Legislature:
Category:
Reset
Active:

Port ta’ Birżebbuġa – ħut mejjet — investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni li kellha ssir dwar il-ħut mejjet li qed jinstab fil-Port ta' Birżebbuġa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-uffiċjali tad-Direttorat għall-Konformità u l-Infurzar fi ħdan l-ERA investigaw dan l-ilment iżda ma setgħux isibu evidenza ta’ ħut mejjet u allura ma setgħetx issir investigazzjoni dwar l-allegat imwiet.
Leg 13 PQ #8528 Sitting 192 2019-02-04 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għat-Turiżmu

Port Ħieles – fuel lill-vapuri

Question

Jista’ l-Ministru jindika fejn fil-Port Ħieles il-vapuri qegħdin jingħataw il-fuel?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li kif kienet il-prassi minn żmien l-amministrazzjoni ta’ qabel l-2013, il-vapuri li jidħlu l-Port Ħieles jingħataw fuel kemm minn fuq il-mollijiet u kemm minn fuq il-baħar.
Leg 13 PQ #8529 Sitting 192 2019-02-04 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għat-Turiżmu

Port Ħieles – vapuri — fuel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji ta' x'tip ta' fuels qegħdin jużaw il-vapuri waqt li qegħdin fil-Port Ħieles?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li waqt li jkunu fil-port, il-vapuri jużaw Marine Gas Oil skont ir-regoli internazzjonali.

Djar Residenzjali tal-Gvern — ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ ilmenti ta’ kull Dar Residenzjali tal-Gvern f’dawn l-aħħar tliet snin? Fuqiex kienu dawn l-ilmenti u jekk dawn l-ilmenti ġewx indirizzati u x’rakkomandazzjonijiet meħtieġa ngħataw lil dawn id-Djar biex jiġu segwiti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Aġenzija Sappport – benefiċjarji tas-servizzi mogħtija

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6428, jista’ l-Ministru jindika fid-dettal kemm huwa n-numru ta’ benefiċjarji ta’ kull servizz mogħti mill-Aġenzija Sapport u jekk hemmx lista ta’ stennija fuq kull servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej muri ; Servizzi offruti mill-Aġenzija SAPPORT Numru ta’ benefiċjarji (sat-30 ta’ Jannar 2019) Lista ta’ stennija (sat-30 ta’ Jannar 2019) Servizzi ta’ Ħidma Soċjali 720 143 Servizzi fil-Komunità 337 102 Servizz ta’ Sharing Lives (Volontarjat) 51 93 Servizzi ta’ Matul il-Jum 532 120 Servizzi Residenzjali 58 269 Servizz ta’ Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali 83 0 Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, n-numru ta’ benefiċċjarji indikati fit-tabella t’hawn fuq, għal kull servizz, ma jistax jiġi mgħaddud biex jinħareġ total wieħed, hekk kif individwu jista’ jkun qiegħed jibbenefika minn aktar minn servizz wieħed fl-istess ħin.

