Legislature:
Category:
Reset
Active:

It-triq bejn Ir-Rabat u Ħad-Dingli – Intelligent Traffic Lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhux qed jiġu kkunsidrati intelligent traffic lights bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli sakemm titlesta t-triq, peress li d-dewmien fil-proġett qed jaffettwa ħażin ħafna lir-residenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minħabba x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fit-triq imsemmija, mhux prattika li jitpoġġew traffic lights, peress li l- waiting time ikun irid ikun twil. Ix-xogħol qed jiġi segwit b’mod kontinwu sabiex, jekk jiġu identifikati possibiltajiet għal immaniġġjar aħjar tat-traffiku, jittieħdu l-miżuri neċessarji mingħajr dewmien.

It-triq bejn Ir-Rabat u Ħad-Dingli – Pillars

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ser ikunu qed isiru pillars (toqob fondi li mbagħad jingħaqad bejniethom) fit-triq prinċipali bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li dawk li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant teknikament huma magħrufin bħala xaftijiet u li minnhom se jsiru total ta’ 27 xaft.

It-triq bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli – Proġett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’fadal isir fil-proġett tat-triq prinċipali bejn ir-Rabat Malta, u Ħad-Dingli? Fid-dawl li qed idum iktar milli kien ippjanat, tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25864, ninsab infurmata li x-xogħol fuq il-proġett miexi kif ippjanat.

Skejjel primarji u sekondarji - Tkeċċija ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fi skejjel primarji u sekondarji li ġew imkeċċija (expelled) mill-iskola għal perjodu qasir jew fit-tul kull sena fis-snin bejn l-2021 u l-2025 u jagħti t-tagħrif  separatament għal skejjel primarji u dawk sekondarji? F’każ li m’hemmx din l-informazzjoni, jista’ jagħti l-aħħar ċifri miġbura?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Skejjel primarji u sekondarji - Sospensjonijiet ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fi skejjel primarji u sekondarji li ġew sospiżi (suspended) mill-iskola kull sena fis-snin bejn l-2021 u l-2025 u jagħti t-tagħrif separatament għal skejjel primarji u dawk sekondarji? F’każ li m’hemmx din l-informazzjoni, jista’ jagħti l-aħħar ċifri miġbura?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex – Pazjenti bi problemi fil-kliewi – Dijaliżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan għad-dijaliżi għal pazjenti li jbatu minn problemi fil-kliewi li jgħixu f’Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ser jitwettaq proġett infrastrutturali ġdid li jinkludi l-bini u l-iżvilupp ta’ klinika ddedikata apposta għas-servizzi relatati mal-kura tal-kliewi u d-dijaliżi.  B’hekk il-pazjenti tal-kura tad-djaliżi li jkollhom bżonn jiġu l-isptar fuq bażi regolari għall-kura ser jagħmlu dan fi klinika aktar moderna u addattata kif ukoll konformi mal-istandards kliniċi u ta’ sigurtà.  Ser inżidu wkoll il-frekwenza tas-servizz ta’ nefrologu għal dawn il-pazjenti.

Pazjenti li jbatu bid-Dijabete tat-Tip 1 - Kirurġija tal-istonku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex il-kirurġija tal-istonku ssir disponibbli għall-pazjenti li jbatu bid-Dijabete tat-Tip 1 u jagħżlu li jagħmluha?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Kirurġija tal-Istonku, bħalissa qed tiġi offruta lil pazjenti li jbatu min obesità u BMI ta 35% jew iktar jew pazjenti li għandhom BMI ta 30% jew iktar u jbatu minn kundizzjonijiet assoċjati mal-piż żejjed bħal Dijbete (iż-żewġ tipi), pressjoni, problemi bil-ġogi, problemi tan-nifs u oħrajn.

L-Isptar Karin Grech – Dipartiment tal-Fiżjoterapija – Evakwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-Isptar Karin Grech kellu jiġi evakwat fil-ġranet li għaddew?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ebda parti tad-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-isptar Karin Grech ma ġiet evakwata.  Billi kienu għaddejjin xi xogħlijiet fis-sulari ta’ fuq, numru żgħir ta’ każijiet mhux urġenti ġew skedati għal data oħra.  Każijiet urġenti u numru kbir ta’ appuntamenti oħra ġew onorati, bil-pazjenti jiġu akkomodati f’żoni ’l bogħod meta kien hemm ħsejjes kaġun tax-xogħlijiet.

