Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar — Tenders għal xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma x-xogħlijiet li għalihom ħarġu t-tenders biex isir ix-xogħol mill-Malta Tourism Authority (MTA), jew minn xi entità oħra li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu għal xogħol li għandu jsir f'San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn it-tenders ġew allokati lill-kuntratturi li ser jagħmlu x-xogħol u meta hu mistenni li jsir dan ix-xogħol?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, ma ħarġu l-ebda tenders għal xogħlijiet fil-postijiet imsemmija.

Biċċerija ta’ Għawdex — Qatla ta’ majjal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11827 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10961 jista’ l-Ministru jikkonferma r-risposta għal dak li jikkonċerna l-qatla tal-majjal? Jekk iva, jista' wkoll jagħti tagħrif dwar jekk minbarra l-biċċerija tal-Gvern, hux qed ikun hemm ukoll qatliet f'biċċeriji privati u jekk iva, liema biċċeriji privati huma approvati għall-qatliet tal-majjal?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li nikkonferma li l-Biċċerija Pubblika f’Albert Town il-Marsa u l-Biċċerija ta’ Għawdex huma l-uniċi impjanti li huwa preżentement awtorizzati biex joqtlu l-majjal fil-Gżejjer Maltin.

San Pawl il-Baħar, Xemxija — Eks Mistra Village – Rapporti mal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport wasal għand il-pulizija rigward is-sit tal-eks Mistra Village, Xemxija, f’San Pawl il-Baħar, matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti, meta waslu għand il-Pulizija u x'passi ttieħdu wara li daħlu dawn ir-rapporti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena ma kienx hemm rapporti reġistrati mal-pulizija, li huma relatati mas-sit tal-eks Mistra Village, ix-Xemxija, f’San Pawl il-Baħar.

San Pawl il-Baħar, Xemxija — Eks Mistra Village – Rapporti mal-LESA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport wasal għand il-Local Enforcement System (LESA) rigward is-sit tal-eks Mistra Village, Xemxija, f’San Pawl il-Baħar, matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti, meta waslu għand il-LESA u x’passi ttieħdu wara li daħlu dawn ir-rapporti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Aġenzija LESA ma rċevietx rapport dwar dan is-sit.

Trasport pubbliku — Żieda ta’ frekwenza ta’ vjaġġi lejn l-MCAST

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11820 dwar ir-rotta AX1 tal-karozza tal-linja, jista' l-Ministru jara li jkun hemm servizz li jibda qabel is-06:40 a.m. sabiex l-istudenti jilħqu jaslu l-MCAST fil-ħin għal-lezzjoni tat-8:00 a.m.?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni.

Ix-Xemxija — Triq Katerina Vitale u Triq il-Fuħħar - Bini ta’ ħajt f’nofs it-triq

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11823 dwar is-sit tal-eks Mistra Village fix-Xemxija, jista' l-Ministru jikkonferma li tali permessi nħarġu mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar? Jista' jgħid ukoll kemm-il parkeġġ intilef b’dawn il-permessi u sa meta nħarġu dawn il-permessi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, illi l-istess Kunsill Lokali diġà ħareġ il-permessi neċessarji u dan wara li ttieħdu diversi konsiderazzjonijiet, inkluż: i. Il-konferma li ngħatat mill-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-validità tal-permessi; ii. Il-fatt li saru verifiki dwar x’jgħidu r-regolamenti kollha relattivi; iii. Il-fatt li kien hemm deċiżjoni unanima tal-kunsill fil-Laqgħa Nru. 68; iv. Il-kundizzjoni, li parkeġġi eżistenti f’art privata tal-istess żviluppatur, fi Triq Raddet ir-Roti, jibqgħu għall-użu tar-residenti bejn il-17.00 hrs u 7.00 hrs; v. Il-fatt li għal Kunsill Lokali rispettiv, is-saħħa u s-sigurtà tal-persuna tiġi qabel kull aspett ieħor kif ukoll bil-kundizzjoni mposta mill-istess Kunsill li l-parkeġġi eżistenti f’art privata tal-istess żviluppatur jibqaw għal użu tar-residenti, ma kienx hemm ħtieġa li jinżamm rendikont dwar il-parkeġġi msemmija.

Ix-Xemxija — Rapporti ta’ xogħol ta’ skavar fis-sit tal-Eks Mistra Village

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11824 dwar is-sit tal-eks Mistra Village fix-Xemxija, jista’ l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti u meta waslu? Jista’ jgħid ukoll x'passi ttieħdu minn dawn l-awtoritajiet wara li daħlu dawn ir-rapporti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Blue Badges li ġew irtirati jew mhux imġedda

Question

B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il blue badge ġiet irtirata jew ma ġietx imġedda mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b' Diżabilità u mill-Aġenzija Sapport, separatament għal kull sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ dokumenti tal-Blue Badge li ma ġewx imġedda jew ġew irtirati minn Aġenzija Sapport u mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, hu kif ġej: Dokumenti mhux imġedda Dokumenti irtirati Jannar – Diċembru 2022 873 0 Jannar – 10 ta’ Ottubru 2023 1,236 13

