Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u l-Imġarr - Project Green - Proġetti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema proġetti ta’ Project Green ser ikunu qegħdin isiru/jinfetħu fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u l-Imġarr, matul is-sena 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 33919.

Rabat, Mtarfa, Ħaż-Żebbuġ, Mdina, Ħad-Dingli - Project Green - Proġetti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema proġetti ta’ Project Green ser ikunu qegħdin isiru/jinfetħu fil-lokalitajiet tar-Rabat, Mtarfa, Ħaż-Żebbuġ, l-Imdina, Ħad-Dingli, matul is-sena 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 33919.

Chadwick Lakes - Crayfish

Question

Tista’ l-Ministru tagħti update rigward il-crayfish fiċ-Chadwick Lakes?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal Wied il-Qlejgħa hemm fis-seħħ Ftehim ta’ Tmexxija bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) u Nature Trust – FEEE Malta għaż-żamma u r-restawr tal-ambjent naturali tas-sit. Infurmata li abbażi ta’ dan il-ftehim tneħħew madwar 5,000 ċkala (crayfish) mill-post.

Rabat, Malta - Santa Katerina - Barriera

Question

Tista’ l-Ministru tagħti update rigward is-sitwazzjoni tal-barriera f’Santa Katerina, fir-Rabat, Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sit għadu qed jiġi monitorjat mill-awtoritajiet b’mod kontinwu, kemm permezz ta’ CCTV kif ukoll bi spezzjonijiet mill-uffiċjali tal-infurzar. Infurmata wkoll li l-operatur qed jaderixxi mal-projbizzjoni imposta mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li ma jidħolx aktar materjal ġewwa s-sit, filwaqt li ġejt infurmata li l-volum ta’ materjal qed jitnaqqas. Iż-żewġ awtoritajiet kienu talbu titjib fil-metodoloġija għar-restawr tal-barriera, biex jiġi assigurat li s-sit jiġi restawrat b’mod sodisfaċenti, u bħalissa qegħdin jistennnew li dan it-titjib jiġi segwit min-naħa tal-Perit tal-operatur tal-barriera.

Ħad-Dingli - Ħruq f’barriera - Rapporti/investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti/investigazzjonijiet li saru wara l-inċident tal-ħruq f’barriera fil-limiti ta’ Ħad-Dingli, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt fuq is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti, kif ukoll fuq l-art agrikola u l-uċuħ tar-raba’ li jipprovdu l-ikel lill-poplu Malti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm inkjesta Maġisterjali u wieħed irid jistenna l-eżitu tagħha.

L-Imtarfa - Bypass - Studji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk reċentement sarux xi studji dwar il-Bypass tal-Imtarfa, fid-dawl li hemm xquq fit-triq li jistgħu jaffettwaw is-saħħa u s-sigurtà ta’ min juża din it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru investigazzjonijiet ġeoloġiċi u ġeotekniċi tul Triq il-Maltin Internati u Eżiljati (Mtarfa bypass). Ir-riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet intużaw biex isir disinn strutturali għall-pedamenti tat-triq. Dan id-disinn ser ikun qed jiġi attwat billi ssir rikostruzzjoni tal-bypass.

Ir-Rabat, Malta - Triq Emmanuele Vitale, Triq Santa Barbara u Triq Bir ir-Riebu - Traffic management ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet ta’ traffic management ġdid fi Triq Emmanuele Vitale, Triq Santa Barbara u Triq Bir ir-Riebu, fir-Rabat, Malta, minħabba li t-toroq ma jifilħux għal traffiku ‘2-way’?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

Ir-Rabat, Malta - Triq il-Buskett - Patching ta’ ħofor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax isir patching urġenti fi Triq il-Buskett, it-triq li tagħti mir-Rabat għall-Buskett, fid-dawl tal-ammont ta’ ħsarat li qegħdin isiru lir-residenti u lill-bdiewa li bilfors iridu jgħaddu minnha?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qiegħda tippjana li tagħmel asphalt ġdid permanenti din is-sena.

