Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kwistjoni ta’ drenaġġ li qed jidħol fi proprjetajiet privati

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 26840 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u tgħid meta ser tiġi riżolta l-kwistjoni ta’ drenaġġ li qed jidħol fil-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li bħalissa r-residenti qed isibu drenaġġ fil-proprjetajiet tagħhom ta’ kuljum?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma diġà kienet ħadet azzjoni u l-każ li qed issir referenza għalih ġie solvut fil-25 ta’ Marzu li għadda.

Ministeru tas-Saħħa — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26846 u jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fil-Ministeru tas-Saħħa u kemm minnhom għamlu l-Kors tal-Mental Health First Aid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 26843, 26844 u 26845. Barra minn hekk, ninsab infurmat li hemm 39 persuna oħra fil-Ministeru għas-Saħħa li attendew il-kors tal Mental Health First Aid.

Kura Primarja — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fil-Kura Primarja u kemm minnhom għamlu l-Kors tal-Mental Health First Aid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Kif l-Onor. Interpellant jaf, il-konsulenti, tobba, infermiera u ħaddiema tal-qasam mediku huma mħarrġa b’tali mod li meta jkun hemm problema ta’ saħħa mentali, jafu jittrattaw jew jirreferu lill-pazjent skont il-ħtieġa. Ninsab infurmat ukoll li hemm ħaddiem li għandu ċertifikat fil-Kors tal-Mental Health First Aid. Mhux eskluż li hemm ħaddiema oħra li segwew korsijiet simili organizzati minn entitajiet oħra.

Settur tat-Telemedicine — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fis-settur tat-Telemedicine u x'inhuma l-irwoli differenti tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 13-il tabib/a (full-time equivalent) jaħdmu fiċ-Ċentru tat-Telemedicine biex joffru servizz 24 siegħa, mit-Tnejn sal-Ħadd. Is-servizz tat-Telemediċina jikkonsisti fost l-oħrajn, f’konsulti virtwali ma’ tobba speċjalisti fil-qasam tal-mediċina tal-familja; riżultati ta’ testijiet tad-demm u investigazzjonijiet oħra li jkunu ġew ordnati mit-tobba tal-Kura Primarja; ‘booking’ ta’ ċerta investigazzjonijiet ta’ rutina; ‘vetting’ ta’ telefonati fejn il-klijent isaqsi għal vista fid-dar tal-pazjent; pariri lill-‘carers’ u infermiera li jaħdmu fid-djar tal-anzjani, u djar oħra residenzjali, dwar ir-residenti li jkollhom xi problema medika; linja diretta max-xjenzati tal-laboratorji ta’ Mater Dei, fejn dawn ikunu jistgħu jkellmu lit-tobba dwar xi riżultati mhux normali; pariri lill-ispiżjara meta jkunu qed jagħmlu ‘Medication Update Reviews’ tal-pazjenti tal-POYC. Barra minn hekk, fiċ-Ċentru tat-Telmediċina, hemm ukoll 57 aġent (client support agents), tliet amministraturi, manager, żewġ ‘nurses’, u żewġ ‘speech-language pathologists’. Dan is-servizz qed isir aktar popolari mal-pazjenti tant li fis-sena 2024, saru bejn 250 sa 350 konsulta virtwali kuljum mit-tobba f’dan il-qasam. Dawn il-konsulti jsiru bit-telefon, kif ukoll bil-‘video-calls’, u il-pazjent jista’ jċempel fuq 21231231 u 21222444 għal parir dwar kull problema medika li jista’ jkollu. Dokumentazzjoni dwar kull konsulta ssir fuq l-‘Electronic Patient Records’ (EPR) tal-Primary HealthCare.

Ir-Rabat, Malta — Triq Ħad-Dingli - Rain-water culvert

Question

Fid-dawl li wara t-tiswijiet li saru fl-aħħar xhur fi Triq Ħad-Dingli, ir-Rabat, Malta (bejn Triq is-Sienja u l-Main Road, Triq Ħad-Dingli) xorta baqgħu jinstemgħu ħsejjes kbar kull meta tgħaddi karozza minn fuq ir-rain-water culvert u dan qed jikkawża inkonvenjent għar-residenti tat-triq, jista’ l-Ministru jgħid meta l-water culvert f’din it-triq ser titranġa kompletament u mhux parzjalment?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntrattur li għamel ix-xogħolijiet ser jiġi mqabbad biex jirrimedja għall-ispejjeż tiegħu, u sadanittant isir xogħol temporanju biex jitneħħa l-istorbju.

Kwistjoni ta’ drenaġġ li qed jidħol fi proprjetajiet privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi riżolta l-kwistjoni ta’ drenaġġ li qed jidħol fil-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li bħalissa r-residenti qed isibu drenaġġ fil-proprjetajiet tagħhom ta’ kuljum?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Anzjani — Miżuri biex jiġu salvagwardjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri ġodda qed jittieħdu biex jiġu salvagwardjati l-anzjani wara li kien hemm it-tieni każ ta' anzjan li ħareġ minn ġo dar tal-anzjani u ntilef?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-Awtorità tal-iStandards għall-Anzjani (OPSA) għandha linji gwida fejn tidħol sigurtà fir-residenzi għall-anzjani li hija tilliċenzja kif ukoll tagħmel spezjonijiet kontinwi biex ssegwi l-ħarsien tagħhom. Għal rigward ta’ djar residenzjali għall-persuni b’diżabiltà nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Sptar Mater Dei — Outpatients - Ħobż frisk lill-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex twaqqaf milli jiġi provdut ħobż frisk lill-ħaddiema tal-outpatients fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-policy dwar ikel għall-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei hi skont kif indikata fiċ-ċirkolari “Free Staff Meals/Meal Allowance/Meal Allowance Entitlement Policy" bid-data 25 ta’ Frar 2020.

