-triq biswit il-wied kienet ġarrbet ħsara, u issa għaddew sentejn mindu fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari simili li kienet saret dak iż-żmien kien intqal li x-xogħol kien waqaf minħabba li għamlet ix-xita fis-sajf?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li wara l-mistoqsija parlamentari li qed jirreferi għaliha, huwa stess kien għamilli mistoqsijiet oħrajn fejn perjodikament staqsa dwar fiex wasal ix-xogħol f’Wied il-Qlejgħa u kull darba tajtu tweġiba billi spjegajt l-andament ta’ dan il-proġett. Fid-dawl ta’ dan, nirreferih partikolarment għat-tweġibiet li tajtu għall-mistoqsijiet parlamentari 11541, 14426 u 20240.
Barra minn hekk, ftit tal-ġimgħat ilu nħarġet ukoll stqarrija pubblika bejn il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi x-xogħol, li fiha wkoll ġie spjegat fiex wasal il-proġett li qed isir b’kollaborazzjoni bejn Infrastructure Malta (IM) u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA). Filwaqt li qed inpoġġi kopja ta’ din l-istqarrija fuq il-Mejda tal-Kamra, inżid li meta jitlestew ix-xogħlijiet strutturali, ikun imiss li l-mejnijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li għaddejjin tul it-triq jiġu trasferiti fi struttura apposta li nbniet għalihom taħt it-triq u wara jsiru x-xogħlijiet finali tal-wiċċ tat-triq u l-bini mill-ġdid tal-ħajt tas-sejjieħ.
Ir-Rabat, Malta – Barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar minn meta saret mistoqsija parlamentari 6616 f’Marzu 2023 biex jieqaf l-abbuż u ma tibqax tikber il-muntanja ta’ terrapien f’barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina, ir-Rabat (ordnijiet tal-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi: OWK0025/19)? Tista’ tgħid meta saru spezzjonijiet fuq is-sit u jekk ħarġux xi ordnijiet jew multi?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajt lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 7079, li kien għamel sussegwentement għal 6616, inżid ninformah li l-Ordni ta’ Waqfien u Konformità (OWK) li ħarġet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq is-sit għadha fis-seħħ. Minn Marzu 2023 sad-data tar-risposta, l-ERA wettqet 8 spezzjonijiet fil-barriera msemmija - 4 spezzjonijiet fl-2023 u 4 oħra matul l-2024.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ħinijiet ikun hemm preżenza tat-tabib fiċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana, Gżira, Mosta, Rabat, Raħal Ġdid, Bormla, Ħal Kirkop u Birkirkara?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tobba u infermiera separatament ingaġġati ma’ kull ċentru tas-saħħa u jagħti l-ħinijiet li jaħdmu separatament fiċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana, Gżira, Mosta, Rabat, Raħal Ġdid, Bormla, Ħal Kirkop u Birkirkara?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat, Malta, u meta ser jinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li qed isiru fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat, Malta huma ta’ natura ta’ restawr u installazjonijiet ta’ sistemi ta’ immaniġġjar ta’ ventilazjoni, u ser jinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku għall-ħabta ta’ nofs is-sena 2025.
Ċentri tas-Saħħa – pazjenti li attendew bħala emerġenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti attendew bħala emerġenza f’kull wieħed miċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana, Gżira, Mosta, Rabat, Raħal Ġdid, Bormla, Ħal Kirkop u Birkirkara bejn Jannar u Settembru 2024 xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ċentri tas-Saħħa – Pazjenti li attendew bħala emerġenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti attendew bħala emerġenza f’kull wieħed miċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana, Gżira, Mosta, Rabat, Raħal Ġdid, Bormla, Ħal Kirkop u Birkirkara xahar b’xahar bejn Jannar u Diċembru tas-snin 2023, 2022 u 2021?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ċentri tas-Saħħa – pazjenti b’appuntament mat-tabib tal-familja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti attendew b’appuntament għand it-tabib tal-familja (GP) fiċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana, Gżira, Mosta, Rabat, Raħal Ġdid, Bormla, Ħal Kirkop, Birkirkara xahar b’xahar bejn Jannar u Settembru 2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Mater Dei – ward ġdida għall-kura tas-saħħa mentali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex tinfetaħ ward ġdida fl-Isptar Mater Dei għall-kura tas-saħħa mentali, meta ser tinfetaħ u f’liema parti tal-isptar ser tkun?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji jitħabru fil-ħin propizju.
Sptar San Luqa — Proġett ta’ Dipartiment ta’ Outpatients
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ dipartiment ġdid ta’ Outpatients fejn qabel kien hemm l-Isptar San Luqa, u meta hu ppjanat li jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji jitħabru fil-ħin propizju.