L-Imtarfa - Military Officers’ Mess - Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li l-binja tal-‘Military Officers’ Mess’ fl-Imtarfa, tiġi rrestawrata, peress li tinsab mitluqa? Jekk iva, jista’ jgħid jekk hemmx xi pjanti u permessi u meta ser isir dan ir-restawr?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

L-Isptar Mater Dei – Health Carers u Senior Health Carers – Allowance

Question

Jista’ l-Ministru jghid kemm Health Carers/Senior Health Carers ser jieqfu jgawdu l-allowance ta’ €330 maqbul f’Mejju 2024 għall-Health Carers/Senior Health Carers li jaħdmu fl-Outpatients tal-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-proċess għadu mhux komplut.

L-Isptar Mater Dei – Health Carers u Senior Health Carers – Allowance

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34792 dwar għaliex l-allowance ta’ €330 maqbul f’Mejju 2024, għall-Health Carers/Senior Health Carers li jaħdmu fl-Outpatients tal-Isptar Mater Dei qed jitwaqqaf, fejn ġie mwieġeb li “l-Health Carers/Senior Health Carers li jagħmlu xogħol ta’ ‘patient care duties’ ikomplu jgawdu mill-allowance maqbul f’Mejju 2024.”, jista’ l-Ministru jagħti d-definizzjoni tal-patient care duties?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Id-definizzjoni ta’ ‘patient care duties’ hija skont il-ftehim kollettiv iffirmat mal-unjins rispettivi.

L-Isptar Mater Dei – Infermiera u staff – Sample menu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti sample menu tas-snacks differenti li qed jingħataw lill-infermiera u l-istaff tal-Isptar Mater Dei li applikaw bħala ‘gluten free’ u dawk li applikaw bħala ‘diabetic’?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ir-Rabat / Baħrija - Dwal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34662 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid meta ser jiġu rranġati d-dwal fit-triq li mir-Rabat twasslek għal Baħrija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li saru r-rapporti meħtieġa.

Ir-Rabat, Malta - Il-Baħrija - Triq prinċipali - Bankina u dwal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34657 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk hemmx pjan li ssir bankina u dwal fit-triq prinċipali li twassal għall-Baħrija, ir-Rabat, Malta? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid meta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li mill-Fiddien sa Triq is-Sajf ta’ San Martin ġew imwaħħla l-arbli tad-dawl mill-Enemalta. Il-bankina ma saritx minħabba li l-art hija tal-privat.

Il-Baħrija - Żona tal-Fiddien - Telgħa t’Għajn Klieb - Imblukkar ta’ kanal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34656 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid meta ser tiġi rranġata l-problema ta’ imblukkar fil-kanal tat-telgħa t’Għajn Klieb ħdejn iż-żona tal-Fiddien, il-Baħrija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li hekk kif tinħareġ l-approvazzjoni mis-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali, ikun jista' jibda x-xogħol.

Ir-Rabat - Ċentru tas-Saħħa - Siġġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jitqiegħdu s-siġġijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, ħdejn Treatment Room 6, biex pazjenti li jkunu qed jistennew biex jidħlu għal trattament jew biex jittieħdilhom id-demm għall-warfarina, ikollhom fejn joqogħdu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat hemm żewġ swali ta’ stennija, fejn hemm siġġijiet.

L-Isptar Mater Dei – Health Carers u Senior Health Carers – Allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-allowance ta’ €330 maqbul f’Mejju 2024, għall-Health Carers/Senior Health Carers li jaħdmu fl-Outpatients tal-Isptar Mater Dei, qed jitwaqqaf?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Health Carers/Senior Health Carers li jagħmlu xogħol ta’ ‘patient care duties’ ikomplu jgawdu mill-allowance maqbul f’Mejju 2024.