Physiotherapists u Occupational Therapists – Uniformijiet
Question
Peress li l-uniformijiet il-ġodda li ngħataw lill-Physiotherapists u lill-Occupational Therapists (OTs) is-sena l-oħra, mhumiex qed jintlibsu għax il-materjal tagħhom huwa inferjuri u trasparenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn l-uniformijiet humiex se jiġu mibdula, u jekk iva, meta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ikkonċernat qiegħed jara li dawn l-uniformijiet li l-Onor Interpellant qed jagħmel referenza għalihom ikunu mibdula u skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi neċessarji. Il-fornitur qed ikun mitlub li mid-Dipartiment li jagħmel hekk mingħajr aktar dewmien.
Ir-Rabat, Malta - Triq il-Buskett - Patching ta’ ħofor
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33579 dwar il- ‘patching’ tal-ħofor fi Triq il-Buskett bejn ir-Rabat u l-Buskett, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-‘patching’ hux ser isir fl-immedjat jew jekk hux ser isir ‘patching’ temporanju sakemm jitlesta l-proġett peress li l-ħofor huma tant kbar li qed jikkawżaw ħsarat lill-karozzi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa għall-offerti ġiet ippubblikata riċentament u x-xogħol mistenni jibda fix-xhur li ġejjin. Sadanittant, infurmat li l-Kunsill Lokali tar-Rabat wettaq xogħol ta’ patching temporanju.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jerġgħu jkunu disponibbli d-‘disposable blades with handles size 15’ fil-kliniċi u fl-Isptar Mater Dei wara li ilhom xhur b’limited stock u issa ma fadalx minħabba li dawn jintużaw għal xogħol ta’ kuljum fuq il-pazjenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-‘disposable blades’ kif deskritti mill-Onor. Interpellant, huma disponibbli.
Skejjel primarji u sekondarji - Sospensjonijiet ta’ studenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33878 u jgħid kemm kien hemm studenti fi skejjel primarji u sekondarji li ġew sospiżi (suspended) mill-iskola kull sena fis-snin bejn l-2021 u l-2025 u jagħti t-tagħrif separatament għal skejjel primarji u dawk sekondarji? F’każ li m’hemmx din l-informazzjoni, jista’ jagħti l-aħħar ċifri miġbura?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex il-librerija tal-iskola tal-Imġarr terġa’ tinfetaħ kompletament bħala librerija u mhux bħala librerija li tintuża bħala klassi fl-istess ħin?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex il-librerija pubblika tal-Imġarr terġa’ tinfetaħ kompletament bħala librerija u mhux bħala librerija li tintuża bħala klassi fl-istess ħin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-arranġament attwali jiżgura li l-librerija sservi mhux biss lill-pubbliku ġenerali wara l-ħin tal-iskola u s-Sibtijiet, iżda wkoll lill-istudenti u lill-għalliema matul il-ħinijiet tal-iskola. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, dan l-arranġament wera li huwa l-aħjar deċiżjoni, peress li jippermetti lill-istudenti, lill-għalliema u lill-pubbliku ġenerali jkomplu jibbenefikaw mir-riżorsi tal-librerija.
Jista’ l-Ministru jgħid hemmx pjan ta’ espansjoni għall-Iskola Primarja tal-Imġarr, meta wieħed iqis li l-popolazzjoni kibret ħafna minn meta nbniet l-iskola preżenti?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jiżdiedu l-faċilitajiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, u jekk iva, liema faċilitajiet ġodda huma ppjanati li jkun hemm? Jista’ jgħid ukoll jekk hux qed jiġi kkunsidrat li jitkabbar l-ispazju u jekk iva, kif se jsir dan? Jekk le, x’alternattivi qed jiġu kkunsidrati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ingħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 33905 u 33907.
Il-Mosta – Uffiċċji tas-Sigurtà Soċjali - Refurbishment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta sar ir-refurbishment tal-uffiċċji tas-Sigurtà Soċjali tal-Mosta? Jista’ jgħid ukoll fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol u kemm sewa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm fliexken li ma ġewx imsarrfa fil-magni BCRS fl-2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fis-sena 2025 tqiegħdu fis-suq madwar 283 miljun kontenitur taħt l-iskema tal-BCRS. Ir-rata ta’ ġbir ikkonfermata mill-operatur hija li aktar minn 85 fil-mija ta’ dawn ġew aċċettati mill-magni tal-BCRS, b’numru ekwivalenti ta’ vouchers maħruġa. Ir-rata ta’ rimbors tal-vouchers qabżet ukoll it-98 fil-mija.
