Birżebbuġa – Wied il-Buni – xogħlijiet fuq slipway
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta’ slipway f'Wied il-Buni Birżebbuġa li jġib in-numru tal-permess PA 01480/18 sarlux xi tibdil minn dak approvat fl-istess permess?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport, kien hemm xi tibdil fix-xogħol li qed isir fuq l-islipway f'Wied il-Buni f’Birżebbuġa li jġib in-numru tal-permess PA 01480/18.
Jista' d-Deputat Prim Miinistru u Ministru għas-Saħħa jispjega kif minn meta nħareġ l-Avviż Legali 111 tal-2020 dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Vulnerabbli, ħafna persuni li huma separati u li jgħixu mal-ġenituri tagħhom li huma ‘l fuq minn 65 sena u li għaldaqstant jaqgħu fil-kategorija ta’ Persuni Vulnerabbli, spiċċaw ma jistgħux jaraw lill-uliedhom? Jista' jara li dawn is-sitwazzjonijiet jiġu rimedjati peress li fl-Avviż Legali 111 ma hemm xejn rigward persuni li jgħixu ma’ persuni vulnerabbli kif ukoll fuq każijiet bħal dawn imsemmija aktar ‘il fuq? Jista' jara li tinħareġ direzzjoni jekk hux permess li ġenitur separat u li jkun jgħix ma’ persuni meqjusa vulnerabbli jara lill-uliedu waqt il-ħin tal-aċċess tagħhom u dan peress li issa hemm ġenituri li ilhom aktar minn xahrejn ma jaraw u jkollhom aċċess għal uliedhom minuri?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop tal-Avviż Legali 111 huwa l-protezzjoni għal nies vulnerabbli u r-rakkomandazzjonijiet mill-Awtorità tas-Saħħa huma sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun kuntatt ma’ nies oħra. Tibdil fil-miżuri mħabbra isir skont pjan komprensiv u skont l-evidenza medika.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika r-rakkomandazzjonijiet li ġew elenkati mill-Bord tad-Diretturi għas-Saħħa Mentali fis-snin 2018 u 2019 u jekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġewx indirizzati?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bord tad-Diretturi għas-Saħħa Mentali ta rakomandazzjonijiet dwar id-disinn tal-isptar Psikjatriku Ġdid, il-ħtieġa ta’ iktar koperazzjoni bejn diversi Ministeri u dipartimenti, l-istrateġija tas-saħħa mentali u l-prijoriżazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija għas-saħħa mentali.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’benefiċċji hemm indikati għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali skont l-aħħar Baġit?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar Budget ġie ndikat li ser inkomplu nwettqu tiġdid fl-isptar Monte Karmeli fejn filfatt dan ix-xogħol jinsab għaddej b’ritmu tajjeb. Kif ukoll se jkomplu l-pjanijiet tal-bini ta’ sptar ġdid għal kura akuta psikjatrika. Dan ukoll waqt li nagħtu enfasi fuq kura għas-saħħa Mentali fil-komunita’ fejn huwa mifhum li n-nuqqas ta’ saħħa mentali ser tkun waħda mill-ikbar sfidi ewlenin u din ser inkunu qed nindirizzawha b’aktar servizzi mifruxa fil-komunita’.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jirċievu s-servizz tal-Home Help? Kemm hemm anzjani li għadhom jistennew biex jirċievu dan is-servizz? Hemm xi postijiet vakanti sabiex persuni jkunu jistgħu japplikaw biex jagħmlu dan is-servizz tant importanti għall-anzjani?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ anzjani li qed jibbenefikaw mis-servizz tal-Home Help huwa ta’ 3945. In-numru ta’ anzjani li għadhom qed jistennew biex jirċievu dan is-servizz huwa ta’ 158.
