Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skart mormi: Cameras tas-Sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17488 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18381 tat-Tnax-il Leġislatura, jista’ l-Ministru jindika kemm ġew imwaħħla cameras tas-sigurtà f’żoni fejn jintrema ammont ta’ skart illegali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala Ministeru għall-Ambjent għandna numru ta’ cameras tas-sigurtà f’postijiet li jaqgħu taħt r-responsabbiltà tagħna sabiex isir monitoraġġ kemm kontra ħsara kif ukoll kontra rimi ta’ skart. Dawn jinkludu 20 camera fil-Buskett, 8 fil-Park ta’ l-Inwadar, 2 fil-Magħluq ta’ Wied il-Għajn u 6 ġo Kennedy Grove. Hemm ukoll il-pjan li matul iż-żmien li ġej jiżdiedu 4 oħra fl-Inwadar, 10 oħra f’postijiet rurali u Natura 2000 u 5 f’Marine Protected Areas. Sadanittant l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għandha wkoll li twaħħal 6 cameras oħra f’żoni li huwa magħruf li jintrema skart. Ta’ min ifakkar ukoll li jista’ jkun hemm ministeri oħra li jwaħħlu dawn it-tip ta’ cameras.

Spiża biex tittaffa l-problema tal-obeżità

Question

Jista’ d-Deputat Prim u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus is-sena l-oħra biex tittaffa l-problema serja tal-obeżità f’pajjiżna? Kif intefqu dawn il-flus?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 17448.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin: Priġunieri Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-etajiet tal-priġunieri li huma ta’ nazzjonalità Maltija u li bħalissa jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom dawn il-priġunieri f’din il-Faċilità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella impoġġija fuq il-mejda tal-kamra. Id-data tal-informazzjoni mogħtija hija l-Ġimgħa 27 ta’ Novembru 2020.

Skart mormi: Cameras tas-Sigurtà

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18381 tat-Tnax-il Leġislatura, jista’ l-Ministru jindika kemm ġew imwaħħla cameras tas-sigurtà f’żoni fejn jintrema ammont ta’ skart illegali?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.

Kors ta’ taħriġ — carers/membri tal-familja li jieħdu ħsieb anzjani u persuni b’diżabilità fil-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk humiex se jiġu organizzati xi korsijiet ta’ taħriġ għal dawk il-carers / membri tal-familja li jieħdu ħsieb l-anzjani u persuni b’diżabilità fil-komunità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Minħabba il-pandemija tal-COVID-19 il-programm “10- week programm” kellu jiġi pospost u l-kors mistenni li jitkompla fi Frar 2021 permezz ta’ Online Sessions.

Kors ta’ taħriġ — carers/membri tal-familja li jieħdu ħsieb anzjani u persuni b’diżabilità fil-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk humiex se jiġu organizzati xi korsijiet ta’ taħriġ għal dawk il-carers / membri tal-familja li jieħdu ħsieb l-anzjani u persuni b’diżabilità fil-komunità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Aġenzija Sapport tinvesti ħafna riżorsi f’taħriġ speċjalizzat b’mod regolari għal dawk l-impjegati li jaħdmu b’mod dirett tal-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija b’mod partikolari dawk fil-komunità. Madankollu l-Aġenzija ma tipprovdix taħriġ għall-qraba. Dan għax skont Artiklu 19 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) u l-linji gwida tal-European Network of Independent Living hu suġġerit li persuni b’diżabilità fil-komunità kemm jista’ jkun ikollom carers / personal assistants li mhumiex membri tal-familja. Għalkemm ma tipprovidix taħriġ lill-qraba, l-Aġenzija Sapport xorta waħda toffri appoġġ b’diversi modi lill-membri tal-familja fosthom b’seminars virtwali, gruppi ta’ sostenn u workshops informattivi.

Birżebbuġa – proġett ta’ parkeġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jibda u jitlesta l-proġett ta' parkeġġ ta' 450 karozza f'Birżebbuġa liema proġett kien tħabbar f'Mejju li għadda?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-perjodu tal-appelli għall-evalwazzjoni tal-offerta skada fis-6 ta’ Novembru u ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni. Min-naħa tad-Dipartiment tal-Kuntratti ġie fformulat il-ftehim tal-kuntratt u dawn għaddewha lill-offerent.

Ħas-Saptan – proġett ta’ ħażna ta’ żejt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikun lest il-proġett tal-ħażna tal-fuel f'Ħas-Saptan u meta ser jieqaf jopera d-depot tal-fuel f'Birżebbuġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett tal-ħażna tal-fuel f’Ħas-Saptan hu proġettat li jitlesta matul is-sena 2021. Fl-istess żmien, l-impjant ta’ Birżebbuġa se jkun qiegħed “on cold standby” bl-għeluq definittiv tal-impjant ippjanat li jseħħ matul l-istess sena.

