Jista' l-Ministru jiddikjara jekk kienx hemm tibdil f’xi policy jew regolamenti dwar id-deductible expenses għal fini ta' taxxa tas-self employed? Jekk le, jista' jispjega għaliex spejjeż tat-telefon u tal-internet li huma direttament użati fin-negozju mhux qed jitħallew jiġu mnaqsa kompletament mit-Tax Compliance Unit peress li dan ifisser li r-rata ta’ taxxa effettiva qed tkun ta’ aktar min 35% fuq il-qliegħ?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tghid x'tip ta' merchandising sar għall-kanzunetta rebbieħa tal-Maltasong biex jintuża fir-run-up għall-Eurovision Song Contest u fl-istess contest? Tista' tgħid kemm tqassam minn dan il-merchandising? Tista' tgħid kemma baqa' minn dan il-merchandising?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-merchandising kien jikkonsisti f’T-shirts, CDs, Data Cds, postcards u posters. Tqassmu 700 T-Shirt, 1000 CD, 1500 Data Cd, 700 postcard u 50 poster.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed jiġi nvestigat il-każ fejn fl-evening course tal-accounts 'A' Level kien hemm għalliema li m'attendietx għal bosta lezzjonijiet u allura l-istudenti tilfu ħafna mill-kors u meta l-istudenti marru d-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jirrapportaw dak li ġara, sabu li l-attendance sheet tagħhom kien immarkat li attendew għal lezzjonijiet li lanqas biss kienu saru? Jekk ġie investigat il-każ, tista' l-Ministru tgħid x'passi ttieħdu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Malli l-istudenti ġibdu l-attenzjoni tad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja dwar l-assenza ta’ l-għalliema tal-Accounts ‘A’ Level ittieħdu dawn il-passi:
(a) il-Kordinatur taċ-Ċentru tal-Blata l-Bajda ingħata struzzjonijiet biex jissorvelja mill-qrib l-attendenza jew in-nuqqas tal-attendenza tal-għalliema.
(b) Saru sforzi biex jinstab għalliem ieħor imma ma nstabx.
(c) Saret laqgħa mal-istudenti nvoluti fejn ġie aċċertat li l-firem ta’ l-
attendance sheet
huwiex tagħhom jew le. L-istudenti kkonfermaw li ħafna mill-firem li saru matul ix-xahar ta’ Marzu ma kienux tagħhom.
(d) L-għalliema intalbet tirritorna ċ-ċekk ta’ ħlas li rċeviet għall-lezzjonijiet li suppost saru matul ix-xahar ta’ Marzu. L-għalliema ħallset lura l-pagament li sar lilha permezz ta’ ċekk personali.
(e) Meta l-għalliema ppreżentat il-karta għal ħlas ta’ lezzjonijiet li suppost saru matul il-xahar t’April, il-Kordinatur irrifjuta li jaċċetta din il-formola fuq struzzjonijiet tad-Direttur. Dan minħabba li d-Direttorat kien infurmat mill-istess studenti li l-għalliema ma għamlet ebda lezzjoni matul ix-xahar t’April.
(f) L-għalliema qegħda tiġi ‘
black listed
’ milli fil-futur tkompli tati lezzjonijiet lill-adulti.
Minħabba l-iskomdu li għaddew minnu l-istudenti meta fl-aħħar xahrejn tal-kors qabel l-eżami sfaw bla lezzjoniiet, u minħabba li bis-saħħa tagħhom twaqqaf abbuż, id-Direttorat offra lil dawn l-istudenti li bħala kumpens, huma jistgħu jattendu kors ieħor għall-adulti mingħajr ħlas matul is-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16767 u jgħid għala ma bediex ix-xogħol li suppost beda għal tmiem is-sena l-oħra fi Triq il-Labour Ħaż-Żabbar? Jista' jgħid meta se jibda?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Triq il-Labour f’Ħaż-Żabbar hija nkluża bħala waħda mid-
diversion routes
waqt il-kostruzzjoni tat-toroq li se jwasslu għal
Smart City Malta
. Ix-xogħol f’din it-triq huwa nkluż f’wieħed miż-żewġ
tenders
li nħarġu u bħalissa qed jiġu aġġudikati.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont dovut, fil-15 ta' April 2010, lill-esperti mqabbda mill-qorti kriminali f'Għawdex? Kemm imur lura l-aktar ħlas antik dovut? Għaliex dawk l-esperti mqabbda mill-qrati kriminali f'Malta, huma bejn wieħed u ieħor up to date fil-ħlas b'differenza għal dak li jiġri f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li sal-15 t'April 2010, l-ammont dovut kien ta' €43,170.95. L-aktar pagament antik hu tas-sena 2008.
