Legislature:
Category:
Reset
Active:

Specialised Fostering Benefits

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Ispecialised Fostering Benefit jibqa’ jitħallas sal-età ta’ 21 sena meta ġeneralment it-tfal/adulti li għandhom xi forma ta’ diżabilità jibqgħu jgħixu mal-foster carers tagħhom għal ħafna u ħafna snin fid-dar tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tkun qed tingħata waqt seduta oħra.

Sistema tas-Sentencing Guidance

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12812, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-reazzjonijiet tal-Kummissjoni Għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja dwar l-introduzzjoni tas-sistema aktar effiċjenti tas-Sentencing Guidance?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Membru li f' dan l- istadju ma għandix x' nirrapporta fuq is-suġġett imqanqal fl-interpellanza.

Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali: Lokalitajiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni bi problema ta’ saħħa mentali fil-preżent li qed jgħixu waħedhom fil-komunità u jista’ jgħid ukoll f’liema lokalitajiet jgħixu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din it-tip ta’ informazzjoni ma tinġabarx.

Aġenzija Appoġġ: Perpetrator’s Programme

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm persuni li attendew il-Perpetrator’s Programme fis-sena 2018 u s-sena l-oħra? Jista’ jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-programm?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tagħrif li qed jitlob dwar il-programm magħruf bħala Managing Abusive Behaviour Services jew Stop the Violence! jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien tal-Ħarsien Soċjali (FSWS). It-tagħrif statistiku jinsab fl-istess sit elettroniku, taħt it-taqsima Aġenzija Appoġġ Statistical Reports.

Ċentri għal Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali/Rehab. Centres

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika meta twaqqfu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Persuni bi problema ta’ saħħa mentali u jekk matul din is-sena hux se jitwaqqaf xi Ċentru ieħor għall-benefiċċju ta’ dawn il-persuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Gvern nieda pjan ta’ strateġija nazzjonali għas-Saħħa Mentali fejn se jiffoka l-ħidma f’dan is-settur għall-għaxar snin li ġejjin. Fost oħrajn se jsiru tibdil strutturali, jingħata aktar servizzi, taħriġ u sapport kemm lill-pazjenti, u l-qraba, iżda wkoll il-ħaddiema involuti fis-settur. Din il-ħidma tinkludi ukoll il-promozzjoni tas-saħħa mentali fl-iskejjel u postijiet tax-xogħol, u tibdil fis-servizzi ta’ saħħa mentali biex dawn jingħataw fil-komunità u b’mod eċċezzjonali. Bħala linja gwida s-servizzi ta’ Kura għas-Saħħa Mentali qed ikunu integrati mal-kumplament tal-kura medika.

Ħaddiema tal-Catering – ħidma bla maskli

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta l-ħaddiema fis-settur tal-catering ser ikunu jistgħu jaħdmu mingħajr maskli? Jista’ jgħid x'inhu l-pjan biex jibdew jittaffew il-miżuri fuq l-istabbilimenti tal-ikel?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, hu rrakkomandat li ħaddiema li jkollhom kuntatt ma’ klijenti jilbsu l-maskra jew visor waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.

Il-Qala — Tender Legal Services - proċess biex jiġu awarded

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15293 u jaġġorna dwar it-tender Legal Service for the Qala Local Council QLLC 01 2020 li għalqet fis-6 ta' Marzu 2013 u jgħid fiex wasal il-proċess biex din l-imsemmija tender tiġi awarded?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Qala illi l-proċess tat-tender Legal Service for the Qala Local Council QLLC 01 2020 huwa wieqaf. Dan minħabba li l-Kunsill qiegħed jistenna direzzjoni mingħand id-Dipartiment tal-Kuntratti.

Iż-Żurrieq – Wied Fulija – proġett ta’ Park Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun lest u miftuħ il-proġett ta' Park Nazzjonali li kien tħabbar mill-Gvern aktar minn sena ilu f'Wied Fulija fiż-Żurrieq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-proġett għandu jkun lest sa l-aħħar ta’ din is-sena.

Il-Qala – Tender Legal Services – proċess biex jiġu awarded

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar it-tender Legal Service for the Qala Local Council QLLC 01 2020 li għalqet fis-6 ta' Marzu 2013 u jgħid fiex wasal il-proċess biex din l-imsemmija tender tiġi awarded?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata f’seduta oħra.

Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali – drittijiet u responsabilitajiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-klijenti li jagħmlu użu mis-servizzi tar-Rehab Centres kif ukoll tad-Djar Residenzjali/hostels tal-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-drittijiet ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali huma stabbiliti f’artiklu 3 tal-Att dwar is-Saħħa Mentali (Kap 525 tal-Liġijiet ta’ Malta). Kull faċilita’ li toffri servizzi hija obbligata li tirrispetta f’kull ħin dawn id-drittijiet, imma għandha wkoll tiddetermina id-dmirijiet li għandu kull min jirċievi s-servizz peress dawn id-dmirjiet ivarjaw minn servizz għal ieħor. Dawn id-drittijiet jinkludu: -jwettqu kull dritt ċivili, politiku, ekonomiku, soċjali, reliġjuż, edukattiv u kulturali dwar kwalitajiet individwali, kapaċitajiet u sfondi diversi u mingћajr ebda diskriminazzjoni minћabba f’inkapaċità fiżika, età, ġeneru, orjentament sesswali, razza, lewn, lingwa, reliġjon jew oriġni nazzjonali jew etnika jew soċjali; -li jirċievu kura tal-istess kwalità u standard bћal individwi oћra li jkunu qegћdin jirċievu l-kura; li jirċievu kura li tkun tindirizza b’mod komplet il-bżonnijiet tagћhom billi jsirilhom pjan ta’ kura multidixxiplinarja; li jirċievu kura primarjament fil-komunità; dritt gћall-kura li tingћata wara r-rijabilitazzjoni meta dan ikun possibbli fil-komunità biex jitћaffef l-inklużjoni soċjali tagћhom; li jieћdu sehem attiv fit-tfassil tal-pjan ta’ kura multidixxiplinarja; li jagћtu kunsens liberu u informat qabel ma tingћatalhom xi kura. Fir-rehab centres kif ukoll f’xi djar residenzjali/hostels wieħed isib fuljetti mqassma mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali li l-irwol prinċipali tiegħu huwa li jippromwovi u jissalvagwardja d-drittijiet tal-persuni li jesperjenzaw diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Id-Dipartiment tal-Occupational Therapy is-sena l-oħra ikkollabora wkoll ma’ numru ta’ NGOs sabiex ippubblika glossarju tat-termini prinċipali użati fil-liġi tas-saħħa mentali. Dan ħalli persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali u l-carers tagħhom ikunu jistgħu jifhmu aħjar l-Att dwar is-Saħħa Mentali li minnu joħorġu d-drittijiet li għandhom persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Dawn il-fuljetti wkoll huma disponsibbli fiċ-ċentri, fost oħrajn. Barra minn hekk, id-drittijiet jiġu diskussi qabel u waqt sessjonijiet, speċjalment dawk inizzjali, u iktar tard skont il-ħtieġa. Ir-responsabbiltajiet tal-persuni li jużaw is-servizz huma bħal ħtieġa li persuna tinforma lill-persuni kkonċernati jekk wieħed ma jistax jattendi appuntament, il-kunfidenzjalita’ ta’ dak li jingħad minn users oħra waqt sessjonijiet fi grupp, u r-rispett lejn users u ħaddiema huma wkoll diskussi fis-sessjonijiet inizzjali kif ukoll iktar tard skont il-ħtieġa.

