Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar/Buġibba — Vannijiet tal-POYC ipparkjati matul il-lejl

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27522, jista’ l-Ministru jgħid kif trakk bit-tabella li tgħid “Health Department” “POYC” ikun ipparkjat fit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar/Buġibba, wara l-ħin tax-xogħol u fil-weekend?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Għandi l-konferma li t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27522 hi korretta. Is-servizz tat-trasport u ġarr tal-mediċini tal-POYC huwa rregolat minn kuntratt li jispeċifika li dan is-servizz għandu jingħata sa mhux aktar tard mis-7:00 ta’ filgħaxija fil-ġranet ta’ xogħol. Wara dan il-ħin, Ir-responsabbiltà tal-vetturi taqa’ f’idejn il-kuntrattur rispettiv.

Ħal Qormi u Birkirkara — Ċentri tas-Saħħa - Diskrepanza fl-ispiża fuq xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27789 dwar investigazzjoni marbuta mad-diskrepanza ta’ miljuni fl-ispiża fuq rinnovazzjoni taċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi u ta’ Birkirkara, fejn ġie mwieġeb li “bħalissa jinsabu għaddejjin proċeduri ta’ dixxiplina relatati ma’ dan il-proġett”, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ proċeduri għaddejjin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi relatati ma dan il-proġett, bħalissa għaddejjin proċeduri ta’ dixxiplina, fit-termini ta’ Regolament 17 (1) tar-Regolamenti ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, kontra persuna waħda u għaddejjin proċeduri ta’ dixxiplina, fit-termini tal-Proċeduri ta’ Dixxiplina tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, kontra persuna oħra. Kull informazzjoni aktar minn hekk, f’dan l-istadju, tista’ tippreġudika l-proċeduri.

Ir-Rabat, Malta — Vjal il-Ħaddiem - Pelican crossing lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tittieħed deċiżjoni biex iż-zebra crossings fi Vjal il-Ħaddiem, fir-Rabat, Malta li hija triq traffikuża ħafna, jiġu konvertiti f’pelican crossing lights?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

Ir-Rabat, Malta — Triq Borg Olivier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp dwar il-preżenza ta’ uffiċjali tat-trasport fi Triq Borg Olivier, fir-Rabat, Malta, waqt il-ħinijiet ta’ traffiku għoli (peak hours), biex jiġi żgurat li tiġi osservata l-liġi li tipprojbixxi li ma jgħaddux ‘heavy vehicles’ minn din it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalma jsir f’diversi żoni oħra traffikużi madwar Malta, jiġu regolarment mibgħuta muturi jew vetturi tal-infurzar li jgħaddu minn din it-triq f’diversi ħinijiet matul il-ġurnata. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi nnotat li f’din iż-żona hemm biżżejjed tabelli ċari li jindikaw li ċerti tipi ta’ vetturi huma projbiti milli jgħaddu minn ċerti toroq, inkluż Triq Borg Olivier, ir-Rabat, Malta.

Sptar Mater Dei — Binja tal-emerġenza - Testijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sarux testijiet fuq il-fondazzjoni tal-binja tal-emerġenza fl-Isptar Mater Dei biex jinbnew sulari ġodda fuq din il-binja? Jista’ jqiegħed kopja ta’ dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ir-Rabat Malta — Rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kienx hemm xi żvilupp dwar ir-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni fil-barriera li tinsab fil-limiti ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 20464.

Ir-Rabat Malta — Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tkun qed terġa’ tiftaħ l-għassa tal-Pulizija fir-Rabat, Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li x-xogħolijiet fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Malta, avvanzaw b’mod konsiderevoli. Bħalissa fadal biss xogħol relatat mat-taraġ tal-istess binja, li huwa mistenni jitlesta mill-kuntrattur lejn l-aħħar ta’ Ġunju. Għaldaqstant, huwa previst li l-għassa tkun tista’ terġa’ tiftaħ fis-sajf. Infakkar ukoll li dan ix-xogħol huwa parti minn sensiela ta’ xogħolijiet li saru u qed isiru biex l-għases tagħna jkunu iktar moderni biex il-pubbliku jinqeda aħjar u l-pulizija jaħdmu f’ambjent aqwa.

Persuna li taħdem full time self employed u part-time mas-settur pubbliku — Tnaqqis mit-taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna li taħdem full time self-employed u part-time mas-settur pubbliku tkunx eliġibbli li tibbenifika minn tnaqqis fuq it-taxxa għal min jaħdem part-time?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income jipprovdi rata ta’ taxxa ta’ 10% fuq xogħol part-time jekk il-persuna konċernata għandha wkoll impjieg full-time jew hi pensjonanta jew qed tistudja full-time. Din ir-rata tapplika wkoll f’kaz ta’ persuna li għandha biss xogħol part-time jekk din tkun miżżewġa u l-konjuġi tagħha għandu/għandha xogħol full-time jew pensjoni jew qed tistudja full-time. Fejn dan li semmejna ma japplikax, il-liġi tipprovdi li d-dħul mix-xogħol part-time jiġi ntaxxat bir-rati normali tat-taxxa. Fejn il-persuna tikkwalifika kif semmejna, ir-rata ta’ 10% tapplika fuq id-dħul mix-xogħlijiet part-time kollha li għandha, izda sa massimu totali ta’ €10,000 f’każ ta’ impjiegi u €12,000 f’każ ta’ self-employment. Fejn id-dħul jeċċedi dan il-massimu, id-differenza tiżdied mad-dħul l-ieħor tagħha biex tiġi ntaxxata bir-rati normali. Fil-każ imsemmi fil-mistoqsija, il-persuna tidher li mhijiex impjegata full-time, lanqas pensjonanta jew studenta full-time u għalhekk, sakemm ma tikkwalifikax fuq il-bażi tal-konjuġi, ma tikkwalifikax għar-rata ta’ 10% fuq xogħol part-time