Il-Ministeru għal Għawdex qed jistħarreġ kif jista' jitħallas l-ammont dovut.
B'referenza għal diskors li l-Prim Ministru għamel fil-pubbliku, jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jibdew id-diskussjonijiet rigward il-liġi fejn jidħlu każijiet ta' abbużi sesswali fuq tfal? Jista' jgħid jekk hux pjanat li jiġi diskuss il-mandatory reporting ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern qiegħed iħejji Abbozz ta’ Liġi dwar ir-reġistru ta’ reati serji fejn il-punt ta’ rappurtaġġ mandatorju qiegħed jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm impjegati tal-gvern li tressqu l-Qorti huma sospiżi mix-xogħol fuq nofs paga? Kemm minnhom huma membri tal-korp tal-pulizija? Kemm tmur lura l-eqdem sospensjoni li għadha fis-seħħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 44 uffiċjal pubbliku li huma sospiżi minħabba proċeduri kriminali u li jinsabu fuq nofs paga. Minn dawn hemm 11-il membru tal-Korp tal-Pulizija li bħalissa jinsabu sospiżi mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga tagħhom.
L-aktar sospensjoni li ilha fis-seħħ tmur lura sal-1997.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16411, nixtieq ninforma lill-Ministru li l-mistoqsija kienet fuq każijiet li bdew jinstemgħu u għadhom ma nqatgħux għax is-smiegħ kien diferit bosta drabi. Jista' l-Ministru jwieġeb f'dan is-sens?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mir-records kompjuterizzati li bdew jinżammu minn Mejju 2000 jirriżulta illi hemm pendenti is-segwenti kumpilazzjonijiet li ilhom aktar minn ħames snin li bdew jinstemgħu:-
Infurmat ukoll illi l-informazzjoni addizzjonali li ntalbet ma tinżammx taħt forma ta' statistika, però fin-normal il-kawżi jiġu differiti minħabba diversi raġunijiet fosthom nuqqas ta' dehra tal-imputat, indisposizzjoni tal-ġudikant/uffiċċjal prosekutur/difensur jew xhud, proroga jew raġunijiet diversi oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet pendenti l-qorti kriminali li ilhom aktar minn ħames snin li bdew jinstemgħu? Jista' jgħid sena b'sena, kull każ, x'inhi l-akkuża? Jista' jgħid każ, b'każ kemm-il darba kien diferit is-smiegħ? Jista' jagħti r-raġuni f'kull każ għalfejn is-smiegħ ġie diferit?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi quddiem il-Qorti Kriminali hemm erba’ (4) atti t’akkuża li ilhom aktar minn ħames snin jistennew li jibda il-ġuri tagħhom. Dawn l-erba’ kawzi għadhom in-numru tal-Att t’Akkuza: 7/02, 21/03, 28/03 u 1/05.
Att ta’ Akkuza 7/02: L-akkuża f’dan il-każ hija ta’ Traffikar ta’ droga u jrid jinstema’ wara li jiġi deċiż definitivament l-att ta’ akkuża numru 1/2005 li ukoll għadu pendenti.
Att ta’ Akkuzż 21/03: l-Akkuża f’dan il-każ hija omiċidju volontarju u dan il-ġuri dam ma ġiex appuntat għaliex l-ewwel kellu jinstema’ l-ġuri tal-ko-akkużat peress li kien hemm separazzjoni tal-ġudizzju. Dan il-ġuri issa jinsab appuntat għal Ġunju 2010.