Bini ta’ bankini skont il-linji gwida tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bankini l-ġodda hux qed jiġu mibnija skont il-linji gwida tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini ta’ bankini jiddependi minn diversi fatturi, fosthom il-wisgħa tat-triq, l-u¿u tal-art mal-ġnub tagħha, speċjalment meta jkun hemm residenzi jew bini ieħor, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li jużaw it-triq. Infrastructure Malta qed taħdem bi sħiħ biex kull fejn huwa teknikament u fiżikament possibbli b’mod sikur, tinkludi faċilitajiet aktar aċċessibbli għal dawk li jivvjaġġġaw bil-mixi jew b’mezzi oħra alternattivi tal-ivvjaġġar. Pereżempju, fil-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq tal-Balal, qed titlesta bankina ġdida li għall-ewwel darba se toħloq aċċess sikur għal dawk li jimxu bejn in-Naxxar u San Ġwann. Fl-istess waqt, dan l-impenn imur lil hinn minn sempliċiment bini ta’ bankini. Fil-fatt, Infrastructure Malta qed tinvesti bi sħiħ fl-introduzzjoni ta’ aktar faċilitajiet tal-mixi aċċessibbli għal kulħadd. Fost oħrajn, se jinbnew aktar minn seba’ pontijiet għall-mixi u r-roti aċċessibbli għal kulħadd, f’toroq arterjali f’diversi lokalitajiet. Fosthom, hemm dawk fi Vjal l-Avjazzjoni, Luqa, fi Triq l-Imdina, ’Ħ’Attard bħala parti minn Central Link Project, fi Triq San Gorg Preca, Blata l-Bajda u oħrajn li se jsiru permezz tal-Marsa Junction Project. Il-pjanti ta’ dawn il-proġetti jitfasslu b’konsultazzjoni sħiħa mal-Kummisjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u entitajiet oħra konċernati. Fl-istess waqt, qed jiġu introdotti wkoll korsiji maqtugħin għalihom mit-triq għar-roti u l-mixi, li jkomplu jħajru aktar persuni jużaw dawn il-mezzi tal-ivvjaġġar. Korsiji ta’ dan it-tip, bħal ma qed isiru fi Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok (taċ-Ċawsli), bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, Triq Ħal Luqa, Santa Luċija, Triq il-Buqana u oħrajn, ikunu wkoll aċċessibbli għal persuni b’diffikultajiet ta’ mobilità. L-itwal korsija ta’ dan it-tip f’Malta se tkun qed issir bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali, bħala parti mis-Central Link Project. Korsija oħra simili se ssir bejn Ħal Luqa u l-Marsa.

Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità – identifikar ta’ bankini qodma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità hijiex tiddentifika dawk il-bankini qodma bi problemi ta’ aċċess biex fejn hu possibbli jiġu indirizzati? Jekk iva, ta’ liema lokalitajiet ġew identifikati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, identifikat 64 triq f'21 lokalità u żewġ żoni industrijali li għandhom bankini li qed joħolqu problemi ta' aċċessibilità. Dawn ġew identifikati kemm permezz ta' rapporti li rċeviet il-Kummissjoni, kif ukoll permezz ta' interventi diretti min-naħa tal-Kummissjoni, bħal surveys li jsiru mill-uffiċċjali tekniċi tagħha. Il-Kummissjoni qiegħda tikkollabora kemm mal-Kunsilli Lokali kif ukoll ma' Infrastructure Malta sabiex ikunu riżolti l-problemi ta' aċċessibilità marbuta mal-bankini. Il-lokalitajiet identifikati huma, il-Belt Valletta, l-Imdina, Ħaż-Żabbar, Ħ’Attard, Ħal-Lija, Birkirkara, l-Fgura, l-Furjana, Ħal Għargħur, il-Ħamrun, Marsaskala, l-Mellieħa, l-Mosta, L-Imsida, n-Naxxar, Tal-Pieta, l-Qrendi, r-Rabat, San Pawl il-Baħar, il-Qawra, Buġibba, Santa Venera, Tas-Sliema, s-Swieqi, Ħal-Far u l-Imrieħel.

Il-Qajjenza – fuels maħżuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' fuels jinħażnu u jiġu mqassma mill-faċilità li għandha l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fil-Qajjenza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-kumpanija msemmija hija awtorizzata biex taħżen Class 3 fuels li għandhom flashpoint ta’ iktar minn 55 grad Celsius.

