Tista’ l-Ministru tindika kemm ġiet l-ispiża totali għas-sena skolastika (2018 -2019) minħabba li studenti m’attendewx l-iskola mingħajr ebda raġuni valida?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika eżatt ir-rikjesta tiegħu.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ Ċentri ta’ Matul il-Jum li għandna mwaqqfa f’pajjiżna? Kemm minnhom kienu mwaqqfa f’dawn l-aħħar seba’ snin u fejn twaqqfu? X’inhi l-allokazzjoni finanzjarja globali sabiex jiġi operat dan is-servizz?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Aġenzija Sapport tmexxi 12-il-Ċentru ta’ Matul il-Jum (11 f’Malta u 1 f’Għawdex).
Fl-aħħar seba’ snin twaqqfu dawn iċ-Ċentri:
§ Għajnsielem Learning Hub - Għawdex, 2015
§ Skills Space – Sliema, 2017
§ Baħar iċ-Ċagħaq, 2020
L-ispiża globali finanzjarja sabiex Aġenzija Sapport topera dawn iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum hi ta’ madwar €10.3 miljun fis-sena. Dan minbarra spejjeż oħra ta’ madwar €250,000 fis-sena bħala spiża kapitali fuq għamara, apparat, proġetti ta’ ristrutturar u infrastruttura teknoloġika.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18260 u jgħid kemm hemm social workers li jaħdmu fil-qasam tal-anzjani? X’inhija l-lista ta’ stennija biex anzjani jirċievu dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm tmien social workers li jaħdmu fil-qasam tal-anzjani.
Fil-preżent m’hemmx lista ta’ stennija biex anzjani jirċievu dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk is-servizzi fejn l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali tagħmel moniteraġġ biex tara li dawn is-servizzi qed jingħataw b’mod professjonali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali fir-rigward ta’ servizzi li jikkonċerna s-settur tal-anzjani u l-anzjanita’ attiva twettaq moniteraġġ f’servizzi ta’ Ħarsien Soċjali fuq bażi residenzjali, kura għall-anzjani b’kundizzjonijiet kroniċi u dipendenza għolja, ċentri ta’ matul il-jum, ‘respite’, ‘shelters’ u akkomodazzjoni temporanja, kif ukoll iservizzi speċjalizzati għall-anzjani bid-dimensja.
Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ lmenti għal kull Dar Residenzjali tal-Gvern f’din il-Leġiżlatura? Fuqiex kienu jikkonsistu dawn l-ilmenti u jekk dawn l-ilmenti ġewx indirizzati?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali rċeviet 27 ilment u d-Direttorat għal Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunita’ rċieva 189 ilment u dawn ġew indirizzati. Tabella li turi l-ammont ta’ lmenti għal kull residenza kif ukoll dwar x’hiex kienu jikkonsistu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Karma.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu s-servizzi ta’ ħidma soċjali li qed jingħataw lill-persuni b’diżabilità? Kemm hemm social workers li qed iwettqu dawn is-servizzi? Kemm hemm persuni b’diżabilità li qegħdin fil-lista ta’ stennija għal dawn is-servizzi?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-preżent l-Aġenzija timpjega 17-il Social Worker fuq bażi full-time. Dawn il-ħaddiema huma parti minn tim ta’ professjonisti li jservi bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt għal dawk il-persuni li jixtiequ jaċċessaw is-servizzi tal-Aġenzija. Dawn il-ħaddiema soċjali jagħmlu l-assessjar meħtieġ u riferti lejn is-servizzi neċessarji. Dan waqt li jħejju wkoll rapporti għal diversi bordijiet u skemi li tmexxi l-Aġenzija; jagħtu sapport lill-familjari ta’ persuni b’diżabilità li jibbenefikaw mid-diversi servizzi tal-Aġenzija; kif ukoll jagħtu s-sapport meħtieġ lill-persuni b’diżabilità li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, is-Servizzi Residenzjali kif ukoll dawk fil-Komunità.
Fid-data tat-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari, il-lista ta’ stennija għal dan is-serviz hi ta’ 197. Dawn jinkludu 96 tfal, 43 adolexxenti u 58 adult. Matul is-sena 2020, dan is-servizz kellu 893 każ attiv.