Att ta’ Akkuża 28/03: L-akkuża f’dan il-każ hija ta’ Traffikar ta’ Droga u dan il-ġuri dam ma ġie appuntat għax kien qed jistenna l-eżitu ta’ kawża oħra li issa ġiet deċiża reċentement. Dan il-ġuri issa jinsab appuntat għal Ottubru, 2010
Att ta’ Akkuża 1/05: L-akkuża f’dan il-każ hija ta’ Traffikar ta’ droga u dan il-ġuri qed jistenna li jiġi deċiż definittivamennt l-att ta’ Akkuża 28/03 li huwa appuntat għal Ottubru, 2010.
Fil-Qorti Kriminali il-proċedura hija li wara li jiġi ppreżentat Att ta’ Akkuża u l-istess jiġi notifikat lill-akkużat, l-akkużat jista’ jippreżenta nota ta’ eċċezzjonijiet. Il-Qorti tappuntat l-kawża biex jiġu trattati u deċiżi l-eċċezzjonijiet u jekk ma jsirx appell minn tali deċizjoni, il-ġuri jingħata data meta jsir. Il-ġuri meta jibda, jibqa' għaddej sakemm ikun deċiż finalment u għalhekk ma jkunx hemm differimenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġej jiswa l-bdil tas-saqaf tat-tinda li hemm fil-Marsa Power Station? La l-gvern dejjem jgħid li din il-
power station
"se tagħlaq" għalfejn ġie deċiż issa li jinbidel dan is-saqaf?
Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa l-apparat il-ġdid li ġie stallat fil-
control room
?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tibdil tas-saqaf tat-turbine hall tal-Marsa se jiswa €261,931. Dan kien bżonnjuż ħafna li jinbidel għax kien qed ikun ta’ periklu sew għall-ħaddiema u anke għat-turbini. L-impjant irid jibqa jiġi miżmum sal-aħħar ġurnata. Ir-refurbishment tal-control system u t-tibdil tat-33kV switchgear wara l-cathastrophic failure fl-2000 ġie jiswa madwar €6,219,923 u ġew implimentati bejn l-2004 u l-2005. L-apparat il-ġdid li ġie stallat fil-control room ġie jiswa madwar €100,000.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15139 u jgħid meta se ssir Triq il-Kaħwiela, Haż-Żabbar peress li din t-triq għadha qatt ma saret u r-residenti li ilhom joqogħdu hemm għal ħafna snin qed ibatu minn ħafna inkonvenjent, speċjalment dawk relatati mas-saħħa, bħal per eżempju l-biċċa l-kbira tat-tfal li joqogħdu f'din it-triq ibatu mill-ażma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-triq tagħmel parti mil-lista ta’ toroq li Transport Malta ħa tibni mill-ġdid matul is-sena 2010.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir Triq il-Kaħwiela, Haż-Żabbar peress li din t-triq għadha qatt ma saret u r-residenti li ilhom joqogħdu hemm għal ħafna snin qed ibatu minn ħafna inkonvenjent, speċjalment dawk relatati mas-saħħa, bħal per eżempju l-biċċa l-kbira tat-tfal li joqogħdu f'din it-triq ibatu mill-ażma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għat-twegiba għal mistoqsija parlamentari 13735, jista l-Ministru jirrispondi dawn il-mistoqsijiet li ġejjin: Min kienu l-membri tal-Bord u xi grad għandhom? Xi kwalifiki kellhom kull membri tal-Bord ta' l-Ghażla biex jeżaminaw persuna għal din il-kariga, jiġifieri kwalifiki fis-settur tal-farmaceutici indikati għal użu uman? B’liema mod id-Direttur Generali tac-CCD kienet tissodisfa r-rekwiziti proċedurali neċessarji kollha? Jista’ l-Ministru jispeċifika u jgħid kif kienet Chairperson tal-Bord tal-Għażla il-persuna li kienet superjura u kollega tiegħu, u kif eventwalment intgħażlet din il-persuna?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uffiċjali li ġew appuntati sabiex joqogħdu fuq il-Bord tal-Għażla inkwistjoni kienu Direttur (Kompetizzjoni) u Direttur (Infurzar) fi ħdan id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u Direttur (Turiżmu u Servizzi Korporattivi). Kull membru tal-Bord tal-Għażla kellhom il-kwalifiċi u l-attributi kollha neċessarji sabiex joqogħdu fuq dan il-Bord tal-Għażla u l-ħatra tagħhom kienet approvata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku skont il-proċeduri stabbiliti fi proċessi bħal dawn. Dwar ic-Chairperson ta’ dan il-Bord tal-Għażla nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li diġa tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 13735.