Kumpanija – ħażna u tqassim ta’ Heavy Fuel Oil

Question

Jista’ l-Ministru jeskludi li fil-faċilità tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jinħażen u jitqassam il-Heavy Fuel Oil?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 8522.
Leg 13 PQ #8383 Sitting 185 2019-01-21 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għat-Turiżmu

Port Ħieles – shore to vessel supply

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8212, jista’ l-Ministru jgħid jekk sakemm Malta Freeport Corporation taġġorna ruħha fuq l-iżviluppi tax-shore to vessel supply u l-istallazzjoni tagħha fil-Port Ħieles, hux jikkunsidra li jwaqqaf l-operat tal-Freeport matul is-sigħat tal-lejl sabiex il-poplu ta' Birżebbuġa jkun jista’ jorqod bil-kwiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru flimkien mal-imsieħba kollha, jinsab impenjat bis-sħiħ sabiex jimminimizza u jekk huwa possibbli jelimina kwalunkwe inkonvenjent li l-operat tal-Port Ħieles jista' jikkawża. Ittieħdu diversi miżuri u qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati diversi miżuri sabiex il-ħsejjes li jistgħu jiġu kkawżati mill-operat tal-Port Ħieles jiġu mnaqqsa, liema miżuri jinkludu: · tnaqqas il-ħoss tas-sistemi tal- alarms mal-krejnijiet li jimxu bir-roti (RTG’s) skont l-istandard EN I20 7731; · ġiet installata s-sistema crane slow down feature s’issa f’65% tal-Quay Cranes biex ma jkunx hemm tisbita finali meta l- container jitniżżel fuq it-trakk; · din is-sena nġabu seba' krejnijiet RTG ġodda li għandhom sistema ta’ white noise biex b’hekk jonqsu l-ħsejjes waqt li jkunu qed jgħabbu jew iħottu l- containers . Tmienja oħra se jiġu installati sa Marzu. Il-50 krejn eżistenti se jiġu retro-fitted biex inaqqsu l-inkonvenjent tal-istorbju; · saru xogħlijiet fuq 107,000sqm ta’ toroq fiż-żona tal-Freeport; · għaddej tibdil ta’ uċuħ tat-toroq li kienet magħmula minn cobbled blocks u li issa qed jingħataw it-tarmak. Inbidlet ukoll art li kienet miksija bil-pjanċi tal-ħadid fejn flokhom ingħata l-konkrit; · Saret konsultazzjoni bejn Transport Malta u l-Malta Freeport Terminal dwar attività ta’ refuelling ta’ vapuri sabiex ma jsirx daqq ta’ ħornijiet mill-vapuri; · Saret konsultazzjoni bejn Transport Malta, Infrastructure Malta u l-Korporazzjoni sabiex is-South Road tingħata t-tarmak. Din it-triq jgħaddu madwar 310 vettura kuljum. Il-Port Ħieles mhuwiex biss mezz li jiffaċċilita t-trasport ta’ prodotti iżda huwa element kruċjali fl-ekonomija Maltija. Huwa biżejjed li jingħad li matul is-sena li għaddiet il-Port Ħieles Malti kien it-tielet l-aktar port attiv fil-Mediterran. Dan magħdud mal-fatt li l-akbar operatur fi ħdan l-istess port, Malta Freeport Terminals Limited jikontribwixxi għal 2.1% tal-ekonomija Maltija u dan mingħajr ma nsemmgħu n-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fl-istess port grazzi għal din l-attività. Il-Gvern se jkompli jaħdem biex jimplimenta x-short, medium u long-term plan biex jitnaqqsu l-ħsejjes ġejjin mill-Port Ħieles. Ta’ min wieħed isemmi ukoll li l-Ministeru qiegħed ifassal proġett għar-riġenerazzjoni ta’ Birżebbuġa.

Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel u Triq San Patrizju — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkomplew ix-xogħlijiet li diġà bdew fuq Triq tal-Ġebel u Triq San Patrizju f'Birżebbuġa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet f’parti minn Triq San Patrizju saru minn entità li taqa’ taħt Ministeru ieħor, b’rabta ma’ sistemi tal-elettriku. Il-kumplament tat-triq mistennija titlesta wara li jsir proġett separat minn entitajiet oħra tal-Gvern, u li se jinvolvi l-bdil u t-tisħiħ ta’ servizzi tad-drenaġġ u tal-ilma taħt il-livell tat-triq. L-ewwel parti ta’ Triq tal-Ġebel, li tgħaddi minn żoni qalb l-għelieqi, inbniet mill-ġdid bħala parti minn proġett ta’ Infrastructure Malta b’fondi tal-Unjoni Ewropea, għat-titjib fit-toroq rurali ta’ Malta. Il-parti l-oħra ta’ Triq il-Ġebel li fiha hemm bini residenzjali, ser tinbena mill-ġdid dalwaqt. Fil-fatt, din it-triq hija fil-lista tal-ewwel 120 mit-toroq li Infrastructure Malta se tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena, bħala parti mill-investiment bla preċedent ta’ €700 miljun tal-Gvern, biex fis-snin li ġejjin intejbu l-kwalità tat-toroq residenzjali ta’ pajjiżna.
Leg 13 PQ #8212 Sitting 182 2019-01-14 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għat-Turiżmu

Port Ħieles – shore to vessel supply

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 8168, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali u ċjoè jekk il-Port Ħieles hux se jistalla x-shore to vessel supply?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat li l-Malta Freeport Corporation qiegħdha taġġorna ruħha fuq żviluppi li jista’ jkun hemm fuq ix-shore to vessel supply permezz tal-MedPorts Association li tagħha hija membru.
Leg 13 PQ #8168 Sitting 181 2018-12-12 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għat-Turiżmu

Port Ħieles – shore to vessel supply

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8087 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, Investimenti u Negozji Żgħar u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jew meta, il-Port Ħieles ser jinstalla x-shore to vessel supply tal-enerġija għal vapuri sabiex tibda tiġi mmitigata l-problema ta’ ħsejjes enormi li qed ikunu ġġenerati minħabba l-ġeneraturi u li minħabba fihom ir-residenti ta’ Birżebbuġa qed ibatu ħafna?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern u l-Ministeru tat-Turiżmu permezz tal-Malta Freeport Corporation u l-ERA, b’mod kostanti baqa’ jagħmel moniteraġġ fuq il-Malta Freeport Terminal. Saru studji u rapporti li minnhom ħareġ x’miżuri trid taddotta l-Malta Freeport Terminals sabiex tiġi mitigata din il-problema. Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf li: · tnaqqas il-ħoss tas-sistemi tal-alarms mal-krejnijiet li jimxu bir-roti (RTG’s) skont l-istandard EN I20 7731; · ġiet installata s-sistema crane slow down feature s’issa f’65% tal-Quay Cranes biex ma jkunx hemm tiżbita finali meta l-container jitniżżel fuq it-trakk; · din is-sena inġabu 7 krejnijiet RTG ġodda li għandhom sistema ta’ white noise biex b’hekk jonqsu l-ħsejjes waqt li jkunu qed jgħabbu jew iħottu l-containers; · saru xogħlijiet fuq 107,000sqm ta’ toroq fiż-żona tal-Freeport; · Għadu għaddej tibdil ta’ uċuħ tat-toroq li kienet magħmula minn cobbled blocks u li issa qed jingħataw it-tarmac. Inbidlet ukoll art li kienet miksija bil-pjanċi tal-ħadid fejn flokhom ingħata l-konkrit; · Saret konsultazzjoni bejn Transport Malta u l-Malta Freeport Terminal dwar attivita ta’ refuelling ta’ vapuri sabiex ma jsirx daqq ta’ ħornijiet mill-vapuri; · Saret konsultazzjoni bejn Transport Malta, Infrastructure Malta u l-Korporazzjoni sabiex is-South Road tingħata t-tarmak. Din it-triq jgħaddu madwar 310 vettura kuljum; · Il-Malta Freeport Terminal kontinwament tagħmel upgrades fl-appart li tuża’ sabiex tnaqqas l-istorbju; · Il-Malta Freeport Terminal intrabtet ukoll li tagħmel tisbieħ tal-ġnien ta’ Birżebbuġa maġenb Triq San Patrizju. Dan ser jieħu inkonsiderazzjoni pjanar biex jitnaqqsu l-ħsejjes iġġenerati mill-Freeport; · l-Awtorita’ tal-Freeport ser tiffinanzja Multi-storey car park li ser ikun għal-użu tar-residenti ta’ Birżebbuġa.