Ftuħ ta’ hostels għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm infetħu hostels fil-komunità f’din il-Leġiżlatura sabiex jakkomodaw persuni bi problemi ta’ saħħa mentali? Fejn infetħu dawn il-hostels u kemm hemm persuni jgħixu fihom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’din il-Leġiżlatura infetħu 3 hostels ġodda sabiex jakkomodaw persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u hemm 35 persuna tgħix fihom.
Ghalhekk illum hemm 8
hostels
li huma għad-dispożizzjoni tal-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu sabiex jitjieb is-servizz tal-Home Help f’dawn l-aħħar sentejn u sad-data li tiġi imwieġba din il-mistoqsija? Kemm jiswa dan is-servizz kull sena u kemm hemm persuni li qed jirċievu dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn saret riforma sħiħa fis-servizz tal-Għajuna fid-Dar, bl-għan li s-servizz jingħata lill-klijenti fl-iqsar żmien possibbli u skont il-bżonnijiet individwali tal-klijenti anzjani.
Ir-riforma kienet tinkludi:
· Tibdil fl-immaniġjar tas-sezzjoni tal-Għajnuna fid-Dar.
· Ingaġġar ta’ Manager 1 biex tgħin fix-xogħol tal-amministrazzjoni.
· Saru laqgħat regolari, kemm mal-maniġment tal-AACC kif ukoll mal-impjegati kollha tas-sessjoni tal-Għajnuna fid-Dar, bil-għan li jiġu esplorati toroq ġodda ta’ kif jista’ jittejjeb is-servizz.
· Ġiet imsaħħa r-relazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn is-sezzjoni tal-Għajnuna fid-Dar u l-kuntrattur li jipprovdi l-Helpers biex jagħtu servizz lill-klijenti.
· Ingaġġar ta’ Supervisors biex ikunu jistgħu jiġi segwiti l-klijenti fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta.
· Is-supervisors intbagħtu jsegwu diversi korsijiet, konferenzi u seminars sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizz aħjar u aktar effettiv għall-klijenti anzjani.
· Is-supervisors ingħataw aktar flessibiltà sabiex ikunu jistgħu jwettqu żjarat għand il-klijenti skont l-urġenza u l-bżonnijiet tal-klijenti, kif ukoll skont l-esiġenzi tas-servizz.
· Ġie mmexxi seminar minn żewġ membri tal-Bord tal-Għajnuna fid-Dar lill-professjonisti kollha li jassessjaw lill-klijenti anzjani, biex kull assessjar li jsir ikun jista’ jiġi użat mill-Bord tal-Għajnuna fid-Dar.
· Saru laqgħat mas-sezzjoni tas-Social Work sabiex il-proċess tal-assessjar tal-klijenti jsir skont il-prijoritajiet u l-bżonnijiet individwali tal-klijenti.
· L-assessjar tal-klijenti infirex fuq diversi professjonisti biex b’hekk jitħaffef il-proċess tal-assessjar tal-klijenti ġodda.
· Il-parti tal-applikazzjoni li tikkonċerna l-Għajnuna fid-Dar ġiet riveduta biex tinkludi rapport mediku ta’ kull persuna ʼl fuq minn 65 sena li tkun tgħix fir-residenza. B’hekk tnaqqset l-istennija għall-evidenza medika meta din tkun rikjesta mill-Bord tal-Għajnuna fid-Dar.
· Ġew introdotti prijoritajiet skont il-bżonnijiet individwali tal-klijenti biex tingħata prijorità lill-klijenti li huma l-aktar fil-bżonn. Fosthom ġiet introdotta t-Temporary Home Assistance (THA) fejn tingħata għajnuna immedjata ta’ sagħtejn fil-ġimgħa lill-klijenti sakemm jiġi approvat is-servizz mill-Bord tal-Għajnuna fid-Dar.
· Ġie implimentat il-protokol tal-75+ fejn l-applikanti kollha li għandhom ʼil fuq minn 75 sena u li jgħixu waħedhom, awtomatikament jingħataw sagħtejn servizz fil-ġimgħa.
· Ġew implimentati proċeduri regolarizzati biex jingħata servizz aktar effiċjenti u tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tas-servizz.