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk hux minnu li l-Assistent Direttur li, fil-prezent jidher li hu responsabbli għad-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan ic-CCD se jiġi jew diġà ġie trasferit, jew b'xi mod ieħor se jmur jaħdem jew diġà mar jaħdem ma' dipartiment jew direttorat ieħor? Fil-prezent, dan l-istess uffiċjal taħt liema payroll jaqa' ? Waqt il-ħinijiet tax-xogħol f'liema Dipartiment jew Direttorat qiegħed ikun? Il-Ministru jaf li d-Direttur li kien responsabbli għal dan id-Direttorat huwa l-Assistent Personali tiegħu u ilu jokkupa din il-kariga għal mill-inqas sena u nofs jew aktar, u proprju għalhekk id-Direttorat tal-Infurzar ilu bla direttur għal dan iż-żmien twil? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux post vakanti jew le? Dan l-uffiċjal għadu jgawdi minn nomenklatura ta' Direttur jew m'għadux? Jaħseb li hu ta' benefiċċju għal xi ħadd li dan id-Direttorat sensittiv tħalla mingħajr Direttur? Jekk ma jaħsibx hekk għaliex, fil-fatt, tħalla mingħajr Direttur? X'kienet ir-raġuni li dan id-Direttur jew eks Direttur li preżentement qed jagħmilha ta’ Assistent Personali tiegħu telaq mill-imsemmija kariga?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14285.
Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili — informazzjoni fuq ajruplani
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13531 u ċioe: B'riferenza għall-mistosija parlamentari 12076 u it-tweġibiet mogħtija mill-Ministru jista' l-Ministru jelenka x'kienu preċiż il-problemi hekk imsejħin ta' natura "teknika u ammistrattiva"? Min kien responsabbli minnhom dawn il-problemi u jipprezenta kopja ta' kwalsijasi dokument maħruġ mid-dipartiment lill-propjetarju ta' ajruplan 9H-UMW fejn fiha dan ta' l-aħħar ġie infurmat b'dawn il-problemi? Jista' jinforma b'liema obligazzjoni legali, direttiva jew ordinanza d-Direttur ta' l-Avjazzjoni Ċivili ta' Malta uża li tobbliga lill-propjetarju ta' l-imsemmi ajruplan li biex jinħariġlu permit to fly permanenti irid bilfors jibbaża l-ajruplan tiegħu f'Malta? Peress li jirrizultali li fil-23 t'Ottubru 2009 id-Direttur Generali informa permezz ta' telefonata lis-Segretarju ta' l-Aero Club Malta li l-ispezzjoni ta' l-ajruplan 9H-UMW kellha issir mill-Airworthiness Manager nhar it-Tnejn 26 t'Ottubru 2009 fid-9.00am; u peress li meta il-propjetarju u rapprezentant ta' l-Aero Club Malta marru jiltaqgħu mal-Airworthiness Manager dan irrifjuta mingħajr raġuni li jispezzjona l-ajruplan kif kien ordna id-Direttur Generali, jista' jgħid jekk ittieħdux jew hux se jittieħdu passi għal dan l-aġir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-problemi li qed tirreferi għalihom l-Onor Interpellant kienu ta’ natura ta’ volum qawwi ta’ xogħol ta’ natura urġenti li kellu quddiemu l-Airworthiness Inspector tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili. Barra minn hekk wieħed irid iqis ukoll il-fatt li l-ajruplan in kwestjoni kien wieħed totalment ġdid li bħalu ma kienx hawn Malta u li allura dan kien jikkumplika xi ftit il-proċess ta’ ħruġ ta’ Permit to Fly. Fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbiltà ta’ dawn il-problemi kienet tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili li huwa fdat bir-responsabiltajiet ta’ dan it-tip.
