Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha mhux disponibbli l-magna tas-sleep apnoea mill-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li kien hemm dewmien minħabba li kien hemm oġġezzjoni fuq it-tender li ħarġet fl-2023, liema oġġezzjoni ġiet milqugħa mill-PCRB. Ħarġet tender ġdida fl-2024 u f’Novembru ġie ffirmat kuntratt mal-kumpanija li rebħet it-tender bl-istennija mgħandix taqbeż l-erba’ xhur.
Ir-Rabat, Malta — Trejqet l-Għadajjar - Patching ta’ ħofor
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25458, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u li issa ġiet referuta lilu u jgħid meta ser ikunu qed jiġu msewwija l-ħofor kbar fi Trejqet l-Għadajjar, ir-Rabat, Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill tar-Rabat li inħasset il-ħtieġa li jistenna biex iwettaq il-manutenzjoni ta’ l-imsemmija triq sakemm l-ilma tax-xita jiskula sabiex jiġi evitat li x-xogħol jinqered mill-għargħar. Dan il-pass huwa meħtieġ biex jigi żgurat li l-patching ma jintilifx fil-wied u ma jikkawżax ħsara fiż-żona ta’ Wied il-Qlejgħa, għaldaqstant id-data għall-bidu tax-xogħlijiet għadha mhux stabbililta.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet ta' infrastruttura fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li għaddej il-proċess ta' pjanar biex is-servizzi kollha preżenti jkunu jistgħu jingħataw minn sit alternattiv b’mod temporanju sakemm isiru x-xogħlijiet infrastrutturali.
Jista’ l-Ministru jgħid x'wassal għal nefqa akbar minn dik ippjanata fiċ-Ċentru Vincent Moran li għadu ma nfetaħx?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-ħtieġa għal nefqa akbar minn dik ippjanata fiċ-Ċentru Vincent Moran ġiet determinata minn xogħolijiet meħtieġa sabiex jiġu miksuba ċ-ċertifikazzjonijiet, kif ukoll aġġustamenti meħtieġa biex jiġi żgurat li l-faċilità tissodisfa l-ogħla standards ta’ sigurtà u effiċjenza operattiva.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna li tħaddem carer magħha fil-privat (fid-dar tagħha) għandhiex benefiċċji li ma tħallasx VAT fuq il-pagament lill-istess carer?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx informazzjoni aġġornata fuq meta ser jinfetaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta, sabiex jibda jingħata servizz lill-pazjenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li jekk kollox jimxi kif ippjanat, iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta, għandu jibda s-servizzi lill-pazjenti fir-raba’ kwart ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jiġu introdotti servizzi ġodda fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta wara li jinfetaħ mill-ġdid?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li ser jiġu ntrodotti servizzi ġodda tal-fiżjoterapija u oftalmoloġija fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta meta jinfetaħ mill-ġdid. Ma neskludux li jista’ jiġu pprovduti servizzi oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li jiġi rinovat iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta? Jista’ jgħid ukoll x'xogħol ser ikun qed isir u x’inhuma l-pjanijiet ta' rilokazzjoni tas-servizzi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li ser isir xogħol ta’ rinovar fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.
Ix-xogħol se jkun imqassam f'fażijiet differenti mingħajr ma jitwaqqfu l-ebda sevizzi kliniċi.
L-ewwel fażi: Rinovar tar- reception u post tas-stennija għall-pazjenti. Jinfetħu ukoll aktar kliniċi għatt-tobba fejn jaraw n-nies.
It-tieni fażi: Rinovar tal-kmamar tas-sular ta' isfel sabiex jitniżżlu servizzi tal-podjatrija u fiżjoterapija sabiex jinħoloq aktar spazju fis-sular ta' fuq.