· Ġiet maħtura persuna mis-sezzjoni tal-Għajnuna fid-Dar fuq il-Bord tal-Għajnuna fid-Dar biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu kklarifikati xi diffikultajiet li jista’ jiltaqa’ magħhom il-Bord b’mod immedjat.
· Saru laqgħat regolari bejn membri tal-amministrazzjoni min-naħa tal-kuntrattur u s-sezzjoni tal-Għajnuna fid-Dar sabiex jiġu solvuti każijiet fejn ikun hemm problemi ma’ klijenti jew ċirkustanzi diffiċli.
· Ġiet imnedija l-iskema tas-sussidju fejn il-klijenti jkunu jistgħu jimpjegaw Helper tal-għażla tagħhom skont is-sigħat approvati mill-Bord tal-Għajuna fid-Dar, u jirċievu sussidju ta’ €5.50 għal kull siegħa ta’ servizz.
Dan is-servizz ġie jiswa €2,052,857 fis-sena 2019 u €2,317,404 fis-sena 2020 u kien hemm 4301 persuni li qed jirċievu dan is-servizz sal-31 ta’ Diċembru 2020.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu sabiex jitjieb is-servizz tal-Meals on Wheels f’dawn l-aħħar sentejn u sad-data li tiġi imwieġba din il-mistoqsija? Kemm jiswa dan is-servizz kull sena u kemm hemm persuni li qed jirċievu dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ttieħdu dawn l-inizzjattivi sabiex jitjieb is-servizz tal-Meals on Wheels f’dawn l-aħħar sentejn:
· Matul dawn l-aħħar sentejn konna f’kuntatt regolari mal-kuntrattur fejn inwasslu l-ilmenti miġjuba mill-anzjani li jużaw is-servizz u hekk dawn jiġu investigati u biex is-servizz jitjieb.
· Tfassal menu li jinbidel kull erba’ (4) xhur biex b’hekk l-ikel ikun varjat.
· Il-kuntrattur impjega skrivana sabiex tiġbor l-għażla tal-anzjani li ma jkunux bagħtu l-folji tal-menu mimlija u wkoll biex tistaqsi x’jippreferu jieklu lil dawk li jkunu se jibdew is-servizz.
· Bi ftehim mal-kuntrattur, żdiedet persuna f’kull rotta biex l-ikel jitqassam aħjar u f’inqas ħin.
· Ħa jibdew it-taħdidiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali dwar fejn jitħalla l-ikel f’każ li l-persuna ma tkunx id-dar.
· Għadha kif ħarġet tender li fih hemm ukoll titjib fl-ikel li se jkun servut.
Dan is-servizz ġie jiswa €380,382.50 fis-sena 2019 u €537,655.00 fis-sena 2020 u sa l-aħħar ta’ Diċembru, 2020, kien hemm 796 persuna li qed jużaw dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali wettqitx moniteraġġ dwar is-servizzi mogħtija lill-anzjani? Jekk iva, meta sar dan il-moniteraġġ u x’rakkomandazzjonijiet saru minn din l-Awtorità biex is-servizzi mogħtija lill-anzjani, jitjiebu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Diċembru tal-2020 l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali għamlet 2172 viżta ta’ moniteraġġ fis-servizzi tal-anzjani. Minn dawn il-viżti l-Awtorità ħarġet 1572 kundizzjoni għal-liċenzjar u rakkomandazzjoniet dwar l-istruttura, il-kwalità tal-kura, l-immaniġġjar tas-servizzi u l-attivitajiet organizzati. Il-provdituri tas-servizz ippreżentaw pjan ta’ azzjoni sabiex jindirizzaw kull nuqqas. Importanti li nsemmu li l-Awtorità rat li kull pjan ta’ azzjoni ġie jew qed jiġi implimentat skont il-każ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ tfal f’riskju ta’ faqar f’pajjiżna skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont statistika dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Ħajja (EU-SILC) ta’ l-2019, l-istima rigward in-numru ta persuni ta’ taħt it-tmintax il sena li huma f riskju ta’ faqar (ARP) hija ta’ 16,857.
B’referenza għar-rapporti li dehru fil-media rigward l-investimenti li se jsiru fil-Port Ħieles, u partikolarment l-investiment ta’ €13-il miljun fis-ship-to-shore, jista’ l-Ministru jgħid meta dan se jkun komplut u jopera mija fil-mija?
