Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx inkjesta dwar x’wassal biex parti minn Wied Speranza, li kien għadu kif ġie rinovat u inawgurat, ċeda mal-ewwel xita? Tista’ tgħid ukoll min se jġorr ir-responsabbiltà għal dan ix-xogħol li mar fix-xejn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li Project Green qed tagħmel valutazzjoni teknika dettaljata tal-ħsarat u jirriżulta li l-ħajt inkwistjoni, li parti minnu ġġarrfet wara l-ammont sostanzjali ta’ xita li għamlet fil-ġranet li għaddew, inbena skont il-permessi approvati u bil-metodi stabbiliti għall-kostruzzjoni ta’ ħitan tradizzjonali. Qegħdin isiru wkoll spezzjonijiet fuq ħitan oħra fl-istess wied biex tkun żgurata s-sigurtà tagħhom.
Il-kuntrattur li għamel ix-xogħol huwa marbut kuntrattwalment għal ħames snin li jżomm ix-xogħol f’kundizzjoni tajba. Wara diskussjoni u qbil mal-kuntrattur, ir-rikostruzzjoni tal-ħajt se ssir, a spejjeż tal-kuntrattur, wara li tgħaddi x-xitwa, minħabba l-ammont sostanzjali ta’ ilma li jinġabar fil-wied u biex tiġi preservata l-integrità ambjentali tal-post. Għaldaqstant qed ikun immirat li x-xogħol ikun jista’ jibda fl-aħħar ta’ Mejju.
Project Green, flimkien mal-kuntrattur, qed tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tkun assigurata s-sigurtà ta’ kull min jaċċessa ż-żona.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn pazjenti/anzjani għandhom jiddisponu mis-siringi użati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-pazjenti/anzjani għandhom jiddisponu mis-siringi użati ġewwa wieħed miċ-ċentri tal-iskart goff (Wasteserv) li hawn madwar Malta u Għawdex. Meta l-kontenitur bis-siringi użati jimtela, dawn għandhom jiġu mormija ġewwa dawn iċ-ċentri. Kontenitur ġdid jingħata wara li jintrema l-kontenitur li jkun mimli.
Ir-Rabat, Malta – Triq it-Tiġrija – Problema ta’ ‘water runoff’
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'azzjoni ser tittieħed fir-rigward tal-problema ta’ ‘water runoff’ li qed tiġi esperjenzata fi Triq it-Tiġrija, fir-Rabat, Malta – problema li ma kenitx teżisti qabel ma saru x-xogħlijiet attwali – minħabba li l-isprall preżenti mhu mqabbad mal-ebda sistema u b’hekk jakkumula, ifur u jibqa’ joħroġ fit-triq għal ġranet sħaħ wara x-xita, b’periklu għal min juża din it-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru numru ta’ interventi biex jiġi assigurat li s-sistemi tal-ilma jaħdmu kif suppost. F’dawn il-jiem se jkunu qed isiru spezzjonijiet oħra fis-sistemi tal-ġbir tal-ilma matul it-triq imsemmija.
Ir-Rabat, Malta - Barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina - Materjal mormi illegalment
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fejn ser jiġi depożitat il-materjal mormi illegalment fil-barriera li tinsab fil-limiti ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta? Tista’ tgħid ukoll jekk instabx post alternattiv?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-ammont kbir ta’ materjal li jinsab fil-barriera msemmija huwa materjal li jista’ jiġi riċiklat u allura m’għandux jiġi mormi. L-operatur tal-barriera huwa fl-istadju li jipproċessa dan il-materjal biex ġaladarba dan ikun sar, ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-livelli finali skont in-normi regolari tal-Ippjanar.
Ir-Rabat, Malta - Barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina - Materjal mormi illegalment
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jittieħed baseline tal-materjal mormi illegalment fil-barriera li tinsab fil-limiti ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta? Tista’ tgħid ukoll jekk ġiex ikkalkulat jew meta ser jiġi kkalkulat kemm-il vjaġġ bit-trakk ser ikun hemm bżonn biex jitneħħa minn dan is-sit għal sit alternattiv?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li din il-materja qiegħda tkun indirizzata mill-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi peress li fis-sit hemm illegalitajiet kemm ta’ natura ta’ pjanar u dawk ambjentali. L-Awtoritajiet talbu baseline tal-livelli lill-Perit u huwa parti mill-method statement mitlub lill-operatur. Barra minn hekk, sar ukoll drone survey. Ħafna mill-materjal fis-sit huwa materjal li jistà jiġi riċiklat u allura m’għandux jiġi mormi.