Ħal Qormi u Birkirkara — Ċentri tas-Saħħa - Diskrepanza fl-ispiża fuq xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27246 u jgħid x’sar wara li tlestiet l-investigazzjoni marbuta mad-diskrepanza ta’ miljuni fl-ispiża fuq rinnovazzjoni taċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi u ta’ Birkirkara?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa jinsabu għaddejjin proċeduri ta' dixxiplina relatati ma' dan il-proġett. Għaldaqstant, kull informazzjoni f'dan l-istadju tista' tippreġudika l-proċess.

Birkirkara u Ħal Qormi — Ċentri tas-Saħħa - Direct orders għax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27247 u jagħti l-lista tad-direct orders (valur u l-kumpaniji li lilhom ingħataw) li nħarġu biex saret ir-rinnovazzjoni taċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Birkirkara u ta’ Ħal Qormi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27789.

Ħal Qormi — Ċentru tas-Saħħa - Kwotazzjoni minn Kuntrattur għal xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27248 u jikkonferma li kuntrattur bagħat kwotazzjoni għax-xogħol li kien ser isir fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi ħames xhur qabel ma ħarġet is-sejħa għall-kompetituri l-oħrajn?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27789.

Ħal Qormi — Ċentru tas-Saħħa - Project Manager għax-xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27249 u jgħid jekk kienx hemm project manager fuq il-proġett tax-xogħlijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27789.

Birkirkara — Ċentru tas-Saħħa - Project Manager għax-xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27250 u jgħid jekk kienx hemm project manager fuq il-proġett tax-xogħlijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Birkirkara?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27789.

Ħal Qormi — Ċentru tas-Saħħa - Xogħlijiet strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27240 u 27492 u jagħti lista tax-xogħlijiet strutturali li saru fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi bejn l-2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll meta saru dawn ix-xogħlijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27789.

Ċentri tal-iskart goff — Rimi ta’ plastik

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex min imur biex jarmi plastik fiċ-ċentru tal-iskart goff ta’ Ta’ Qali jintalab jarmih fi skip numru 10 li jilqa’ fih, oġġetti li jmorru l-Magħtab bħala skart imħallat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-plastiks li jistgħu jiġu riċiklati, bħal plastiks riġidi (deckchairs) u fliexken tal-plastik, jinġabru u jiġu trasferiti għal faċilitajiet oħrajn għal aktar trattament. Plastiks li ma jistgħux jiġu riċiklati jintremew fil-kontenitur tal-landfill u jiġu trasferiti l-Magħtab.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Kavalli - Ipparkjar ta’ vetturi kummerċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif vetturi kummerċjali, li jieħdu żewġ kaxxi bojod ta’ spazju ta’ parkeġġ, qed jitħallew jipparkjaw fi Triq il-Kavalli, San Pawl il-Baħar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma tinsab l’ebda dispożizzjoni espliċita li tipprojbixxi parkeġġ f’kaxxa bajda jekk vettura ma tidħolx kompletament fiha. Madankollu, hemm Regolamenti li jinkludu dispożizzjonijiet ċari kontra parkeġġ barra minn spazji awtorizzati meta niġu għal trailers u vetturi kummerċjali tqal.

Spazji ta’ parkeġġ għal blue badge holders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kaxxi tal-parkeġġ riżervati għall-blue badge holders li ma jibqgħux meħtieġa għax il-persuni li jkunu eliġibbli għalihom ikunu mietu jew ma jibqgħux jeħtiġuhom, jitneħħewx kull meta ssir reviżjoni ta’ dawn il-parkeġġi riżervati fit-toroq Maltin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta l-kaxxi tal-parkeġġi riservati għall-persuni li jkollhom blue badge ma jibqgħux meħtieġa, pereżempju meta l-benefiċjarju jitlef id-dritt jew imut, dawn jitneħħew. Madankollu, f’każijiet fejn il-Kunsill Lokali jinfurmana li hemm persuni oħra fil-viċin li għandhom il- blue badge u jistgħu jibbenefikaw minn dak il-parkeġġ, il-kaxxa tinbidel għal waħda komuni, sabiex tkun tista’ tintuża minn kwalunkwe persuna li għandha l- blue badge .

Vetturi li jdaħħnu — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kampanja għar-rappurtar ta’ vetturi li jkunu jdaħħnu għadhiex attiva? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew irrappurtati vetturi u kemm minnhom ittellgħu għat-test fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.