Rapport tal-NAO – Dipartiment tal-Kuntratti — nuqqasijiet
Question
Wara li nħareġ ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), jista’ l-Ministru jelenka x’passi ttieħdu mid-Dipartiment tal-Kuntratti u l-entitajiet imsemmija fl-istess rapport għal kull dipartiment jew entità separatament, sabiex in-nuqqasijiet identifikati ma jirrepetux ruħhom fis-snin li ġejjin? Jista’ jgħid kemm huwa t-total ta’ penali jew teħid ta’ garanziji bankarji (separatament għal kull dipartiment jew entità tal-gvern) imposti fuq kuntratturi li jagħmlu xogħlijiet lid-dipartimenti u l-entitajiet kollha tal-Gvern mill-2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija? Għal liema xogħlijiet jew kuntratti ġew imposti dawn il-penali jew meħudin il-garanziji? Kien hemm każijiet fejn il-kuntratturi kkontestaw dawn il-penali/teħid ta’ garanziji? Jekk iva, kemm kien hemm minn dawn il-każijiet? F’kull każ, x’passi ttieħdu jew qed jittieħdu kontra l-kuntratturi konċernati?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Kuntratti jipprovdi diversi sessjonijiet ta’ taħriġ lill-awtoritajiet kontraenti dwar l-akkwisti pubbliċi u r-regolamenti li jridu jiġu osservati sabiex jiġu evitati tali nuqqasijiet. Hemm proposti mid-Dipartiment bl-għan li jissaħħaħ il-moniteraġġ u l-konformità tar-regolamenti permezz tal-espansjoni tas-Sezzjoni tal-Konformità u il-Moniteraġġ.
Il-mistoqsijiet dwar penali u t-teħid ta’ garanziji bankarji għandhom jiġu mistoqsija lill-awtoritajiet kontraenti għaliex kemm il-penali kif ukoll il-garanziji bankarji jinħarġu u jiġu amministrati f’isem u minn dawn tal-aħħar.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13062, tista’ l-Ministru tindika meta sarul-korsijiet ta’ taħriġ għall-impjegati tagħha imsemmija fir-risposta? Kemm kien hemm impjegati li ħadu sehem f’dan it-taħriġ?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul is-sena 2020 Aġenzija Sapport wasslet diveri programmi ta’ taħriġ għall-impjegati tagħha. Dan minkejja r-restrizzjonijiet minħabba l-pandemija, fejn l-Aġenzija addottat sistemi ta’ taħriġ diġitali sabiex tkompli bl-investiment tagħha fl-iżvilupp tal-impjegati.
Il-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija fir-risposta għal mistoqsija parlamentari 13062 ingħataw skont kif spjegat hawn taħt:
Kors ta’ taħriġ
Xahar, 2020
Numru ta’ Support Workers
First Aid Course
Marzu- April
Mejju
Awwissu- Settembru
Novembru
1
2
12
1
Food Handling Course
Mejju - Ġunju
19
Safer Moving and Handling Course
Jannar
Frar
April
Mejju
Ġunju
Ottubru
Novembru
Diċembru
37
38
44
19
29
14
1
1
Crisis Prevention Intervention
Frar
10
Mental Health First Aid
Dan it-taħriġ huwa provdut minn Richmond Foundation. Minħabba l-pandemija, dan it-taħriġ beda jiġi provdut lill-professjonisti biss f’dawn l-aħħar xhur. Meta jerġa’ jibda jingħata wiċċ imb’wiċċ, dan it-taħriġ ser jingħata lis-Support Workers
ukoll
Ħafna mis-
Support Workers
intgħataw dan it-taħriġ is-sena l-oħra, b’hekk għad għandhom ċertifikat validu.
Infection Control
Awwissu
Settembru
117
55
Dementia Training
Marzu- April
22
NAPPI
Jannar
Awissu
Settembru
2
27
16
Persuni b’Diżabilità li huma residenti fl-Isptar Monte Carmeli
Question
Billi hemm 20 persuna b’diżabilità li huma residenti fl-Isptar Monte Carmeli, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se tieħu l-inizjattiva biex dawn il-persuni b’diżabilità jirritornaw lura fil-komunità u mhux jibqgħu jgħixu fi sptar mentali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont il-Konvenzjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti li Malta saret firmatarja tiegħu fl-2006 u rratifikatu fl-2012, persuni li għandhom nuqqas ta’ saħħa mentali għal żmien twil huma meqjusa bħala persuni b’diżabilità.