Ninsab infurmata wkoll li l-magni tal-BCRS jirreġistraw biss in-numru ta’ tentattivi miċħuda (reject attempts). Dan għaliex kontenitur wieħed jista’ jiġi ppruvat diversi drabi, jew jiġi miċħud f’magna u mbagħad aċċettat f’oħra. Ir-rati ta’ ġbir u rimbors juru li l-iskema qed taħdem b’mod effiċjenti u mpenjati biex din tkompli tittejjeb. Nirringrazzja lill-pubbliku għall-kollaborazzjoni tiegħu u nħeġġeġ biex flimkien inkomplu nagħmlu użu sħiħ mis-sistema tad-depożitu, inkluż is-servizz speċjali provdut lil persuni anzjani u persuni vulnerabbli permezz tad-Diviżjoni tal-Indafa u l-Manutenzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-ġonna ppjanti li jinfetħu minn Project Green fis-sena 2026?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 33918, ninforma lill-Onor. Interpellant li anke matul din is-sena, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għaddejjin b’ħidma fuq diversi proġetti li jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna u spazji miftuħa ġodda fil-lokalitajiet.
Huwa mmirat li matul din is-sena jitlestew numru sabiħ ta’ proġetti oħrajn li mistennija jinkludu dak tar-Riserva Naturali tas-Simar (San Pawl il-Baħar), Ġnien Dun Nicholas Cachia (Siġġiewi), Ġnien Misraħ Karmelitani (Żurrieq), estensjoni tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa (Birżebbuġa), Ġnien il-Larinġ (Ħal Lija), Ġnien il-Madonna tal-Vitorja (Pembroke), Park tal-Mitħna (Mqabba), Park ta’ Baħar iċ-Ċagħaq (Naxxar), Ġnien il-Koppin (Ħal Kirkop), Ġnien Għarram (Ħaż-Żebbuġ), Ġnien iż-Żgħożija (Imtarfa), Ġnien it-Tabib Mario Tabone (Swieqi), Għaxaq Picnic Site (Ħal Għaxaq), Rainwater Harvesting Park (Għajnsielem), parti minn Park l-Inħawi (Fgura), proġett f’Għajnsielem u ieħor f’San Ġiljan li qed isiru bħala parti mill-Iskema ta’ Tħaddir Urban għall-Kunsilli Lokali, Proġett Silva f’żewġ żoni afforestati fl-Aħrax ta’ Ġewwa u l-Miżieb (Mellieħa), xogħlijiet ta’ tisbiħ fiż-żona Saver Zarb f’San Ġiljan, fil-Barrakka ta’ Fuq u fil-Barrakka t’Isfel, Roof Garden fuq il-binja tal-Liċeo l-Ħamrun, Ċentru tal-Vizitaturi (Marfa), ġnien u spazju miftuħ fid-daħla tal-Birgu u l-proġett ta’ Green Living Hub Malta (Ħaż-Żebbuġ).
Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tal-ġonna ġodda kollha li ġew inawgurati fl-2025 minn Project Green?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32727, inżid ninfurmah li l-proġetti li saru mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, mill-bidu tal-leġiżlatura sa tmiem l-2025, ammontaw għal 68 proġett differenti madwar il-pajjiż. Sa tmiem is-sena, tlestew ukoll il-proġetti ta’ Ġnien tal-Fuklar f’Ħ’Attard, Wied ta’ Ġnien Ħira fl-Imdina, Ġnien tal-Famlija f’Ħal Għaxaq u tlesta wkoll ir-Razzett tat-Tfal (ċentru edukattiv biex jippromwovi s-sostenibbiltà) fi Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-ewwel fażi tax-xogħol tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li sal-lum kellu jkun lest?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-ewwel fażi tax-xogħol relatata mat-trasformazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li kienet tinkludi studji ġeotekniċi u inputs tekniċi oħra meħtieġa għall-iżvilupp tal-Master Plan tal-Kampus tas-Saħħa ta’ Għawdex, tlestiet matul is-sena li għaddiet.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-mediċina ‘Sitagliptin’ tinsab out of stock, il-ġranet li fihom kienet out of stock u meta ser terġa’ tkun available?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-mediċina ‘Sitagliptin’ hija disponibli bħalissa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx waiting list għal dan is-servizz?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li hemm 1,739 persuna li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels u m’hemm ħadd fuq il-lista ta’ stennija għal dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizzi mogħtija miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta hux ser jiżdiedu, u jekk iva, x’inhuma u meta se jibdew?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li se jkun hemm titjieb fis-servizzi tal-fiżjoterrapija, podjatrija, GPs, teatri u fil-kmamar tat-trattament. Mistenni wkoll li jiġi introdott is-servizz tal-ultrasound.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan għaċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pjan għaċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta huwa ta’ rinnovar u fejn ikun possibbli, espansjoni sabiex joffri aktar servizzi.