Birżebbuġa — ħut mejjet f'wiċċ il-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li matul ix-Xatt ta’ Birżebbuga qed jintlemaħ ammont sostanzjali ta’ mulett mejjet f’wiċċ il-baħar? Jista' jgħid x’inhu s-sors tal-problema u jekk hux qed isir xi ħaġa biex din il-problema tiġi mistħarrġa u solvuta?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tajt struzzjonijiet lill-ERA sabiex jinvestigaw is-sors tal-problema.

Port Ħieles – shore to vessel supply

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jew meta, il-Port Ħieles ser jinstalla x-shore to vessel supply tal-enerġija għal vapuri sabiex tibda tiġi mmitigata l-problema ta’ ħsejjes enormi li qed ikunu ġġenerati minħabba l-ġeneraturi u li minħabba fihom ir-residenti ta’ Birżebbuġa qed ibatu ħafna?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Marsaxlokk — Bunkering

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7784 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux qed isir jew jekk dan l-aħħar sarx bunkering fil-port ta' Marsaxlokk?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi Bunkering fil-Port ta’ Marsaxlokk, bħal kif jiġri fil-Port il-Kbir, isir b’mod regolari lil dawk il-bastimenti kollha, inkluż dawk lokali, li jsejħu d-diversi terminals u faċilitajiet portwali li jinsabu f’dan il-Port. Bunkering dejjem isir bil-permess tal-Awtorità u b’konformità stretta mal-liġijiet u mar-regolamenti kollha applikabbli kif ukoll mad-direzzjonijiet maħruġa mill-Awtorità u awtoritajiet oħra kompetenti minn żmien għal żmien.

Ċirkwit tal-Karozzi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7779, peress li l-Ministru eskluda li tali ċirkwit se jsir fil-ġnien viċin il-Freeport, jista’ l-Ministru jgħid hux f’pożizzjoni li jeskludi wkoll Ħal Far, bħala sit għaċ-ċirkwit peress li Ħal Far hu wkoll viċin ħafna tar-residenti ta’ Birżebbuġa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li kif diġà ntqal fit-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija parlamentari oħra fuq l-istess suġġett, id-dettalji jistgħu jingħataw meta jitlesta l-proċess li għaddej, inkluż konsultazzjoni, biex ikun identifikat post li fuqu jsiru studji konkreti dwar it-trakka tal-motorsport.

Ċirkwit tal-Karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u fejn hi maħsuba li ser issir iċ-ċirkwit għat-tlielaq tal-karozzi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-awtoritajiet kompetenti jinsabu fi proċess avvanzat li jidentifikaw post li fuqu jsiru studji konkreti dwar it-trakka tal-motorsport. Irid jingħad iżda li s-sit mhuwiex dak li ssemma minn x’uħud minflok il-ġnien ħdejn il-Freeport. Filwaqt li se jimxi dejjem b’mod bilanċjat bla ma jipprova jġelled l-ambjentalisti u r-residenti mal-isportivi, il-Gvern ser ikun qed iħabbar id-dettalji la darba jingħalaq il-proċess imsemmi.

Ċirkwit tal-Karozzi – studju tal-impatt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed isir studju tal-impatt, partikolarment tal-ħsejjes ġenerati mit-tlielaq tal-karozzi fuq l-irħula fil-viċinanzi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-proċess li qed isir bħalissa jinkludi assessjar ta’ numru ta’ oqsma li jinkludi l-impatt tal-ħoss.