Blue Badges li nħarġu ġodda jew li ġew imġedda

Question

B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il blue badge ġdida nħarġet u kemm-il blue badge ġiet imġedda mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u mill-Aġenzija Sapport, separatament għal kull sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ dokumenti tal-Blue Badge ġodda jew imġedda li ħarġu minn Aġenzija Sapport u mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, hu kif ġej: Dokumenti ġodda Dokumenti mġedda Jannar – Diċembru 2022 1,796 903 Jannar – 10 ta’ Ottubru 2023 1,728 670

Blue Badge – Ħruġ ta’ permessi ġodda għal parking bay

Question

B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2021, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess ġdid għal blue badge parking bay inħareġ separatament għal kull sena? Minn dawn, kemm-il permess kien għal communal parking bay?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2021 inħarġu 717 il- permess għal parkeġġi ‘blue badge’ ġodda li minnhom 262 kienu ‘communal’. Fl-2022 inħarġu 917 il-permess li minnhom 326 kienu ‘communal’ u fl-2023 inħarġu 408 il-permess li minnhom 56 kienu ‘communal’.

Blue Badge – Tiġdid ta’ permessi għal parking bay

Question

B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2021, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess għal blue badge parking bay ġie mġedded separatament għal kull sena? Minn dawn kemm-il permess kien għal communal parking bay?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parkeġġi għal dawk il-persuni li għandhom il-‘Blue Badge’ jiġġedded awtomatikament sakemm ma jkun hemmx oġġezzjoni jew informazzjoni li l-persuna m’għadhiex eliġibbli.

Blue Badge – Permessi għal parking bay li ma ġewx imġedda

Question

B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2021, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jista’ l-Ministru jinforma kemm-il permess għal blue badge parking bay ma ġiex mġedded separatament għal kull sena? Minn dawn kemm-il permess kien għal communal parking bay? X'kienet ir-raġuni għal dan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar parkeġġi riservati għal persuni b’diżabilità tiġi aġġornata kważi kuljum. Huwa ikkalkulat li fis-snin segwenti ma ġewx imġedda dawn il-parkeġġi: Fl-2021 – 70 parkeġġ; Fl-2022 – 90 parkeġġ; Fl-2023 – 75 parkeġġ Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li meta persuna jkollha parkeġġ personaliżżat riservat, qabel ma Transport Malta tirtira dak il-permess issir konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali sabiex ikun stabbilit jekk dak il-parkeġġ ikunx bżonnjuż għall-użu komuni, f’liema każ ma jkunx hemm għalfejn jitneħħa.

Blue Badge – Permessi għal parking bay li ġew irtitati

Question

B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2021, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess għal blue badge parking bay ġie rtirat separatament għal kull sena? Minn dawn, kemm-il permess kien għal communal parking bay? X'kienet ir-raġuni għal dan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-snin imsemmija ġew irtirati permessi għall-parkeġġi hekk kif isegwi: Sena 2021 2022 2023 Ammont 289 372 306 Il-permessi għall-parkeġġi għal persuni b’diżabilità jitneħħew meta l-Transport Malta jkollha informazzjoni li l-applikant m’għadux eliġibbli jew meta l-applikant stess japplika għal parkeġġ personalizzat.

Bring-in-sites f’kull lokalità — Ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ftehim maqbul bejn il-Ministeru, l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali u/jew il-Kunsilli Lokali jew xi entità oħra dwar kemm għandu jkun hemm Bring-in-sites f'kull lokalità? Jekk iva, kif jiġi assigurat li l-Kunsilli Lokali differenti jimxu ma' dan il-ftehim?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li din il-materja hi regolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, liema leġiżlazzjoni hi responsabbli għaliha l-Awtorità kkonċernata. Infurmat li l-irwol tal-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali (AKL), kif ukoll tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali kien li jinkoraġġixxi u jassisti lil-lokalitajiet kollha sabiex jaderixxi ma’ dan ir-Regolament, u ċjoè li kull lokalità jkollha n-numru ta’ Bring in Sites kif mitlub mill-istess regolamenti.