Birżebbuġa – ħut mejjt fil-bajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu jikkawża l-mewt ta' ħafna ħut fil-bajja ta' Birżebbuġa? X'inhu jagħmel il-Ministeru biex din il-problema frekwenti tissolva?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat illi minn spezzjonijiet li għamlet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fil-Bajja ta’ Birżebbugia u l-madwar ma nstabet ebda evidenza viżiva li tindika li dan il-fenomenu qiegħed jiġi kkawzat minn xi tniġġiż jew sustanzi oħra u lanqas ma kien hemm evidenza viżiva ta’ sustanzi jew fenomeni naturali fil-baħar li setgħu jindikaw li l-ħut mietu minħabba fihom. Sadanittant ikun tajjeb li l-Awtorita’ tkun infurmata mill-ewwel meta jiġru avvenimenti bhal dawn halli tkun tista’ tiskatta proċess ta’ berifika u analiżi anke ma’ awtoritajiet ohra kompetenti fir-rigward.

Persuni li jabbużaw minn Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija paralmentari 16697 u jgħid kemm kien hemm persuni/familji li abbużaw mill-akkomodazzjoni soċjali f’dawn l-aħħar tliet snin, fiex kienu jikkonsistu dawn l-abbużi u x’miżuri ttieħdu biex jieqaf dan l-abbuż?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u ser jingħata f’xi seduta oħra.

Proġett Ship to Shore — fondi lokali u fondi ewropej

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi lokali u kemm hemm fondi Ewropej għall-proġett tax-Ship to Shore fil-Port Ħieles f'Birżebbuġa?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Proġett Ship to Shore

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol fuq ix-Ship to Shore fil-Port Ħieles f'Birżebbuġa u meta hu maħsub li jitlesta?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa previst li l-proġett kollu jieħu madwar 30 xahar biex jitlesta. Dan il-perjodu jinkludi il-ħrug u l-aġġudkiar ta’ tenders, applikazzjoni u approvazzjoni tal-fondi mill-UE, permessi fejn meħtieġa, bini ta xogħlijiet ċivili u l-installazzjoni tal-apparat tal-elettriku. Jinkludi wkoll perjodu ta' ttestjar u ċertifikazzjoni skont standards internazzjonali.

Direttorat tal-Cleansing — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fid-Direttorat tal-Cleansing u xi gradi għandhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni tipprovdi servizzi ta’ immaniġġjar tal-iskart lill-Gvern Ċentrali u lill-Kunsilli Lokali, partikolarment it-Tindif Pubbliku, sabiex iż-żoni urbani u mhux urbani jinżammu ħielsa mill-iskart u skart mormi illegalment. L-għan tad-Direttorat tat-Tindif huwa li jippromwovi ambjent ħieles minn skart, żibel, debris, ħmieġ jew kwalunkwe forma oħra ta’ skart abbandunat. Unitajiet taħt ir-responsabbiltà tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni huma: · Unità tat-Tindif tat-Toroq Arterjali · Tindif ta' Żoni Pubbliċi u Unità ta' Spazji Miftuħa · Unità għat-Tindif tal-Bajjiet · Unità tat-Tindif tal-Konvenjenzi Pubbliċi (bini tal-Gvern Ċentrali biss) · Manutenzjoni tas-Sistemi tal-Ilma tax-Xita Ta’ min wieħed jirrikonoxxi wkoll il-ħidma tad-Diviżjoni matul l-imxija tal-Covid-19. Din hija l-lista mitluba mill-Onorevoli Interpellant: Assistant Director Operations 1 Assistant Director Support Services 1 Assistant Foreman 6 Assistant Principal 2 Bookbinder 1 Cleansing Awareness Campaign Official 1 Client Satisfaction Administrator 1 Co-Ordinating Officer 1 Customer Care Official 2 Director General 1 Director Operations 1 Director Support Services 1 Enrolled Nurse (Scale 11) 1 ERL employees 26 Executive Officer 2 Foreman 6 Gardener 1 General Hand 7 Health Assistant 3 Health Attendant 2 Health Attendant [Public Cleansing] 91 Heavy Plant Driver 32 Labourer 19 Labourer Ex Impressed 1 Management Support Executive 1 Motor Transport Driver 9 Nursing Aide 1 Officer in scale 10 2 Officer in scale 12 1 Officer in scale 14 2 Officer in Scale 18 1 Operations Manager 1 Operative 1 Principal - Scale 7 1 Principal - Scale 8 1 Principal - Scale 9 2 Principal Public Cleansing Officer 4 Principal Technical Officer 2 Public Cleansing Foreman 5 Public Cleansing Officer 4 RSSL employees 14 Security Guard 4 Senior Clerk 2 Senior Engineer 1 Senior Foreman 2 Senior Operative 239 Senior Principal 1 Senior Public Cleansing Foreman 7 Senior Technical Officer 4 Senior Technician 1 Senior Tradesman 15 Supervisor 20 Timekeeper 1 Tradesman (Carpenter) 1 Tradesman (Mason) 4 Tradesman (Mechanical) 5 Tradesman (Plasterer and Painter) 4 Tradesman (Welder) 5

