Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz ta’ Emerġenza fil-privat – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30400 u jgħid kemm kienet in-nefqa koperta fil-kuntratt li sar mal-privat għal servizzi ta’ emerġenza minn meta bdew jingħataw? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar u skont l-emerġenzi differenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 30914.

Servizz ta’ Emerġenza fil-privat – Numru ta’ pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30399 u jgħid kemm pazjenti rrikorrew fil-privat għal servizz ta’ emerġenza minn meta beda l-ftehim mal-privat u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

GU Clinic

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fil-GU Clinic u jagħti l-informazzjoni skont il-professjoni/titlu  rispettiv tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li preżentament hemm 16-il persuna li jagħmlu parti mill-GU Clinic.  Dawn huma 3 Konsulenti; 1 HST (li bħalissa jinsab fuq taħriġ u jirritorna fi Frar); 4 GPs; 2 Charge Nurses; 2 Senior Staff Nurses; 1 Staff Nurse; u 3 Clerks.

GU Clinic - Mard l-aktar komuni

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-mard l-aktar komuni li ġew dijanjostikati mill-GU Clinic u jagħti n-numru ta’ każijiet li nstabu f’pazjenti ġodda fl-2023, l-2024 u l-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għar-rigward ta’ statistika tal-2023, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-PQ 15598.

Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar - Ċentru għal kura tas-saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm biex jinfetaħ ċentru għall-kura tas-saħħa għal pazjenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta li jkun jista’ jaqdi l-popolazzjoni li dejjem qed tikber fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pjanijiet u dawn ser jitħabbru meta jkun il-waqt.

Ir-Rabat - Santa Katerina - Tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux ser isir tindif tal-inħawi magħrufa bħala ta’ Santa Katerina fir-Rabat, wara d-diżastru ambjentali li sar minn barriera operata b’mod illegali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejja azzjoni ta’ infurzar konġunta mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorità tal-Ippjanar fejn qed jiġi assigurat li mhux jidħol iktar materjal fil-barriera indikata. Infurmata li l-operatur qiegħed fil-preżent jipproċessa l-materjal li hemm fis-sit biex jibdew jiġu indirizzati l-livelli skont method statement li fil-ħin tal-preparazzjoni ta’ din ir-risposta għadu mhux approvat stante li l-Awtoritajiet imsemmija talbu kjarifiċi li għadhom pendenti. Madankollu, l-monitoraġġ huwa kontinwu kemm permezz ta’ cctv cameras kif ukoll billi jsiru spezzjonijiet spontanji fil-post miż-żewg entitajiet.

L-Imġarr - Triq Sir Harry Luke - Studji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm fuq l-istudji li kienu qed isir wara petizzjoni mressqa minni rigward Triq Sir Harry Luke u l-madwar, fl-Imġarr? Jista’ jipprovdi kopja u lista tal-istudji li saru?

Response (BONETT, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30463, infakkru li l-petizzjoni mressqa hija dwar Triq Sir Temi Zammit u mhux Triq Sir Harry Luke.

L-Imtarfa - Skola Primarja ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li tinfetaħ skola primarja ġdida fl-Imtarfa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx pjan li tinfetah skola ġdida fl-Imtarfa billi dawn l-istudenti jattendu fi skola li tinsab 3 kilometri biss il-bogħod.

L-Imtarfa - Triq il-Maltin Internati u Eżiljati - Pjan ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan ta’ infurzar għal Triq il-Maltin Internati u Eżiljati (Bypass) fl-Imtarfa, minħabba li qed joħorġu xquq fit-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta qegħda tipprepara proposta għal Triq il-Maltin Internati u Eżiljati, Mtarfa, li tinkludi xogħolijiet strutturali tul it-triq.

Saħħa mentali - Pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn pazjenti li għandhom inqas minn 18-il sena, u pazjenti li għandhom bejn it-18 u l-40 sena li jbatu minn saħħa mentali?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-Isptar Monte Karmeli hemm 5 pazjenti li għandhom inqas minn 18-il sena u 91 pazjent bejn it-18 u l-40 sena li jbatu mis-saħħa mentali.