Minħabba is-sitwazzjoni tal-Covid-19 is-servizz tal-Home Help temporanjament jinsab wieqaf, iżda minflok qed jiġi pprovdut servizz ta’ emerġenza, xiri u ġbir ta’ mediċini lil klijenti kollha tal-Home Help, inklużi dawk li qed jistennew is-servizz. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, permezz tal-
Helpline
qed jinqdew ukoll anzjani li mhumiex klijenti tas-Servizz tal-Home Help.
Is-servizz tal-Home Help jingħata permezz ta’ ħaddiema ngaġġati mill-kuntrattur b’hekk l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandiex postijiet vakanti maħruġa direttament f’isimha biex jingħata dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid meta twaqqfet l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati u x’inizjattivi ħadet minn mindu twaqqfet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Qabel it-twaqqif tal-Aġenzija, il-kumpanija ta' accountants pubbliċi ċċertifikati, Grant Thornton, kienet ingaġġata biex tipprepara rapport komprensiv u Business Plan relattiv għall-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati.
L-għan ta' dan ir-rapport kien sabiex jipprovdi dan li ġej:
· Analiżi tal-istruttura organizzazzjonali b'enfasi fuq ir-rekwiżiti amministrattivi tal-Aġenzija
· Evalwazzjoni tar-riżorsi umani meħtieġa
· Evalwazzjoni bbażata fuq ir-rekwiżiti loġistiċi u infrastrutturali
· Evalwazzjoni tal-flussi ta' dħul u ta'ħruġ mistennija fuq perjodu ta' tliet snin li jinkludi analiżi finanzjarja li permezz tagħha l-livell ta' finanzjar mistenni tal-Aġenzija jkun jista' jiġi determinat
Ir-rapport iddeskriva n-neċessità li l-Aġenzija tkun mgħammra b'software modern rigward il-ġestjoni finanzjarja u r-ri¿orsi umani. Sabiex jintlaħaq dan ir-rekwiżit, l-Aġenzija ppublikat sejħa għall-offerti għal 'Provision of an Accounting and Payroll Software Solution' bil-għan li takkwista 'accounting and payroll software solution' inkluż taħriġ, manutenzjoni u sapport.
Bħala parti mill-eżerċizzju ta' 'branding' tal-Aġenzija l-ġdida, sejħa għall-offerti dwar uniformijiet ġodda għall-marixxalli tal-qorti u xufiera ġiet ippublikata sabiex jiġu akkwistati tali uniformijiet.
Inizjattivi oħra huma kif ġej:
· Twaqqif ta'
'remote witness facility'
għal persuni vulnerabbli li tista' tiġi aċċessata minn barra il-qorti.
· Installazzjoni ta' sistema ġdida ta' CCTV, proġett li għadu għaddej
Fi rigward tal-COVID-19 ittieħdu diversi miżuri, fosthom l-installazzjoni ta' partitions tal-ħġieġ fir-reġistri kollha tal-qorti u f'żoni oħra, u l-installazzjoni ta' tagħmir relatat mas-sanitizzar tal-idejn fl-awli kollha tal-qorti u f'żoni pubbliċi ġewwa l-qorti. Xogħlijiet ta' installazzjoni ta' partiitions tal-perspex fl-awli kollha tal-qorti ġew ukoll mibdija.
L-Agenzija għaddejja ukoll b’negozjati dwar iffirmar ta’ l-ewwel ftehim kollettiv mal Unions li jirrapreżentaw il ħaddiema tal- Agenżija.
Pjan Nazzjonali dwar il-kontroll tat-tniġġis tal-arja
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk il-Gvern għandux Pjan Nazzjonali dwar il-kontrol tat-tniġġis tal-arja?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għandu Pjan Nazzjonali dwar il-kontroll tat-tniġġis tal-arja li huwa disponibbli fuq il-website tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12014, jista’ l-Ministru issa jagħtina risposta dwar kemm u meta ser jigu installati speed cameras fit-toroq prinċipali ta’ Marsaskala?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tiġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Billi hemm iffullar fiċ-ċelel tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li tinbena binja ġdida sabiex tiġi solvuta l-problema tal-iffullar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jistudja kull soluzzjoni possibli.