Sptar Mater Dei — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u kemm minnhom għamlu l-Kors tal-Mental Health First Aid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Kif l-Onor. Interpellant jaf, il-konsulenti, tobba, infermiera u ħaddiema tal-qasam mediku huma mħarrġa b’tali mod li meta jkun hemm problema ta’ saħħa mentali, jafu jittrattaw jew jirreferu lill-pazjent skont il-ħtieġa. Ninsab infurmat ukoll hemm 33 impjegat fil-pożizzjonijiet maniġerjali u ta’ superviżjoni u 36 midwife li segwew kors tal-Mental Health First Aid. Dawn attendew korsijiet organizzati mill-Isptar Mater Dei. Mhux eskluż li hemm ħaddiema oħra li segwew korsijiet simili organizzati minn entitajiet oħra.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u kemm minnhom għamlu l-Kors tal-Mental Health First Aid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Kif l-Onor. Interpellant jaf, il-konsulenti, tobba, infermiera u ħaddiema tal-qasam mediku huma mħarrġa b’tali mod li meta jkun hemm problema ta’ saħħa mentali, jafu jittrattaw jew jirreferu lill-pazjent skont il-ħtieġa. Barra minn hekk, jien infurmat li minn Jannar ta’ din is-sena, ġie mniedi servizz ta’ Community Mental Health Outreach fl-Isptar ta’ Għawdex b’żieda ta’ erba’ inferrmiera ddedikati għal dan l-iskop. It-taqsima tal-psikoloġija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex torganizza diversi taħditiet għall-ħaddiema tal-isptar u għall-pubbliku fuq bażi regolari dwar temi varji ta’ saħħa minn kull aspett tagħha, inkluż dak tas-saħħa mentali. Jiġi offrut ukoll support psikoloġiku lill-ħaddiema fuq bażi individawali jew fi grupp skont il-bżonn.

Qasam tas-saħħa — Persuni LGBTIQ+ - Miżuri għal trattament ugwali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26358 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex persuni LGBTIQ+ ikunu qed jingħataw trattament ugwali meta jkollhom bżonn jużaw servizzi tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26363.

Qasam tas-saħħa — Persuni LGBTIQ+ - Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26359 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’servizzi żdiedu fis-settur tas-saħħa li jolqtu direttament lil persuni LGBTIQ+?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar ħames snin kien hemm ħafna servizzi ġodda li tnedew inkluż għal dawk LGBTIQ+ peress li is-settur tas-saħħa ma jiddiskriminax bejn il-pazjenti a bażi tal-orientazzjoni sesswali, ġeneru jew orjentazzjoni tal-ġeneru. Relatat mal-benesseri fil-ħajja sesswali, kien hemm iktar deċentralizzajoni tas-servizz tal-GU Clinic għall-Health and Wellbeing Clinics f'tliet ċentri tas-saħħa fejn wieħed jista' jagħmel STI screening f'kliniċi speċifiċi fil-kommunità. Fl-2023, il-vaċċin tal-HPV beda jiġi offrut lis-subien kollha ta' 12-il sena minbarra lill-bniet tal-istess età. Ġie mniedi wkoll programm għal dawk kollha li twieldu wara is-sena 2000. Din il-miżura isservi biex titnaqqas ir-rata ta' HPV related cancers li hija l-aktar komuni ma' xi gruppi ta' persuni LGBTIQ+.

Qasam tas-saħħa — Persuni LGBTIQ+ - Liġijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26360 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’liġijiet ġodda għaddew f’dawn l-aħħar 5 snin biex jipproteġu lil persuni LGBTIQ+ meta jiġu bżonn ta’ servizzi fis-settur tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull liġi li tiġi proposta u mgħoddija mill-Parlament, tkun għall-ġid ta’ kulħadd bla ebda diskriminazzjoni lejn xi sezzjoni tal-poplu.

Triq Għajn Kajjet u Triq Bieb ir-Ruwa għal Wied il-Qlejgħa — Drenaġġ u ilma maħmuġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser tittieħed azzjoni wara li drenaġġ u ilma maħmuġ qed joħroġ minn Triq Għajn Kajjet u Triq Bieb ir-Ruwa għal ġo Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes) u għalhekk qed jikkontamina l-ilma tal-wied u l-ekosistema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li minn spezzjoni li saret fiż-żona indikata ma ġew identifikati ebda leakages (jew skular) mill-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u ġie konfermat li l-kontenut li qed issir referenza għalih mhux drenaġġ, imma ilma li ħiereġ minn għelieqi privati ta’ individwi. Infurmata wkoll li fil-wied innifsu ma ġiet innutata l-ebda ħsara marbuta ma’ skular ta’ likwidu, anke għax id-disinn tal-wied joffri protezzjoni kontra dan it-tip ta’ kontaminazzjoni.

Nuqqas ta’ LSE

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25015 u jgħid għaliex l-istudent li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament qed jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jattendi l-iskola minħabba li m’hemmx LSE għalih? Jista’ jgħid meta se tiġi riżolta din il-problema?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudent imsemmi għandu s-sapport ta’ LSE.

Magni ta’ sleep apnoea — Sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx sussidju finanzjarju għal min għandu bżonn jixtri magna ta’ sleep apnoea u jekk iva, min hu intitolat għal dan is-sussidju?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa ma joffrix sussidju imma hemm ‘entitlement’ għal min jgħaddi t-test tal-mezzi skont is-sigurtà socjali.