San Pawl il-Baħar — Torrijiet (multistorey high-rise buildings)

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema partijiet ta' San Pawl il-Baħar hu permissibli li jinbnew torrijiet (multistorey high-rise buildings)? Jista' jgħid ukoll f'liema nħawi tal-istess lokalità hu permissibbli li jiġi adottat il-Floor Area Ratio (FAR)? Fejn hemm bħalissa applikazzjonijiet pendenti biex jinbnew tali torrijiet f'San Pawl il-Baħar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Prodotti agrikoli Maltin – Swieq għal bejgħ barra minn Malta (jew ta' esportazzjoni lejn pajjiżi mhux mill-Unjoni Ewropea)

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, flimkien mas-settur privat, irnexxilux isib swieq għall-bejgħ barra minn Malta ta' prodotti agrikoli Maltin, (jew ta' esportazzjoni lejn pajjiżi mhux mill-Unjoni Ewropea)? Jekk iva, liema kienu l-prodotti u lejn liema pajjiżi ntbagħtu?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li flimkien mal-produtturi lokali, organizzazzjonijiet lokali kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali, qed jiġu identifikati numru ta’ swieq b’potenzjal ta’ esportazzjoni ta’ prodott agrikolu Malti. Il-Malta Food Agency qed taħdem id f’id ma’ koperattivi u produtturi lokali biex itkompli tgħinhom isaħħu u jkabbru s-swieq tagħhom, kemm lokali kif ukoll internazzjonali u jingħata aktar valur lill-prodotti tagħhom. Intbagħtu kampjuni ta’ prodotti lejn il-Ġappun li jinkludu żejt taż-żebbuġ, għasel, melħ tal-baħar u kunserva bħala promozzjoni.

POYC — Nuqqas tal-Medicina Penicillin (penopen 250 mg)

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta hu mistenni li l-pilloli tal-penicillin (Penopen 250 mg) ikunu disponibbli mill-POYC peress li dawn ma kinux disponibbli għal dawn l-aħħar erba’ xhur u x’kienet ir-raġuni li għaliha ma kinux disponibbli għal daqstant xhur? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni huma intitolati li jieħdu dawn il-pilloli partikulari f’Malta u Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-mediċina msemmija minnha hija disponibbli.

Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità — Rapporti foloz dwar blue badges

Question

B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il rapport ta' blue badge falza wasal għand il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità? Minn dawn kemm-il każ fil-fatt instab li kien veritier, u kemm il-każ baqa’ biex jiġi verifikat separatament għal kull sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità matul l-2022 irċeviet 113-il rapport u matul l-2023 irċeviet 115-il rapport sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari. Minn dawn, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda każ li għad irid jiġi vverifikat. Fl-2022 kien hemm sitt każijiet li spiċċaw il-Qorti, fejn f'erbgħa minnhom instabet ħtija u fi tnejn le. Minkejja dan, il-Kummissjoni xorta tħoss li l-każijiet kienu kollha veritieri. Fl-2023 kien hemm tliet każijiet li spiċċaw il-Qorti, fejn fi tnejn instabet ħtija u waħda għad trid tinqata' mill-Qorti.

Blue Badge — Abbużi

Question

B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tista’ l-Ministru tgħid x'azzjoni ttieħdet fuq persuni li nqabdu jabbużaw mill-Blue Badge? X'kienet ir-raġuni tal-abbuż (blue badge falza, blue badge skaduta, blue badge ta' persuna li ma għadhiex ħajja eċċ.), separatament għal kull sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi malli l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tirċievi rapport ta' abbuż minn Blue Badge, hija tagħmel il-verifiki tagħha. Dan jinkludi t-tqabbil tal-evidenza mad-database tal-Blue Badges, iċċekkjar tal-ġeneralitajiet tal-persuni ssuspettati u tal-vejikoli li jissemmew fir-rapporti. Imbagħad, il-Kummissjoni jew tkellem direttament lill-persuni illi allegatament qed jabbużaw, jew tirrappurtahom lill-Aġenzija Sapport sabiex isiru l-verifiki neċessarji min-naħa tal-istess Aġenzija, inkella tagħmel rapport lill-Pulizija sabiex tixlihom quddiem il-Qorti. Matul l-2022 u l-2023 kien hemm każijiet ta' użu ta' Blue Badges skaduti, Blue Badges ikkupjati, użu ta' Blue Badges ta' persuni li ġew nieqsa, użu ta' Blue Badges li ġew irrappurtati mitlufa u Blue Badges iffalsifikati. F'dawn il-każijiet kollha, il-Blue Badges li ntużaw abbużivament inġabru mill-Kummissjoni. Senjatament fl-2022 kien hemm każ fejn id-data ta' skadenza tal-Blue Badge ġiet imbagħbsa u fl-2023 kien hemm każ fejn ir-ritratt fuq il-Blue Badge ġie ssostitwit b'ritratt li jġib il-fattizzi ta' persuna oħra.

San Pawl il-Baħar – Użu minn new water għall-bdiewa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser ikun possibbli li l-bdiewa fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar jibdew jagħmlu użu min-new water? Billi fadal partijiet mit-telgħa ta' San Martin fejn il-mains għadhom ma tpoġġewx f'posthom, tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li dawn il-mains jitqiegħdu fejn suppost?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet f’San Martin jinsabu għaddejjin, bi pjan li jitlesta x-xogħol lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Apparti d-dispensers fl-akkwati ta’ San Martin li se jkunu installati wara li jitlesta t-tqegħid tal-mejnijiet, il-bdiewa abbonati għan-new water għandhom ukoll aċċess li jieħdu l-ilma minn kwalunkwe dispenser diġà installat.