Għaldaqstant wieħed ma jistax jifhem kif fi Sptar li ċertament jospita fih ferm aktar minn 20 ruħ, l-Onorevoli Interpellant għoġbu jindika biss li 20 pazjent għandhom jiġu ri-integrati fil-komunità u nesa kompletament lir-residenti oħra bħal li kieku għandhom xi ħaġa inqas. Ta’ min wieħed ukoll juri l-insensittività tad-domanda bl-għażla xejn feliċi tal-frażi “sptar mentali”.
Tista’ l-Ministru tindika jekk id-dipartimenti, aġenziji u entitajiet oħra taħt id-dekasteru tagħha humiex kollha fiżikament aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-binjiet tal-Aġenzija Sapport huma kollha aċċessibbli skont l-istandards maħruġa mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Dan jgħodd għar-residenzi, ċentri ta’ matul il-jum kif ukoll uffiċini tal-Aġenzija. Bħala parti mill-proġett INK immexxi mill-Aġenzija, kumpaniji jingħataw ukoll taħriġ dwar kif jistgħu jagħmlu l-post tax-xogħol tagħhom aktar aċċessibbli. L-Aġenzija tenfasizza u tippromwovu wkoll li kumpaniji u entitajiet li jooperaw fil-pubbliku f’Malta u Għawdex, jimxu mal-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità) Kap 413 tal-Liġijiet ta’ Malta sabiex ikun assigurat li persuni b’diżabilità jkollhom aċċess sħiħ fil-komunità.
Ilmenti quddiem l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali
Question
Jista’ d-Deputat Prim u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm ilmenti quddiem il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali matul is-sena l-oħra sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Fuqiex kienu dawn l-ilmenti u jekk dawn l-ilmenti ġewx riżolti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ lmenti li rċieva il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali kienu tnax fl-2019 u sitta fl-2020 sal-10 ta’ Diċembru. L-Uffiċċju tal-Kummissarju jirċievi wkoll medja ta’ bejn tnax u ħmistax il-talba oħra fil-ġimgħa għall-assistenza u/jew informazzjoni, il-maġġor parti tagħhom b’mod telefoniku.
Is-suġġett ta’ dawn l-ilmenti jew talbiet huwa dwar materji koperti mill-Att dwar is-Saħħa Mentali u jinkludi mistoqsijiet dwar kura, ordnijiet ta’ trattament involontarju, ir-rilaxx ta’ pazjenti bi problemi ta’ abbu¿ ta’ droga, id-dħul b’mod involontarju f’istituzzjonijiet ta’ saħħa mentali liċenzjati u r-rwol ta’ għaqdiet volontarji.
Kull ilment/talba tiġi ndirizzata bil-għan li tinstab soluzzjoni
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15581, tista’ l-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-Proġett Vajrita speċjalment meta hemm lista twila ta’ stennija ta’ persuni biex jirċievu s-servizzi tal-Ċentri ta’ Matul il-Jum u tad-Djar Residenzjali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-proġett Vajrita f’Wied il-Għajn jibda meta jitlesta l-proċess ta’ xiri pubbliku. Wara li ġew evalwati s-sottomissjonijiet mit-tieni sejħa, ġie skattat proċess ta’ negozjar skont l-Artiklu 154 tal-Proċeduri tax-Xiri Pubbliku minħabba li dawn is-sottomissjonijiet ma laħqux il-kriterji tas-sejħa. Dan il-proċess ma rnexxiex u għal darba’oħra se jkun hemm sejħa pubblika fl-2021.
Sadattant il-persuni b’diżabilità kollha li kienu qed jirċievu servizz ta’ matul il-jum jew residenzjali mill-kumpless Vajrità qed jingħataw is-servizz meħtieġ minn binjiet oħra u għalhekk ma kienx hemm waqfa fl-għotja tas-servizzi lil dawn il-persuni.