Ir-Rabat, Malta - Barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina - Materjal illegali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess biex jitneħħa l-materjal illegali li tpoġġa fis-sit tal-barriera li tinsab fil-limiti ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta? Tista’ tgħid ukoll jekk ġiex maħdum il-work method statement u tqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-method statement għar-restawr tas-sit, sottomess lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, għadu qed jiġi evalwat, anke permezz ta' spezzjonijiet fuq is-sit, biex jiġu verifikati l-livelli tal-art kollha kif proposti fid-dokument. Dan id-dokument jiġi approvat la darba tiġi konkluża din l-evalwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’testijiet saru s’issa fi Triq Sant’ Aristarku fir-Rabat fil-ġranet li għaddew relatati mal-partijiet tat-triq li qegħdin jisfrondaw? Jista’ jgħid ukoll x’passi ser jittieħdu wara dawn it-testijiet?
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi rranġata Triq Sant’ Aristarku fir-Rabat, li ġiet magħmula mill-ġdid madwar ħames snin ilu iżda ftit ġimgħat wara, bdew jidhru xi ħsarat u llum niżlet b’mod li qed taffettwa wkoll id-drenaġġ tar-residenti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninfroma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta għamlet spezzjoni fi Triq Sant Aristarku fil-ġimgħat li għaddew wara li daħal ilment li kien hemm xi drenaġġ li kien qed jesporġi għand terzi persuni. Ix-xogħol f’din it-triq kien tlesta fl-2021 u viżwalment ma jidhirx li hemm ħsarat strutturali fil-wiċċ tat-triq li qed jikkawża sfrundar ta’ l-istess triq.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-MRI scanner, li jinsab f’container fil-parking tal-Paola Hub, ser jiġi trasferit għal ġol-binja biex ikun aktar aċċessibbli?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-portable MRI scanner li jinsab fil-premises taċ-Ċentru Regjonali Ċensu Moran ser jibqa jopera sakemm ikun hemm bżonn biex taqdi l-pazjenti, filwaqt li magna ġdida (static) għaċ-Ċentru ser tinxtara skond kif ġie mħabbar bħala waħda mill-miżuri tal-baġit 2026.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur ta’ mediċini li nxtraw b’direct order fis-snin bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Jista’ l-Ministru jgħid liema servizzi fadal jinfetħu fil-Paola Hub u meta ser jinfetħu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f'Ċensu Moran Ċentru Reġjonali tas-Saħħa, ser ikun hemm aktar servizzi ġodda, li jkunu jistgħu jitħabbru fil-ħin propizju. Sadanittant, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġija li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 30393, fejn elenkajt in-numru ta’ servizzi li diġa' huma offruti minn dan iċ-Ċentru Reġjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm radiographers jaħdmu fil-Paola Hub u kemm minnhom huma ‘CPCM registration approved’ mill-Kunsill għall-Professjonijiet Kumplimentari għall-Mediċina u kemm le?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-kura sekondarja jimpjega sitt Radiographers u kollha huma reġistrati ma’ CPCM. Is-Sezzjoni tal-Imaging ġewwa ċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran topera b'mod 'Hybrid' minħabba d-domanda għolja ir-rosters jintlew minn Radiographers ġejjin minn entitajiet varji kif ukoll dawk impjegati mad-Dipartiment tal-Kura Sekondarja.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellhom hours of practice l-plaster technicians qabel dawn bdew jagħtu s-servizz ta’ ‘plastering’ fuq pazjenti fiċ-ċentri tas-saħħa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba għall-PQ 32175.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien twil il-kors li ħadu l-plaster technicians li qed jagħmlu l-ġibs fiċ-ċentri tas-saħħa fuq pazjenti meta jkollhom każijiet ta’ ksur?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fiċ-Ċentri tas-Saħħa mhemmx plaster technicians.
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kemm radiographers jaħdmu f'SAMOC? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma ‘CPCM registration approved’ mill-Kunsill tal-Professjonijiet Komplimentari għall-Mediċina, u kemm le?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fis-SAMOC hemm jaħdmu 33 Radiographer li kollha huma ‘CPCM registration approved’.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex bħalissa hemm waiting time biex isir port-a-cath lil pazjenti li ġew dijanjostikati b'kanċer fis-SAMOC?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li sal-ġimgħa l-oħra, kien hemm 15-il pazjent jistennew port-a-cath insertion.
Dan ifisser bejn wieħed u ieħor tliet ġimgħat mir-referral.