Marsaskala – barranin li huma residenti mressqa fuq reati kriminal
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13216 u jgħid kemm tressqu l-Qorti barranin li huma residenti f'Marsaskala fuq reati kriminali, matul l-2019? Jista’ jgħid x'kienet in-nazzjonalità f'kull każ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ barranin li huma residenti f'Marsascala u li tressqu l-Qorti fuq reati kriminali, matul l-2019 kien ta’ ħamsa u għoxrin (25). In-nazzjonalità tagħhom kienet kif jidher hawn taħt:
Numru ta’ każi
Nazzjonalità
6
Sirjani
5
Taljani
4
Somali
2
Brittaniċi
2
Serbi
1
Iraqqini
1
Slovakki
1
Rumeni
1
Vjetnamiżi
1
Ċeki
1
Russi
Total: 25
Birżebbuġa – Triq il-Bżulija – xogħlijiet li baqgħu għaddejjin sa tard bil-lejl
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li xogħol fi Triq il-Bżulija Birżebbuġa, baqa’ għaddej sa tard billejl ta’ nhar il-Ġimgha 17 ta' April 2020, b’inkonvenjent għar-residenti? Jista’ jikkonferma li l-kuntrattur baqa’ jaħdem tard billejl bil-permess tal-awtoritajiet kompetenti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Is-sena li għaddiet Infrastructure Malta bniet mill-ġdid aktar minn 130 triq residenzjali f’għadd ta’ lokalitajiet differenti. Waqt li eluf ta’ familji li joqogħdu f’dawn il-130 triq diġà qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom, bħalissa għaddejin xogħlijiet f’ħafna toroq residenzjali oħra. Uħud minnhom dalwaqt ikunu lesti. Hemm ikkuntrattati wkoll il-bini mill-ġdid ta’ 150 triq oħra għax-xhur li ġejjin.
It-triq indikata hija fost it-toroq residenzjali f’Birżebbuġa li Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid bħala parti minn dan il-programm ta’ ħidma. Fi Triq il-Bżulija, il-kuntratturi qed jibnu t-triq b’infrastruttura ġdida, inkluż servizzi taħt l-art, bankini u faċilitajiet oħra għar-residenti u għal dawk li jivvjaġġaw minnha. Filwaqt li normalment ix-xogħol f’din it-triq isir fil-ħinijiet ta’ matul il-ġurnata, fid-data indikata, il-kuntratturi konċernati talbu lil Infrastructure Malta sabiex ikomplu għaddejjin ftit aktar tard ħalli jlestu xogħol li kieku tħalla mhux komplut seta’ joħloq aktar inkonvenjenti u riskji t’aċċidenti lir-residenti u persuni oħra fl-inħawi. B’hekk ġew evitati aktar diffikultajiet lir-residenti tal-inħawi.
Din il-ħidma ta’ titjib fit-toroq tagħna se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu priġunieri fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin matul l-2019 u fuq liema reati ġew ammessi f’dan il-post?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2019, in-numru ta’ priġunieri li daħlu fil-Faċilità kien dak ta’ 966 persuna. Ir-reati kienu skont it-tabella li qiegħda titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fis-snin 2017, 2018 u s-sena l-oħra li nqatgħu mir-reġistru tal-qgħad minħabba li:
(a) rrifjutaw impjieg jew taħriġ; u
(b) nqabdu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta` persuni li nqatgħu mir-reġistru tal-qgħad fis-snin 2017, 2018 u 2019, minħabba li rrifjutaw impjieg jew taħriġ jew inqabdu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw, huwa kif muri fit-tabella hawn taħt:
RAĠUNI LI NQATGĦU MIR-REĠISTRU TAL-QGĦADNUMRU TA` PERSUNI
201720182019
Irrifjutaw impjieg804689623
Irrifjutaw taħriġ32314694
Inqabdu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw461818
TOTAL1,173853735
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22525 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm familji li qed jiġu preżentament megħjuna mill-Mentors f’kull Ċentru ta’ Riżorsi u jekk dawn il-familji/individwi għandhomx pjan ta’ kura dwar kif jistgħu jiġu megħjuna mill-Programm LEAP? Jekk iva, kopja ta’ din il-pjan ta’ kura qiegħda tingħata lil dawn il-familji?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nibda billi ngħarraf lill-Onor Interpellant li ċ-Ċentri li qed jirreferi għalihom ma jaqgħux taħt l-Aġenzija Appoġġ imma taħt l-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Kommunità (ACTS – Agency for Community and Therapeutic Services).
