Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Pjazza San Ġorġ — alarm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser jiffunzjona l-alarm li se jiġi installat fi Pjazza San Ġorġ, f’Għawdex u meta ser jibda jaħdem? Jista’ jgħid ukoll min ser ikun responsabbli biex jara li l-proċess jaħdem u jaħdem minnufih?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li appena l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jirċievi telefonata minn numru tal-emerġenza 112 li tikkonċerna inċident li jkun seħħ fi Pjazza San Ġorġ, l-alarm jindaqq min-naħa tal-emerġenza u l-ambulanza titlaq immedjatament. Dan għandu jassigura li sakemm tasal l-ambulanza jkun hemm biżżejjed spazju biex l-ambulanza tkun tista’ tidħol fil-pjazza, bit-tim mediku jagħti l-għajnuna neċċessarja. Il-permess għad-dawl inħareġ mill-ARMS u qegħdin isiru l-preparamenti biex tiġi installata l-alarm mill-aktar fis possibbli.

Insulin Pumps

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jingħataw l-insulin pumps u lil liema etajiet ser jingħataw?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddejja ħidma biex ikun hemm ċertezza li l-professjonisti kollha li ħa jkunu nvoluti fil-preparamenti u l-kura tal-pazjenti li ser jingħataw dawn l-insulin pumps jirċievu t-taħriġ kollu neċessarju. Beda wkoll il-proċess fejn l-ewwel grupp ta’ pazjenti li ser jirċievu dawn il-pumps bdew jirċievu t-taħriġ neċessarju mit-tobba u d-dieticians tagħna. Ġie wkoll identifikat is-sit fejn ser tinfetaħ l-insulin pump clinic. Ġaladarba jitlestew dawn il-proċessi jibda t-tqassim ta’ dawn l-insulin pumps. Dawn il-pumps ser jingħataw lill-pazjenti li għandhom 18-il sena jew inqas u lil dawk li jbatu min kanċer tal-frixa.

Xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-gallariji li qegħdin jiġġarrfu fil-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, wara li r-residenti ilhom xhur twal jirrappurtaw?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-gallariji li qegħdin fi stat ta’ deterjorazzjoni fil-binja msemmija ser jibdew fi żmien qasir. Bħalissa għaddej il-proċess sabiex ix-xogħlijiet jiġu assenjati lil kuntratturi li huma parti mill-framework agreement, sabiex jitwettaq ix-xogħol neċessarju.

WHO — Pandemiji futuri - Ftehim milħuq

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-ftehim milħuq u ffirmat bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u l-World Health Organisation (WHO) rigward pandemiji futuri?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li ma ġiex iffirmat ebda ftehim bilaterali bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar Pandemiji futuri. Malta, bħala Stat Membru tal-WHO, ħadet sehem f'diskussjonijiet li wasslu għal ftehim multilaterali dwar il-prevenzjoni, tħejjija u rispons għal pandemiji. Dan il-ftehim ġie adottat mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fil-20 ta’ Mejju 2025. Fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa ta’ Mejju 2026, il-Ftehim dwar il-Pandemiji ikun jista’ jinfetaħ għall-firma u r-ratifika minn Stati Membri.

Postijiet ta’ divertiment — Ammont ta’ decibels

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi mkejla l-ammont ta’ decibels li joħorġu minn postijiet ta’ divertiment li jdumu sa ħinijiet bikrin ta’ filgħodu, biex jiġi assigurat li dan il-livell ma jkunx għoli għad-detriment tas-saħħa tar-residenti fil-qrib?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Postijiet ta’ divertiment — Sound

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed tittieħed xi tip ta’ azzjoni biex postijiet ta’ divertiment fil-miftuħ, u dawk li mhumiex, ma jkollhomx sound għoli fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-pulizija taġixxi minn jeddha u taġixxi fuq rapporti u mill-ewwel ta’ Jannar 2024 sal-15 ta’ Lulju 2025 il-pulizija ħarġet 159 akkuża kontra persuni li ppermettew volum eċċessiv ta’ mużika jew ħsejjes oħra fil-postijiet ta’ divertiment taħt it-tmexxija tagħhom. Ninforma anke lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 29031 u 29030.

Kwalità ħażina tal-ilma tal-baħar — Infezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista dettaljata tad-data kollha relatata ma’ infezzjonijiet li ġew irreġistrati fl-isptarijiet u fis-servizzi tas-saħħa pubbliċi kollha, inklużi infezzjonijiet tal-widnejn, infezzjonijiet bl-E. coli, infezzjonijiet bis-salmonella, kif ukoll infezzjonijiet oħra li jistgħu jkunu marbuta ma’ kwalità ħażina tal-ilma tal-baħar, għall-perjodu bejn l-2022 u l-2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-istatistika li għandu d-Dipartiment tas-Saħħa ma tiddistingwix is-sors minn fejn tkun ġejja l-infezzjoni. Għar-rigward ta’ infezzjonijiet bis-salmonella u Shigatoxin/STEC, l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — Pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-€45 miljun li ser jingħataw lil MCAST bħala parti mill-pakkett finanzjarju miftiehem, huma arretrati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment addizzjonali huwa parti minn ftehim kollettiv wieħed.