It-tielet fażi: Hemm pjan sabiex jitkompla rinovar tal-kumplament taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta biċċa, biċċa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fil-patient charter u barra mill-patient charter jistennew għal data biex issirilhom l-operazzjoni ta’:
i. Knee replacement;
ii. Hip replacement;
iii. Kataretti;
iv. Carpal tunnel?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Membru li minn Lulju ’l hawn bdew isiru extra sessions għall-hip u knee replacements. Apparti dawk li normalment isiru fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, qed isiru wkoll extra sessions kull nhar ta’ Ħamis u kull nhar ta’ Ħadd fi sptar privat u extra session darba fil-ġimgħa fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Fil-każ tal-hip replacement, hemm 285-il pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Qed isir kull sforz sabiex dan il-perjodu ikompli jonqos.
Għar-rigward tal-karatetti, in-numru ta’ pazjenti niżel minn 367 f’Novembru 2024 (PQ 23196) għal 98 li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Dan bl-inizjattivi li hemm programm li bih minbarra l-operazzjonijiet li normalment isiru fl-isptarijiet tagħna, isiru 2,500 operazzjoni extra tal-kataretti fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Fil-każ tal-Carpal Tunnel, hemm 74-il pazjent li ilhom li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti.
Għar-rigward tal-knee replacement, l-informazzjoni qed tinġabar.
Inserraħ ras kulħadd, li kull każ urġenti jiġi trattat fl-iqsar żmien possibbli.
Nenfasiżża li jkun hemm diversi raġunijiet, uħud mediċi għala ikun hemm dan id-dewmien.
Rabat, Malta — Trejqet l-Għadajjar – Patching ta’ ħofor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir patching ta’ ħofor kbar ħafna li hemm fi Trejqet l-Għadajjar, ir-Rabat, Malta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi din it-triq hija waħda residenzjali u għaldaqstant nirreferih biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Sptar Mater Dei — Ingaġġ ta' staff ġdid fl-Emerġenza
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25102 u jgħid kemm ġie ingaġġat staff ġdid (infermiera u tobba) fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fis-sena 2024 u kemm irriżenjaw jew ġew trasferiti mill-impjieg tagħhom mis-settur tal-Emerġenza?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul l-2024, fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei ġew ingaġġati 5 Medical Officers u 20 Basic Specialist Trainees, kif ukoll 46 infermiera full time u 10 part time.
Infurmat li matul 2024, kien hemm riżenji ta’ żewġ tobba u tmien infermiera.
B'hekk kif wieħed jista' jara, l-istaff compliment f'dan id-Dipartiment kompla jissaħħaħ fir-riżorsi umani.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25099 u jgħid kemm infermiera, tobba u allied health professionals irriżenjaw mill-impjieg tagħhom fis-settur pubbliku fis-sena 2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fis-sena 2024 ġew inganġati 178 tabib u irriżenjaw 36, għar-rigward tal-infermiera ġew inganġati 342 il-infermier u ireżenjaw 53, u għar-rigward tal-allied health professionals ġew inganġati 40 u iriżenjaw 13.
Ir-Rabat, Malta — Ħruġ tad-drenaġġ f’residenza privata
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex wara diversi rapporti u spezzjonijiet rigward ħruġ ta’ drenaġġ f’residenza privata fir-Rabat, Malta li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ir-residenti baqgħu bla risposti/soluzzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li minn investigazzjoni li saret irriżulta li tali sitwazzjoni mhix ikkawżata mill-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-individwu konċernat ġie infurmat minnufih u dan kien qabel ma saret din il-mistoqsija parlamentari.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ser isir mid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla u fiex waslu x-xogħlijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-offerti sottomessi għat-tender “Twaqqigħ, id-disinn, il-bini, iż-żamma u l-ġestjoni tad-Dar tal-Anzjani f’Bormla” bħalissa qegħdin fl-istadju ta’ evalwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25015 u jgħid għaliex l-istudent li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament qed jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jattendi l-iskola minħabba li m’hemmx LSE għalih? Jista’ jgħid meta se tiġi riżolta din il-problema?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk air cast boots jingħatax b’xejn meta persuna tkun sofriet minn ksur f’sieqha (lower limbs)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-air cast boots jingħataw b’xejn lill-pazjenti Maltin u dawk li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea wara li ssir rakkomandazzjoni mill-konsulent.