Pazjenti bid-dijabete

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn pazjenti taħt it-18-il sena, pazjenti ta’ bejn it-18 u l-40 sena, pazjenti ta’ bejn l-40 u s-60 sena, u pazjenti ta’ minn 60 sena ’l fuq, li jgħixu bid-dijabete?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Konsulenti tad-dermatoloġija, tas-sistema respiratorja, tal-ortopedija u tal-kardjovaskularija - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija għal appuntament ‘new case’ urġenti u ‘new case’ mhux urġenti, biex pazjent jarah konsulent tad-dermatoloġija, tas-sistema respiratorja, tal-ortopedija u tal-kardjovaskularija?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mhemmx persuni li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti.

Konsulenti tal-għajnejn - Ħin ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ħin ta’ stennija biex pazjent li ma jkunx indikat bħala ‘urġenti’ jarah konsulent tal-għajnejn?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li jiddependi għand liema konsulent ikun ġie riferut imma infurmat ukoll li mhemmx persuni li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti.

Operazzjonijiet fil-privat imħallsa mis-settur pubbliku — Operazzjonijiet fil-privat imħallsa mis-settur pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet fil-privat li kienu mħallsa mis-settur pubbliku, x’kienu dawn l-operazzjonijiet u f’liema sptarijiet saru?  Jista’ jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Operazzjonijiet ta’ knee replacement, hip replacement u bunion surgery - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija għall-operazzjonijiet ta’ knee replacement, hip replacement u bunion surgery?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li kif diġa infurmajt il-Kamra permezz tal-PQ 29038, qed isiru extra sessions għall-knee replacements. Apparti dawk li normalment isiru fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’ Għawdex, extra sessions qed isiru kull nhar ta’ Ħamis u kull nhar ta’ Ħadd fi sptar privat u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Filwaqt li f’Ġunju li għadda infurmajt lill-Kamra li kien hemm 1,054 pazjent li qed jistennew total knee replacement, dan l-ammont niżel għal 761 li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Awissu 2025 saru 383 operazzjoni ta’ total knee replacement fl-isptarijiet tal-gvern u 373 operazzjoni ġew outsourced. Għar-rigward tal-hip replacements, ninsab infurmat li hemm 326 pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Awissu 2025 saru 168 operazzjoni tal-hip replacement fl-isptarijiet tal-gvern u kien hemm operazzjoni waħda outsourced. Għar-rigward tal-bunion surgery ninsab infurmat li hemm 56 pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Awissu 2025 saru 14-il operazzjoni tal-bunion surgery. Nenfasiżża li jkun hemm diversi raġunijiet mediċi għala ikun hemm id-dewmien.

Operazzjonijiet tal-katarretti - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi twila l-lista ta’ stennija għall-operazzjonijiet tal-katarretti? Jista’ jgħid ukoll kemm isiru kull ġimgħa maqsuma bejn l-Isptar Mater Dei u sptarijiet privati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fil-mument hemm 97 pazjent li qed jistenna għall-operazzjoni tal-kataretti u li l-perjodu ta’ stennija hu aktar miċ-Charter tal-Pazjent. Dan in-numru qed ikompli jonqos bl-inizjattivi li qed jittħedu meta minbarra l-operazzjonijiet li normalment isiru fl-isptarijiet tagħna, isiru operazzjonijiet extra tal-kataretti fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.  Dalwaqt, anke ser jibdew isiru dawn l-operazzjoni f’Ċensu Moran, Ċentru Reġjonali tas-saħħa. Infurmat ukoll li mill-1 ta’ Jannar 2025 sa l-aħħar ta’ Awwissu, saru b’kollox 4369 operazzjoni tal-Phacoemulsification u aspiration of cataract. Irid jiġi enfasizzat li każijiet urġenti jsiru fl-iqsar żmien possibbli.  Ġeneralment ikun hemm raġunijiet mediċi għala pazjent idum daqshekk biex issirlu l-operazzjoni.