Fil-preżent n-numru ta’ familji, jew individwi li qed jiġu mgħejjuna mill-mentors f’kull Ċentru tal-Familja fil-Komunità tal-ACTS huwa kif indikat hawn taħt:
Ċentru tal-Familja fil-Komunita’, l-Qawra 20
Ċentru tal-Familja fil-Komunita’, l-Imsida 40
Ċentru tal-Familja fil-Komunita’, l-Belt Valletta 14
Ċentru tal-Familja fil-Komunita’, Ħal-Qormi 26
Ċentru tal-Familja fil-Komunita’, l-Birgu 32
Ċentru tal-Familja fil-Komunita’, Sta Luċija 14
Ċentru tal-Familja fil-Komunita’, Ħal-Kirkop 49
Ċentru tal-Familja fil-Komunita’, Marsaskala 33
Total: 228 individwu
Kull persuna li tingħata is-servizz ta’ mentoring isirilha pjan ta’ kura. Dan il-pjan jsir bi qbil bejn il-klijent u l-professjonisti, u jitfassal wara li jsir assesjar mibni fuq 8 aspetti importanti li jinkludu:
1. Sanita’ Emozzjonali (Emotional Health),
2. Trobbija tal-Ulied u Żvilupp,
3. Relazzjonijiet
4. Support Soċjali,
5. Għarfien Finanzjarju u Stabbiltà,
6. Motivazzjoni għax-Xogħol u
7. għall-Istudju Matul il-Ħajja,
8. Akkomodazjoni u Stabbiltà fid-Dar.
L-assesjar iservi wkoll biex jidentifika liema’ professjonisti l-aħjar li jaħdmu mal-familja jew l-individwu.
Il-mentors jaħdmu fuq 4 aspetti prinċipali li jgħinu lil familji u individwi permezz ta’:
(1) għarfien ta’ kif jieħdu ħsieb flushom u jakkwistaw stabilta’ fid-dħul tagħħom,
(2) entużjażmu u ħeġġa lejn ix-xogħol u lejn studju matul il-Ħajja,
(3) ħiliet li jwasslu għall-akkomodazjoni u stabbiltà fid-dar u
(4) trawwim ta’ ħiliet fit-trobbjia tal-ulied, billi jiġu mħajjra jattendu għal wieħed mill-programmi ta’ trobbija li għandha Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali.
Il-pjan ta’ kura jkun iffirmat mill-klijent u l-professjonisti, u jkun marbut b’data ta’ tlestija.
Kopja tal-pjan tingħata lil klijent.
Fiċ-cirkustanzi preżenti, minħabba l-imxija tal-Covid-19, is-servizz tal-mentoring qed isir biss f’każ li hemm mezz diġitali minn naħa tal-klijent li fuqu jista’ jintbgħat u jiġi kkomunikat il-pjan.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13443 billi n-numru ta’ separazzjonijiet f'pajjiżna jlaħħaq madwar tliet każijiet kuljum, jista’ l-Ministru jgħid kemm koppji għamlu użu mis-servizz ta' Terapija tal-Familja u mill-korsijiet tal-Co-Parenting f'dawn l-aħħar tliet snin?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-Servizz ta’ Psikoloġija fi ħdan l-Aġenzija Sedqa irċieva 90 talba mingħand koppji u familji li xtaqu jirċievu għajnuna terapewtika bejn l-2017 u Marzu 2020. Bħalissa is-servizz qed isegwi madwar 120 koppja u familji li għamlu kuntatt mas-servizz imsemmi; liema każijiet qed jigu segwiti b’mod regolari mill-professjonisti li jagħtu servizz ta’ terapija tal-familja.