Skema ta’ Vouchers Celiac

Question

Fid-dawl tar-riżultati tar-riċerka li saret mill-Isptar Mater Dei li minnha joħroġ li t-tobba jistgħu jidentifikaw b’mod preċiż li persuna hija Coeliac permezz ta’ testijiet seroloġiċi (tad-demm), jista’ l-Ministru jgħid jekk il-protokolli fl-Isptar Mater Dei ġewx aġġornati biex jirriflettu din il-bidla, u jekk pazjenti li ngħataw parir minn tobba privati biex jevitaw il-proċedura invażiva ta’ bijopsija endoskopika, humiex ser jiġu aċċettati fuq il-bażi ta’ riżultati tad-demm biss? Jista’ jgħid ukoll jekk issa dawn il-pazjenti hux se jkunu jistgħu jibdew jirċievu l-vouchers marbuta ma’ dik il-kondizzjoni mingħajr ma jkunu obbligati li jagħmlu l-proċedura invażiva ta’ bijopsija endoskopika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi filwaqt li l-istudju juri informazzjoni importanti u wkoll dak li qed jiġri f’xi bnadi fix-xena internazzjonali, hemm proċess qabel tittieħed id-deċiżjoni jekk id-Dipartiment tal-Gastroenteroloġija u l-Immunoloġija jasal lil jadotta tali prattika, liema prattika għadha lil hinn mil-linji gwida internazzjonali kurrenti. Bħalissa, għalkemm il- pazjenti adulti għadhom bżonn jagħmlu test endoskopiku biex tkun ikkonfermata id-dijanjożi ta’ Coeliac, it-tfal li jippreżentaw ruħhom fi stat sintomatiku, ikun biżżejjed għalihom it-test tad-demm, bħala konferma tad-dijanjożi. Fir-rigward ta’ vawċer, ġaladarba ssir id-dijanjożi b’mod li jkun uffiċjalment magħruf u maqbul bħala validu, allura imbagħad ikun hemm il-kwalifika normali tal-vawċer.

CDAU — Ftuħ taċ-ċentru l-ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikun qed jinfetaħ iċ-ċentru l-ġdid taċ-Child Development and Assessment Unit (CDAU)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li d-data tal-ftuħ taċ-ċentru l-ġdid taċ-Child Development and Assessment Unit (CDAU) titħabbar fil-ħin propizju.

Sptar Mount Carmel — Priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn jinżammu l-priġunieri fl-Isptar Mount Carmel? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn humiex qed jgħixu fi swali flimkien ma’ pazjenti oħra li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali iżda li mhumiex priġunieri?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat l-priġunieri jiddaħħlu fil-Forensic Unit. Għalkemm din il-binja hi fiżikament parti mill-binja tal-Isptar Mount Carmel, il-Forensic Unit hi effettivament estensjoni tal-ħabs. Għalhekk din taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-amministrazzjoni tal-ħabs. Din il-binja hi totalment separata miż-żoni l-oħra tal-isptar u għalhekk ma jkunx hemm taħlit bejn pazjenti li huma priġunieri u pazjenti oħra.

Sptar Mount Carmel — Każ ta’ priġunier li weġġa’ pazjent ieħor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti rigward il-każ dwar priġunier li weġġa’ pazjent ieħor fl-Isptar Mount Carmel fit-18 ta’ Ġunju 2025? Jista’ jgħid ukoll jekk hux qed issir investigazzjoni u jipprovdi kopja lill-Kamra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda rapport li kien hemm xi tip ta’ aggressjoni ta’ xi pazjent fuq pazjent ieħor fit-18 ta’ Ġunju ġewwa l-Isptar Monte Carmeli. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29233, għar-rigward tal-Forensic Unit.

Persuni bl-HIV/AIDS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew dijanjostikati bl-HIV/AIDS minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mard trasmess sesswalment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew dijanjostikati b’mard li jiġi trasmess sesswalment minbarra HIV/AIDS minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Formularju tal-Gvern — Mediċini ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mediċini ġodda ddaħħlu fil-formularju tal-Gvern minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u liema huma? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-mediċini ppjanati li jidħlu matul il-kumplament ta’ din is-sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, il-lista ta’ 32 mediċina ġdida li daħħlu fil-Formularju tal-Gvern minn Jannar 2024 ’l hawn. Ninsab infurmat ukoll illi fil-preżent, hemm diversi mediċini oħrajn li qegħdin fi stadji varji tal-proċess sabiex jiddaħħlu fil-formolarju imsemmi.