Djar residenzjali tal-Anzjani — inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-inizjattivi kollha li saru matul dawn l-aħħar sentejn sabiex tingħata vuċi lill-residenti (u l-qraba tagħhom) biex flimkien ikunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar f’dawn id-Djar Residenzjali tal-Anzjani? F’liema Dar Residenzjali twettqu dawn l-inizjattivi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li f’dawn l-aħħar sentejn kienu qegħdin jitlaqqgħu kumitati f’kull Residenza tal-Anzjani tal-Gvern. Dawn il-kumitati jiġu organizzati mill-ħaddiema soċjali u jsiru darba kull xaharejn. F’dawn il-kumitati jiġi diskuss l-andament tar-residenza filwaqt li r-residenti jressqu l-ilmenti tagħhom dwar xi affarijiet jew proċeduri fir-residenza li jixtiequ jaraw mibdula. Il-ħaddiem/a soċjali li jkun qiegħed imexxi dan il-kumitat iservi bħala medjatur sabiex jinstab kompromess bejn ix-xewqat tar-residenti u l-esiġenzi u-regoli tar-residenza. Fil-ħamest id-djar tal-Gvern hemm ukoll kaxxa tal-posta għas-suġġerimenti u lmenti li tinġabar mill-kap tad-dar kull xahar. Fuq il-kaxxa hemm ukoll numru tat-telefon u ndirizz elettroniku taċ-Ċentru Servizz Anzjan fejn jistgħu ukoll jċemplu biex jgħaddu il-kummenti tagħhom. Qed jiġu nfurmati wkoll id-dar privati kollha, li magħhom il-Gvern għandu ftehim taħt Public Private Partnership, li permezz tiegħu, għandna numru ta’ sodod mixtrija, sabiex dawn id-djar iħaddmu din il-proċedura ukoll f’kas li dan ma kienx diġa’ qiegħed isir mid-dar/djar ikkonċernata/i. Il-ħaddiema soċjali tad-dipartiment jiġu nvoluti sabiex jaraw kull każ b’mod individwali, u jisimgħu x’qiegħed jgħid l-anzjan u/jew il-qraba tiegħu u jitfassal pjan sabiex is-sitwazzjoni partikolari tiġi ameljorata. Dawn l-inizzjattivi jitwettqu f’kull dar residenzjali fejn id-Dipartiment tal-Aanzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandu l-anzjani taħt il-kura tiegħu. Kull ilment li jasal quddiem id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jiġi segwit minn tim ta’ professjonisti skont il-każ li jista’ jinkludi ħaddiema soċjali, nfermiera speċjalizzati u profesjonisti komplimentari għall-mediċina. Il-Faċilita’ għal Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul, f’dawn l-aħħar sentejn bdiet tħaddem dawn l-imsemmija inizzjattivi: - Isir welcome encounter sabiex ir-residenti u l-qraba jkunu jafu fuq is-servizzi, drittijiet u obligazzjonijiet tul il-permanenza ġewwa San Vinċenz de Paul; - Permezz tal-uffiċċju tal- Customer Care , isiru żjarat fis-swali sabiex l-uffiċċjali jiltaqgħu mal-qraba u residenti; - Isiru numru ta’ stħarriġ fuq dimensjonijiet differenti ta’ kura u kwalita’ tal-ħajja tal-anzjani residenti; - Isiru telefonati regolari lil qraba tal-anzjani, mill-uffiċċju tal- Customer Care ; - Issir ‘relatives day’ mid-dipartiment tal-ġerjatrija fi ħdan ir-Residenza; fejn it-tobba, qraba u residenti jiltaqgħu flimkien sabiex jiddiskutu l-pjan ta’ kura tar-residenti. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, uħud minn dawn is-servizzi offruti mill-Faċilita’ għal Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul, ġew imwaqqfa minħabba l-miżuri maħruġa mill-Awtoritaijiet tas-Saħħa, minħabba l-imxija tal-COVID-19.

Kunsill Lokali Marsaskala – speed cameras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala jaqbilx sabiex jiġu installati speed cameras fit-toroq prinċipali ta’ Marsaskala biex jiġu evitati ħafna inċidenti? Jekk iva, x’inizjattivi wettaq biex ikun hemm installati dawn il-cameras?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala illi l-Kunsill huwa tal-fehma li ma tiġix installata speed camera fi Triq il-Qaliet minħabba li hi triq residenzjali. Tajjeb jingħad ukoll li f’din it-triq diġa’ hemm sett traffic lights, ¿ewġ zebra crossings u oħra li ser issir dalwaqt. Il-Kunsill were x-xewqa ma’ Transport Malta dwar l-installazjoni ta’ speed cameras fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas pero’ minflok ġew installati speed humps.