Bejn l-2017 u April 2020, 228 ġenitur li kienu għaddejin jew għaddew minn separazzjoni għamlu kuntatt mas-Servizz li wkoll joffri Programm għal Ġenituri li jkunu għaddejien minn Separazzjoni (Parenting When Separated). Minn dawn, 130 persuna temmew il-kors b’suċċess u hemm 42 persuna oħra li qed jistennew biex jibdew il-kors. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 2 korsijiet maħsuba li jibdew qabel ma faqqat il-pandemija ttal-COVID-19. Bħalissa qed isir dak kollu possibli biex noffru s-servizz lil dawn il-klijenti wkoll.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — konsulenza, ħatra jew ingaġġ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kwalunkwe konsulenza, ħatra jew ingaġġ li ħa l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bejn April 2013 u Diċembru 2019?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament ma ta jew ħa ebda konsulenza, ħatra jew ingaġġ f’ebda dipartiment jew entità fid-dekasteru tiegħi.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont jekk huwa jew is-Segretarju Parlamentari kellmu lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) fuq allegazzjonijiet serji li għamel il-Gvernatur li jpoġġi fuq l-istess Bord tal-MFSA? X’passi ħadu dwar dan fil-konkret?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta hija entità awtonoma u kwalunkwe deċiżjoni tittieħed mill-bord tal-gvernaturi. Fil-fatt, il-liġi li tistabbilixxi lill-Awtorità tipprovdi inter alia li “l-Awtorità għandha taġixxi b’mod indipendenti u m’għandhiex titlob jew tieħu istruzzjonijiet minn xi korp ieħor jew persuna oħra”.
Fl-istess waqt bħalissa hemm għaddejjin proċeduri quddiem il-Qrati u għalhekk huwa prudenti li l-ġustizzja titħalla ssir u kull deċiżjoni tittieħed wara l-eżitu tad-deċiżjoni tal-Qrati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġitx credit card lis-Segretarju Parlamentari mill-Ministru?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba għall-credit card f’isem is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali saret fit-22 ta’ Jannar, 2020 u l-ittra tal-awtorizzazzjonji nħarġet fl-24 ta’ Jannar, 2020 skont il-proċess stabbilit.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Konsulenza, Ħatra jew Ingaġġ ta' Individwu
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13302 u jagħti rendikont ta’ kwalunkwe konsulenza, ħatra jew ingaġġ li ħa l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bejn April 2013 u Diċembru 2019?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li l-individwu li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament, kien inħatar fil-pożizzjoni ta’ Project Manager (Equal) għall-Proġett Equal: A Gender-Sensitive Parliament: Advancing Women’s Engagement in Maltese Political Structures, fl-Uffiċċju tas-Segretarjat Permanent (Servizzi Finanzjarji u Identita’) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, b’effett mill-15 t’ April 2019, fuq assignment ta’ erbgħa u għoxrin (24) xahar. Huwa kien irriżenja min din il-pożizzjoni fit- 23 ta’ Lulju 2019.
Marsascala — Barranin li huma residenti mressqa fuq reati kriminali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13216 u jgħid kemm tressqu l-Qorti barranin li huma residenti f'Marsascala fuq reati kriminali, matul l-2019? Jista’ jgħid x'kienet in-nazzjonalità f'kull każ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ barranin li huma residenti f'Marsascala u li tressqu l-Qorti fuq reati kriminali, matul l-2019 kien ta’ ħamsa u għoxrin (25). In-nazzjonalità tagħhom kienet kif jidher hawn taħt:
Numru ta’ każi
Nazzjonalità
6
Sirjani
5
Taljani
4
Somali
2
Brittaniċi
2
Serbi
1
Iraqqini
1
Slovakki
1
Rumeni
1
Vjetnamiżi
1
Ċeki
1
Russi
Total: 25