Jien infurmat li ma nħareġ l-ebda dokument mid-dipartiment lill-propjetarju tal-ajruplan 9H-UMW fejn dan kien infurmat bil-problemi għalkemm il-propjetarju kien infurmat b’telefonata. Jien infurmat ukoll li l-
Permit to Fly
mhux ċertifikat li jaqa’ taħt ir-rekwiżiti tal-Internationl Civil Aviation Organisation iżda huwa wieħed li japplika biss għal skopijiet ta’ titjiriet lokali fit-territorju ta’ Malta. F’dan il-kuntest id-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili jista’ jinsisti għal dawk il-kundizzjonijiet li huwa jkun jidhirlu xierqa sabiex tkun assigurata is-sikurezza tal-ajruplan, il-bdot tiegħu, kif ukoll il-pubbliku in ġenerali. F’dan il-każ id-Dipartiment ħass li jkun diffiċli li jagħmel superviżjoni xierqa fuq ajruplan li jingħata
Permit to Fly
permanenti fuq it-territorju Malti meta l-ajruplan in kwistjoni l-anqas biss ikun ibbażat Malta.
Fl-aħħar nett għalkemm huwa minnu li d-Direttur Ġeneral kien informa lis-Segretarju Ġenerali ta’ l-Aero Club Malta li l-ispezzjoni tal-ajruplan kienet intenzjonata li ssir fis 26 ta’ Ottubru, din ma setgħetx issir fil-ġurnata stabbilita għar-raġunijiet li diġa semmejt u f’dan il-kuntest ma ġiet miksura l-ebda ordni tad-Direttur Ġenerali u kif ġa intqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 12076, l-anqas mhu minnu li l-Airworthiness Manager irrifjuta mingħajr raġuni valida. Għal dawn ir-raġunijiet mhux il-każ li jittieħdu xi passi kontra xi persuna.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13734 u jinforma lil din il-Kamra jekk hux minnu li l-Assistent Direttur li, fil-prezent jidher li hu responsabbli għad-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan ic-CCD se jiġi jew diġà ġie trasferit, jew b'xi mod ieħor se jmur jaħdem jew diġà mar jaħdem ma' dipartiment jew direttorat ieħor? Fil-prezent, dan l-istess uffiċjal taħt liema payroll jaqa' ? Waqt il-ħinijiet tax-xogħol f'liema dipartiment jew direttorat qiegħed ikun? Il-Ministru jaf li d-Direttur li kien responsabbli għal dan id-direttorat huwa l-Assistent Personali tiegħu u ilu jokkupa din il-kariga għal mill-inqas sena u nofs jew aktar, u propriju għalhekk id-Direttorat tal-Infurzar ilu bla direttur għal dan iż-żmien twil? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux post vakanti jew le? Dan l-uffiċjal għadu jgawdi minn nomenklatura ta' direttur jew m'għadux? Jaħseb li hu ta' benefiċċju għal xi ħadd li dan id-Direttorat sensittiv tħalla mingħajr direttur? Jekk ma jaħsibx hekk għaliex, fil-fatt, tħalla mingħajr direttur? X'kienet ir-raġuni li dan id-direttur jew eks direttur li preżentement qed jagħmilha ta’ Assistent Personali tiegħu telaq mill-imsemmija kariga?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14285.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqatlu bi vjolenza nisa u rġiel fl-2005, 2006, 2007, 2008 u 2009? Jista' jindika f'kemm każi, sena b'sena, il-qtil tan-nisa kien sar minn raġel/irġiel u viċi versa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-omiċidji li seħħew bejn l-2005 u l-2009 kienu kif ġej:-
Infurmat ukoll f’każ ta’ 2 nisa maqtula fl-2005, mara fl-2008 u tlieta oħra fl-2009, kien ġie akkużat bil-qtil tagħhom raġel. Ma kien hemm ebda każ matul l-istess perjodu fejn il-mara ġiet akkużata bil-qtil ta’ raġel.