Kunsilli Lokali – promozzjoni għall-anzjanità attiva

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’qegħdin jagħmlu l-Kunsilli Lokali sabiex jippromwovu l-anzjanità attiva fil-komunità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ħarġet l-iskemi msemmija hawn taħt fejn il-Kunsilli Lokali kellhom l-opportunità li jippromwovu l-anzjanità attiva. Isem ta’ l-Iskema Data tal-Ħruġ L-għan ta’ l-Iskema Skema Finanzjarja favur il-Komunità - Ħajja aħjar permezz ta’ Eżerċizzju Fiżiku u Sports 2 ta’ Novembru 2018 L-għan ta’ din l-Iskema kien li kull ċittadin, inkluż l-anzjani fil-Lokalita', jiġi mħeġġeġ jagħmel eżerċizzju fiżiku permezz ta’ diversi programmi speċifiċi, sports u attivitajiet oħra. Waħda mill-kritejri kienet speċifikament programmi ta’ eżerċizzju fiżiku għall-anzjani. Skema Finanzjarja – ¯vilupp ta’ Libreriji Lokali / Reġjonali f’Ċentri tal-Komunita' 20 ta’ Mejju 2019 L-għan ta’ din l-Iskema kien li l-libreriji lokali u reġjonali jiġu żviluppati f’ċentri tal-komunita’ inklussivi fejn iċ-ċittadini jkollhom l-opportunita’ jattendu u jipparteċipaw f’attivitajiet inovattivi sabiex ikomplu jsaħħu l-għarfien tagħhom f’diversi oqsma f’ambjent soċjali. Waħda mill-kriterji kienet tesiġi li jiġu organizzati attivitajiet li jinvolvu persuni vulnerabbli u anzjani. Għajnuna Finanzjarja għall-Korsijiet ta’ Tagħlim tul il-Ħajja (Lifelong Learning) 28 ta’ Ġunju 2019 Din l-iskema kienet tkopri finanzjament għal kull tip ta' kors li seta' jipprovdi koeżjoni soċjali, d-diversità kulturali u tas-sessi, l-opportunitajiet indaqs, il-mobilità soċjali u l-benessere taċ-ċittadin. Dan kien jinkludi wkoll l-anzjanita attiva’ . Waħda mill-kriterji kienet speċifikatament tinkludi il-finanzjament ta' trasport għar-residenti kollha inkluż l-anzjani li jsibu diffikulta ta' mobilita'. Finanzjament ta' Programmi - Għaqal id-dar - Ħajja Aħjar 2019 sa 2021 Dan huwa ftehim li jkoppri tlett snin imtella b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali fejn il-Kunsilli joffru programmi biex iċ-ċittadini inkluż l-anzjani jkollhom l-opportunita' li jsaħħu l-għerf, il-valuri u l-ħiliet fl-immaniġġjar tar-riżorsi personali u l-għarfien tad-drittijiet u obbligi fid-diversi oqsma tal-ħajja. Fil-fatt dawn il-programmi attiraw ħafna anzjani.

Birżebbuġa — Wied Żnuber - Rilokazzjoni tar-Runway tal-Model Aircraft

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14666 li oriġinarjment saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux qed jiġi ppjanat ir-rilokazzjoni tar-runway tal-model aircraft għal Wied Żnuber Birżebbuġia? Jista’ jikkonferma li ser jintefa’ tarmak fuq art xagħri fl-istess żona?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali m’għandu l-ebda pjanijiet li jagħmel rilokazzjoni tar-runway li hemm f’Ta’ Qali u li tintuża mid-dilettanti tal-model aircraft.

Marsaskala: Residenti Maltin imressqa fuq reati kriminali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14448 u jindika n-numru ta’ residenti Maltin u li joqogħdu Marsaskala li tressqu l-Qorti fuq reati kriminali matul l-2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi mid-dettalji miġbura mill-Pulizija n-numru ta’ residenti Maltin u li joqogħdu Marsaskala li tressqu l-Qorti fuq reati kriminali matul is-sena 2019 kien ta’ mija u tmienja u ħamsin (158).

Birżebbuġa — Wied Żnuber – rilokazzjoni tar-runway tal-model aircraft

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi ppjanat ir-rilokazzjoni tar-runway tal-model aircraft għal Wied Żnuber Birżebbuġia? Jista’ jikkonferma li ser jintefa’ tarmak fuq art xagħri fl-istess żona?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.