L-Imġarr, Malta – Nuqqas ta’ vultaġġ elettriku

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33578, tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-pjan u t-time frame biex tinstab soluzzjoni għall-vultaġġ għoli u baxx f’dawn it-toroq/żoni affettwati fl-Imġarr: Triq San Pietru; Triq il-Fuħħar l-Aħmar; Triq San Filippu; Triq Ċentinarju tal-Parroċċa; Triq Ras il-Ġebel; Triq Sir Harry Luke (speċjalment meta jkun mixgħul id-dawl tal-ground tal-football); Triq Sir Temi Zammit; Triq is-Saqwi; Triq Mons. O. Vella; Triq l-Iskorba; Triq l-Għelejjel; Triq A Deguara; Triq Żebbiegħ; Triq Dgħabien; Triq Mrejnu; Triq Dun Ġużepp Micallef; Triq Ġnien id-Dwieli; Triq is-Sebħ (iż-Żebbiegħ); Triq San Piju, Triq Vanilja u Triq Fisher?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena Enemalta ser tikkummissjona substation oħra fiż-żona tat-toroq indikati fil-mistoqsija, ninsab infurmata li fil-parti l-kbira tat-toroq imsemmija ma jirriżultax li fil-ġimgħat li għaddew kien hemm rapport dwar vultaġġ għoli jew baxx. Kif isir fuq kull rapport li jidħol għand l-Enemalta, t-timijiet tekniċi jieħdu azzjoni billi ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq l-infrastruttura eżistenti.

L-Imdina – Lift pubbliku li mhux jaħdem

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33552, jista’ l-Ministru jara li l-lift li hemm fil-Foss tal-Imdina jerġa’ jissewwa peress li kull meta tagħmel ix-xita dan qed jerġa’ jieqaf jaħdem?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ħsara, li ġrat ftit wara t-tiswijiet reċenti, kienet ikkawżata mill-elementi ħorox tal-maltempata ta’ nhar it-Tlieta. Ix-xogħlijiet ta’ tiswija diġà bdew.

Ir-Rabat, Malta – Triq il-Konti Ruġġieru - Patching

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir resurfacing jew patching fi Triq il-Konti Ruġġieru, ir-Rabat, Malta, wara li l-pjan biex isir ix-xogħol xi 5-7 snin ilu, ġie pospost?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq il-Konti Ruggieru qiegħda fil-lista ta’ toroq li jridu jsiru bħala bini mill-ġdid ta’ triq (rikostruzzjoni), hekk kif mitlub mill-Kunsill Lokali.

Kontijiet għal mediċina pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33436 u jgħid kemm kien il-valur totali ta’ kontijiet għal mediċini mixtrija mill-Gvern pendent matul is-snin 2020, 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħala regola, l-invoices kollha li jaslu fis-Sezzjoni tal-Accounts tas-CPSU jitħallsu wara li jkunu ġew verifikati.

Karozzi elettriċi - Grants

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex il-grant għall-karozzi elettriċi jibda jingħata meta jsir il-ftehim tax-xiri jew meta tasal il-karozza u mhux xhur wara, peress li hemm ammont kbir ta’ persuni li ma jaslux biex ikollhom biżżejjed flus x’joħorġu f’daqqa fuq karozza ġdida?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Ir-Rabat, Malta – Triq ir-Rumani – Charging points

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jibdew jaħdmu ċ-charging points tal-karozzi fi Triq ir-Rumani, ir-Rabat, Malta, peress li ilhom ġimgħat ma jaħdmu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li sal-lum għadu qatt ma kien hemm servizz tal-iċċarġjar tal-vetturi fit-triq indikata u għaldaqstant żgur li mhux il-każ li wieħed jgħid li dan ilu ġimgħat ma jaħdem. Dak li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huma xogħlijet infrastrutturali u elettriċi li saru bi tħejjija biex f’dik it-triq, għall-ewwel darba, issir charging pillar ġdida li se jkollha żewġ charging points.

Ir-Rabat/Ħad-Dingli - Triq prinċipali - Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’fadal isir fil-proġett li qed idum iktar milli kien ippjanat fit-triq prinċipali bejn ir-Rabat, Malta, u Ħad-Dingli, u meta hu mistenni li dan il-proġett jitlesta?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħaż-Żebbuġ - BCRS - Magna out of order

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-magna tal-BCRS f’Ħaż-Żebbuġ, Malta, spiss qed tkun ‘out of order’?  Tista’ tgħid ukoll x’passi qegħdin jittieħdu sabiex dan l-inkonvenjent żejjed għar-residenti jinqata’?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mir-riżulat tal-analiżi li saret dwar il-prestazzjoni tal-RVM ta’ Ħaż‑Żebbuġ, ma ġewx identifikati anomaliji jew irregolaritajiet abnormali fil-funzjoni tagħha. Madankollu, r-Regolatur se jibqa’ jiżgura li l-operatur liċenzjat jibqa’ jissorvelja u jimmonitorja b’mod kontinwu l-prestazzjoni tal-imsemmija magna, ħalli jekk jirriżulta li jkun hemm anomaliji dawn jiġu indirizzati b’mod effettiv.

Ir-Rabat, Malta – Triq il-Buskett – Patching ta’ ħofor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir ‘patching’ tal-ammont kbir ta’ ħofor fi Triq il-Buskett, ir-Rabat, Malta (bejn id-djar tal-Virtù u l-Palazz tal-President), peress li qed iwasslu għal ħsarat kbar lill-bdiewa u lil dawk li jużaw din it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din it-triq hija waħda mit-toroq ppjanata lil ssir mill-ġdid u qegħdin fl-istadju li tinħareġ is-sejħa għall-offerti.