Kunsilli Lokali: records ta' ilmenti/suġġerimenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16613 u 16488 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13480, jista’ l-Ministru jgħid kemm u fuqiex kienu l-ilmenti u s-suġġerimenti tar-residenti ta’ dawk il-Kunsilli Lokali li jżommu records ta’ dawn l-ilmenti/suġġerimenti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Kunsilli Lokali u l-użu mill-Iskejjel tal-Istat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16614 u 16487 u jindika liema huma dawk il-kunsilli lokali li qed jagħmlu użu mill-iskejjel tal-Istat wara il-ħin tal-iskola u jekk dan is-servizz huwiex jingħata lilhom bla ħlas?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali jirriżulta li hawn għaxar lokalitajiet li qed jagħmlu użu mill-iskejjel tal-Istat wara il-ħin tal-iskola. Fi tmienja minnhom is-servizz qed jingħatalhom bla ħlas. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ftehim mal-Crisis Resolution Malta

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8739 bid-data tas-6 ta’ Frar, 2019, jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid issa jekk intlaħaqx ftehim mal-Crisis Resolution Malta sabiex jitjiebu s-servizzi indirizzati lill-persuni f’riskju ta’ suwiċidju? Jekk iva, jista’ l-Ministru jpoġġi kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma sar l-ebda ftehim mal-Crisis Resolution Malta.

Responsible Gaming Foundation

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15709 li oriġinalment saret il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar u li issa ġiet irreferuta lilu dwar il-ħidmiet li wettqet ir-Responsible Gaming Foundation matul l-aħħar sena? Kemm tat fondi lura lis-soċjetà fil-ġbir tagħha mill-industrija tal-logħob din il-Fondazzjoni?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Mistoqsija Parlamentari Numru 15709 kienet ġiet imwieġba bir-risposta li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari Numbru 15954. Barra minn hekk, inzid li għas-sena 2018, il-Fondazzjoni nefqet €110,544 biex tindirizza logħob responsabbli. L-‘audited accounts’għas-sena 2019 għadhom qed jiġu finalizzati.

Persuni li għamlu użu mill-postijiet tal-Gambling

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm persuni li għamlu użu mill-postijiet tal-gambling matul is-sena 2017, 2018 u s-sena l-oħra? Kemm minn dawn il-persuni kienu Maltin u kemm minnhom kienu barranin?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 15951.

Persuni li għandhom il-vizzju tal-Gambling

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’servizzi hemm sabiex jiġu megħjuna persuni li għandhom il-vizzju tal-Gambling? Fiex jikkonsistu dawn is-servizzi? X’irid wieħed jagħmel biex jirċievi s-servizzi tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Addictions Community Team fi ħdan l-Aġenzija Sedqa, toffri servizz lil dawk illi b’xi mod qed jissieltu ma’ problema ta’ logħob tal-azzard u l-konsegwenzi marbuta magħha. Toffri wkoll servizz ta’ sapport lill-qraba, anki jekk il-persuna li qed iġġor il-problema, għal xi raġuni tirrifjuta s-servizz. Normalment il-proċess jibda billi tidħol talba għal għajnuna mingħand il-persuna li tixtieq l-għajnuna, jew xi professjonisti oħra li jkunu f’kuntatt mal-persuna. Il-professjonisti ta’ l-Addictions Community Team ta’ Sedqa jissoktaw billi joffru appuntament mill-ewwel, fil-maġġoranza tal-każi, fi żmien ġimgħa. L-iskop huwa li jiġi stabbilit kuntatt mal-persuna kemm jista’ jkun malajr u anki jiġi assessjat fid-dettall x’inhuma l-bżonnijiet. Fejn meħtieġ, il-professjonisti jippruvaw mill-ewwel jidentifikaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi u jfasslu pjan ta’ kura għalihom sa mill-ewwel darba. Eventwalment il-każ jiġi allokat għand ħaddiem soċjali u jibda l-proċess ta’ terapija, dejjem fil-kuntest ta’ dak li jixtieq il-klijent. Jiġu offruti varjetà ta’interventi li jibdew minn laqgħat ta’ kull ġimgħa mal-ħaddiem soċjali inkarigat mill-każ. Jiġi offrut ukoll servizz ta’ tabib u psikjatra u jekk ikun hemm bżonn anki servizz ta’ psikologu/a u terapista tal-familja. F’każijiet fejn il-problema tkun daħlet fil-fond, jiġi offrut servizz ta’ programm intensiv ta’ riabilitazzjoni residenzjali. Wieħed jista’ jirrikorri għall-għajnuna hawn fuq imsemmija billi jagħmel appuntament mal-professjonisti tal-Aġenzija Sedqa jew billi jirrikorri l-uffiċini tal-istess Aġenzija, fejn il-professjonisti tal-Addictions Community Team ikunu lesti li jilqgħu lil kull minn javviċina lil Aġenzija, anke mingħajr appuntament.

Persuni li jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni/familji li abbużaw mill-akkomodazzjoni soċjali f’dawn l-aħħar tliet snin, fiex kienu jikkonsistu dawn l-abbużi u x’miżuri ttieħdu biex jieqaf dan l-abbuż?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.